Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta — Karozza tal-linja li tgħaddi minn Triq San Pawl tal-Qlejja

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex it-trasport pubbliku min-naħa ta' Triq San Pawl tal-Qlejja fil-Mosta, fejn qabel ir-riforma kienet tgħaddi l-karozza tal-Imġarr, li llum għandha n-numru 44, issa mhux tgħaddi l-ebda waħda? Jista' jara li terġa' tibda tgħaddi din il-karozza minn Triq San Pawl tal-Qlejja Mosta lejn l-Imġarr u lura minn hemm lejn il-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi fis-sistema preċedenti kien hemm biss karozza waħda li kienet tgħaddi kull siegħa. Illum l-eqreb bus stop li jinsab fil-viċinanzi ta' San Pawl tal-Qlejja tal-Mosta huwa l-bus stop bl-isem 'Għolja' 1 li hemm fi Vjal Indipendenza Mosta, ċirka 700 metru bogħod, iżda minn dan il-bus stop minnflok servizz wieħed jgħaddu jgħaddu dawn ir-rotot fid-direzzjoni lejn iċ-ċentru tal-Mosta: · Rotta 31 bi frekwenza ta 20 minuta · Rotta 41 bi frekwenza ta 30 minuta · Rotta 42 bi frekwenza ta 60 minuta · Rotta 44 bi frekwenza ta’ 30 minuta · Rotta 205 bi frekwenza ta’ 60 minuta Minkejja dan, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta ħadet nota ta' dan is-suġġeriment, liema suġġeriment ser ikun qiegħed jiġi kkunsidrat fil-futur.

proċess ta' reġistrazzjoni ta' annimali

Question

Jaħseb il-Ministru li l-proċedura ta' kif jiġu eżegwiti l-proċessi mis-servizz veterinarju vis-à-vis il-bhejjem mhux irreġistrati huwa tajjeb? Jista' l-Ministru jispjega dan il-proċess x'inhu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 38146, ninformah li d-Dipartiment jżur kull razzett reġistrat u jittestja il-bhejjem regolarment, kif ukoll li fuq kull rapport li jkun hemm issir ispezzjoni mill-Uffiċjali Veterinarji tad-Dipartiment. Jekk l-annimali huma regolari u għalhekk għandhom ear tag imma jkunu ġew imċaqalqin mingħajr permess, is-sid oriġinali u x-xerrej jeħlu multa amministrattiva ta’ Ewro 3,884. Jekk il-post m’għandux il-permessi neċessarja tal-iżvilupp iżda l-annimali huma regolari, kollha bl-ear tag, u reġistrati fuq dak il-post għaliex tkun saret reġistrazzjoni fil-passat, meta bdew dawn il-programmi regolatorji fl-1987, is-sid jingħata iċ-ċans jirregolarizza ruħhu mal-MEPA. Meta l-annimali ikunu bla ear tags f’post mhux reġistrat u għalhekk mhux parti mill-programmi regolatorji veterinarji, dawn l-annimali huma ikkunsidrati periklu għal kumplament tas-settur u jinqatlu u jiġu inċenerati.

Għawdex — annimali mhux reġistrati

Question

Jaħseb l-Ministru li l-proċedura ta' kif jiġu trattati l-bhejjem mhux irreġistrati u allura jinqatlu kif sar fil-każ tal-mogħoż ġewwa Għawdex dan l-aħħar għandu jinbidel jew jibqa' kif huwa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 38146, niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li din hi proċedura wkoll f’ pajjiżi oħra tal-UE. Biex tkun garantita l-katina tal-ikel il-liġi ma tiqafx biss fir-reġistrazzjoni u traċċabilità ta’ l-istess annimali iżda tmur oltre. Fid-dawl ta’ risku ta’ mard li ma jistax jiġi dijanjostikat waqt li l-annimal huwa ħaj kif spjegajt fl-istess Mistoqsija Parlamentari numru 38146, skont il-liġi d-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti għandu l-obbligu li jittestja kull n-nagħġa u mogħża ta’ aktar minn sena li tmut biex ikun aċċertat li m’hemmx preżenza ta’ mard u b’hekk tibqa’ tinżamm ukoll sorvelljanza fuq l-irziezet tan-nagħag kollha li huma skond il-ligi.

Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji — spiża biex jinqatlu l-mogħoż

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'kienet l-ispiża tad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji biex ittieħdu l-azzjonijiet li waslu biex numru ta' mogħoż fil-razzett f'Għawdex dawn l-aħħar jiem jinqatlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-pagi tan-nies ikkoncernati kienu parti mill-pagi normali tal-mansjonijiet tagħhom waqt ix-xogħol. L-unika spiża straordinarja li saret s’ issa kienet ta’ 1,455 Ewro għat-trasport ta’ parti mill-karkassi lejn l-inċeneratur fil-Marsa. L-ispejjeż oħra kienu parti minn sistemi u proċeduri li huma eżistenti fid-Dipartimenti għar-Regolazzjoni Veterinarja u Saħħa tal-Pjanti u Għal-Proġetti u Żvilupp f’Ghawdex. Ma hemmx valur kummerċjali tal-215-il nagħga li diga inqatlu u ta’ dawk li għad baqa biex jinqatlu peress li skont il-liġi dawn l-annimali ma jistgħux jiġu trasferiti, ma jistgħux jiġu ċertifikati u għalhekk ma ghandhom l-ebda possibilità li jidħlu fil-kummerċ. Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 38146, il-preżenza ta’ annimali llegali mhux taħt il-kontroll veterinarju kif preskrit mill-liġi Maltija u dik Ewropeja joħolqu danni kbar lis-settur minħabba li joħolqu inċertezzi kbar fis-sigurta tal-katina ta’ l-ikel

proġett tat-turbini tar-riħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-gvern f'din l-leġiżlatura sabiex jesplora l-proġett tat-turbini tar-riħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li hemm aktar minn proġett wieħed li jirrigwarda t-turbini tar-riħ, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika għal liema waħda qiegħed jirreferi.

enerġija ġenerata minn turbini tar-riħ

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm kien nefaq flus fil-leġiżlatura ta' qabel din, il-Gvern Malti biex jesplora l-possibilità ta' enerġija ġġenerata minn turbini tar-riħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fis-sena 2005 kien sar studju minn Mott Macdonald Ltd bl- isem “ Strategy for Renewable Electricity exploitation in Malta” li investiga fost sorsi ohrajn ta’ enerġija rinnovabli l-possibilità ta' enerġija ġenerata minn turbini tar-riħ . Dan l-istudju sewa Euros 139,762

politika tal-gvern rigward enerġija mir-riħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għamillu r-rapporti neċessarji li fuqhom il-gvern iddeċieda jew qed jiddeċiedi l-politika tiegħu fuq ir-riħ? Jista' l-gvern ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dawn ir-rapporti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-bidu ta’ din il-legiżlatura ħtart kumitat, hekk imsejjah Il-Committee on Wind Energy li, wara li analizza fid-dettal il-kummenti mressqa minn diversi aġenziji tal-Gvern dwar il-proposta ta’ wind farm fuq is-Sikka l-Bajda, irrakkomanda bis-sħiħ lill-Gvern biex din il-proposta tiġi studjata aktar fid-dettal permezz ta’ studji ambjentali u teknici. L-istess kumitat ukoll saħaq li l-possibilta’ ta’ wind farms fuq l-art ma ghandhiex tiġi eskluża. F’Jannar 2009, il-Mott MacDonald lestiet rapport ikkumissjonat mill-Awtorita’tar-Rizorsi li evalwa l-vijabilta` ta’ wind farm fuq Is-Sikka l-Bajda, flimkien ma’ alternattivi oħra, biex Malta tkun tista’ tilħaq il-mira stabilita mill-Unjoni Ewropea sas-sena 2020. Ir-rapport kien wera l-potenzjal li għandha Is-Sikka l-Bajda biex tikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex tintlahaq din il-mira. Is-sunt ezekuttiv tar-rapport tal- Committee on Wind Energy (Lulju 2008) kif ukoll ir-rapport miktub mill-Mott MacDonald (Jannar 2009) huma pubblici u jinstabu fis-sit www.windfarms.gov.mt .

politika dwar it-turbini tar-riħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux politika dwar it-turbini tar-riħ, fuq bażi ta' ċittadin b'mod individwali u fuq livell governattiv għall-produzzjoni tal-elettriku għall-poplu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-politika dwar it-turbini tar-riħ, fuq bażi ta' ċittadin b'mod individwali u fuq livell governattiv għall-produzzjoni tal-elettriku għall-poplu hija dokumentata fid-dettal fil-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar l-Energija Renovabli. Preżentement hemm skema ta’ għajnuna ta’ 25% (sa massimu ta’ €232. 94) tal-ispiża għall-istallazzjoni tat-turbini tar-riħ domestiċi. Għal konsumaturi rurali jew industrijali hemm skemi ta’ għajnuna oħra.

problemi relatati ma' mard tas-sider

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'jiġri minn dawk il-pazjenti nisa li għandhom storja ta' problemi relatati ma' mard tas-sider u għandhom iktar minn 62 sena? Jista' jgħid jekk dawn jistgħux jidħlu fl-iskema ta' skrenjar ukoll?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Programm Nazzjonali ta’ Screening għall-Kanċer tas-sider bħalissa qed jistieden lin-nisa f’Malta u Għawdex ta’ bejn il-50 u s-60 sena (madwar 42,000 mara) fuq medda ta’ tliet snin. Il-Programm jistieden lil nisa li huma b’saħħithom u jirrakkomanda bis-saħħa li kull min għandu xi dubju jew diffikulta’ dwar is-sider, anki jekk eliġibbli għall-iScreening, jieħu parir immedjat mit-tabib. Dan ikun jista’ jiggwidahom dwar bżonn ta’ aktar investigazzjoni jew riferiment. Matul il-ġimgħat li ġejjin ser issir evalwazzjoni tal-programm mill-International Agency for Research on Cancer (IARC), li gew ingaġġati ukoll biex jagħtu parir dwar estensjoni tas-servizz hekk u fejn meħtieġ.

mammografija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk biex tagħmel mammografija tridx tkun ta' ċertu età biss, u xi proċedura trid issegwi mara li tixtieq teżamina sidirha b'dan it-test?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-deċiżjoni biex isir it-test tal-mammografija mhijiex ibbażata biss fuq l-età iżda hija deċiżjoni li tittiehed b’mod ħolistiku wara eżami kliniku, analiżi tas-sintomi u l-istorja tal-mara u indikaturi kliniċi oħrajn. Kull min għandu xi dubju jew diffikulta’ dwar is-sider għandu jieħu parir immedjat mit-tabib. Dan ikun jista’ jiggwidahom dwar bżonn ta’ aktar investigazzjoni jew riferiment.

Applikazzjonijiet għal djar soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal-djar soċjali? Jista’ jgħid kemm hemm minin dawn l-applikazzjonijiet li ilhom iktar minn sitt xhur, sena, sentejn, tliet snin, erba’ snin u aktar?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l-Awtorità tad-Djar fil-prezent ghandha 1693 applikazzjoni ghall-akkommodazzjoni socjali. L-informazzjoni mitluba qiegħda fit-tabella t’hawn taħt:- Perjodu Nru t’Applikazzjonijiet Aktar minn 6 xhur 149 Aktar minn sena 255 Aktar minn sentejn 154 Aktar minn tlett snin 69 Aktar minn erba’ snin u aktar 640

Bhejjem li inqabdu jitrabbew b'mod illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm matul is-snin 2009 2010, 2011 u 2012 li inqabdu bhejjem, mogħoż, nagħaġ, baqar u għoġiela li kienu qed jitrabbew b'mod illegali? Jista’ jgħid x'sar minn dawn l-istess bhejjem? Jista’ l-Ministru jgħid l-ammont ta’ bhejjem li kien hemm fkull każ u l-proċedura li intużat f’kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċedura li intużat kienet dejjem kif stipulat fir-regolamenti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea numri 1760/2000 u 911/2004 intenzjonati biex jissalvagwardaw is-saħħa tal-bniedem fil-konsum ta’ laħam u prodotti li joriġinaw minn annimali. Fi kliem ieħor, dawn ir-regolamenti fost l-oħrajn jesiġu li kull animal mhux identifikat u regolat skont ir-regolamenti eżistenti, m’għandux post fil-katina tal-ikel u kull animal ta’ produzzjoni ma jistax ikun konsidrat bħala pet. Ninformah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni l-oħra mitluba.

Spezzjonijiet fi ħwienet tal-laħam minħabba livel ta' sanità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret fi ħwienet tal-laħam minn esperti sanitarji matul Jannar sa Ottubru 2012? Jista’ jgħid jekk dawn l-ispezzjonijiet humiex fuq bażi kontinwa jew jekk din l-proċedura issirx minħabba xi raġuni oħra? Jekk iva, x’inhi dik ir-raġuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li din is-sena fil-perjodu ndikat, saru 296 ‘risk assessment isnpections’ fi ħwienet tal-laħam, ġew investigati 20 ilment fl-istess tipi ta’ ħwienet, kif ukoll saru 68 spezzjonijiet oħra relatati ma’ traċċabilita’ tal-prodotti tal-laħam. Il-296 ‘ risk assessment inspections’ huma spezzjonijiet li jsiru fuq bażi kontinwa/regolari, l-għoxrin ilment ġew investigati wara ndividwi jkunu għamlu lment speċifiku fuq ħwienet partikolari f’dan il-każ ħwienet tal-laħam, waqt li tmienja u sittin spezzjoni li saret fuq it-traċċabilita’ tal-ikel kienet ibbażata fuq sorveljanza fis-suq.

Ħela ta' enerġija ġenerata

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37552 u jgħid jekk jeżistix perjodu fil-ġurnata li tiġi ġġenerata enerġija mill-power station li ma tintużax jew li tiġi ġġenerata enerġija iktar milli għandu bżonn il-pajjiż u għalhekk jinħela? F'liema huma dawn il-ħinijiet tal-ġurnata u kemm tkun l-enerġija ġġenerata li ma tintużax?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Investigazzjoni dwar skema tat-tkissir ta' bastimenti

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra x'passi ħa, jew se jieħu, biex issir l-investigazzjoni serja dwar l-iskema tat-tkissir ta' bastimenti mħabbra riċentement mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, kif appellaw l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd u l-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd li bejniethom jirrappreżentaw 'l fuq minn 1000 sajjied?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Investigazzjoni fuq skema rigward sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jserraħ moħħ is-sajjieda u l-għaqdiet tagħhom li l-investigazzjoni li se jagħmel tkun waħda serja indipendenti u trasparenti speċjalment meta wieħed jikkunsidra li fl-iskema mħabbra u li s-sajjieda sejħula skema diskriminatorja, hemm involuti fondi tal-Unjoni Ewropeja kif ukoll fondi Nazzjonali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Sptar Mater Dei — persuni jistennew fuq stretcher

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm persuni li damu fuq stretcher l-emergenza għal iktar minn 24 siegħa fl-Isptar Mater Dei sakemm issejħu sabiex jingħataw sodda matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Miżura 1 to 1 — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti fl-aħħar sejħa li kien hemm biex jieħdu għajnuna mill-fondi tal-miżura 1 to 1 taħt il-programm żvilupp rurali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni li m’hemmx Miżura “1 to 1” li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, iżda Miżura 121, nixtieq ninfurmah li għall-aħħar sejħa ta’ din il-miżura kien hemm 501 applikanti.

Miżura 1 to 1 — riżultati tal-evalwazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beħsibu joħroġ ir-riżultat tal-evalwazzjoni fuq l-għajnuna mill-fondi tal-miżura 1 to 1 taħt il-programm żvilupp rurali peress li wasalna fl-aħħar xhur ta’ din is-sena, fejn min applika ilhom jistennew l-għajnuna għal bosta xhur? X’qed iżomm lid-dipartiment li joħroġ ir-riżultat ta’ dawk li kwalifikaw u dawk li ma kwalifikawx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-proċess biex ikun determinat liema huma dawk l-applikazzjonijiet eliġibbli għall-għajnuna mill-Miżura 121 hemm bżonn li jsiru l-iskrutinji neċċessarji liema proċess ta’ skrutinju għaldaqstant jieħu tul ta’ żmien. Madankollu huwa mistenni li r-riżultat jiġi ppubblikat lejn l-aħħar ta’ Novembru 2012.

Mini buses Buses — rotot għall-iskejjel

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huwa responsabli sabiex jagħti r-rotta lil tal-mini busses u tal-buses li jieħdu t-tfal għal u minn l-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-responsabbilta' sabiex jippjana, jorganizza, jqassam u jissorvelja r-rotot tal-istudenti tal-iskejjel tal-istat mogħtija lil tal-minibuses u tal-buses hija tal-Unit tat-Trasport fi ħdan id-Dipartiment tar-Riżorsi fl-Iskejjel fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi.