Jista' l-Ministru jispjega jekk jeżistix pjan sabiex jinżergħu iktar siġar f'Malta u Għawdex? Kemm inżergħu siġar f'Malta u Għawdex fis-sena, u ta' liema tip?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Iva, jeżisti pjan, tant li fl-aħħar budget ġew indikati 5 zoni oħra fejn hemm il-ħsieb li jitħawlu iktar siġar fis-snin li ġejjin.
Fis-sena 2007 jien infurmat li tħawwlu l-fuq minn 24,000 siġra tat-tip taż-żebbug, ħarrub, ballut, għargħar, tamarisk, ċipress, deru u riħan.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx programmi ta' Long Life Education? F'liema settur jeżistu dawn il-programmi? Kemm jattendu studenti għalih? Huwa ppjanat taħriġ ieħor f'oqsma ġodda u differenti? F'liema ħinijiet jingħata dan it-taħriġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Progammi ta’ Lifelong Learning Education jaqgħu taħt id-Dipartiment tas- Servizzi għall-istudenti fi ħdan id-Direttorat tas- Servizzi Edukattivi. Bħalissa hemm 390 student jattendu l-Lifelong Learning Centre. Hemm diversi korsijiet li l-istudenti jattendu għalihom. It-taħriġ jingħata bejn 8.30am u 13.30pm. Id- Direttorat għal Servizzi Edukattivi dejjem impenjat li jaġġorna u jżid korsijiet f’oqsma edukattivi.
Jista' jispjega jekk il-bozoz li jintużaw mill-Enemalta fit-toroq humiex enery savers? Jekk le, meta beħsiebu jbiddilhom u kemm jikkalkula li jiffranka dawl jekk jagħmel hekk?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Tista' l-Ministru tagħti statistika ta' kemm tfal ta' l-iskola ta' bejn 14 u 16-il sena jkunu diġa' jpejpu jew jieħdu xi tip ta' sustanza oħra, bħal drogi llegali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li rapporti ta’ teħid jew suspetti ta’ teħid ta’ drogi fl-iskejjel kien hemm 50 f’din is-sena skolastika. Dawn jinkludu skejjel ta’ l-istat, skejjel tal-knisja u skejjel indipendenti. L-eta’ tvarja bejn 14 u 16-il sena. F’dawn il-każijiet saret ħidma mis-Substance Abuse Policy Team fi ħdan is-Safe School Programme.
Nixtiequ niġbdu l-attenzjoni, li għalkemm dawn l-istudenti ġew riferuti mill-iskejjel, dan ma għandu bl-ebda mod jiġi nterpretat li dawn l-istudenti abbużaw mid-droga fl-iskola.
Infurmata wkoll li m’hemmx statistika dwar kemm hawn studenti bejn 14 u s-16-il sena li jpejpu.
Jista' l-Prim Ministru jara li r-rati u l-kondizzjonijiet li jaħdmu bihom l-ħaddiema li jipprovdu l-on call huma adegwati għaż-żmenijiet tal-lum? Il-ħlas bħalissa huwa ta' xi ftit ċenteżmi kull siegħa li jagħmlu on call u wara li jidħlu on call,l-għada jekk dawn jidħlu bil-lejl xorta jridu jibqgħu jaħdmu l-ġurnata normali.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rati attwali ta’ stand-by allowance, ġew stabbiliti fl-2003 bi qbil mal-Unions meta sar eżerċizzju ta’ reviżjoni ta’ l-allowances. Il-ħaddiema li attwalment jaħdmu waqt il-perjodu ta’ l-istand-by jitħallsu bir-rata attwali tal-overtime applikabbli għall-grad tagħhom.
L-għada dawn l-uffiċjali jridu jidħlu għax-xogħol bħal dawk l-uffiċjali kolha li jaħdmu l-overtime.
Irrid niċċara li skond deċiżjoni tal-Qorti Ewropea, il-kliem on-call ifissru ħaddiema li jkunu fuq xogħol passiv. Nużaw il-kliem stand-by għal dawk li jkunu off iżda jistgħu jissejħu għax-xogħol.
Jista' l-Prim Ministru jispjega kif jitqassmu l-fondi lill-kunsilli lokali rigward il-manutenzjoni u l-irranġar ta' toroq fil-lokalitajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsilli Lokali tinħadem fuq formula li tinsab fl-Għaxar Skeda ta’ l-Att dwar Kunsilli Lokali. Din il-formula tieħu in konsiderazzjoni l-assi u l-funzjonijiet statutorji ta’ kull Kunsill. Fir-rigward tal-manutenzjoni u l-irranġar tat-toroq tal-lokalitajiet, il-fondi jitqassmu skond it-tulijiet ta’ toroq li kull lokalità għandha, a proporzjoni tat-tulijiet globali tat-toroq kollha f’Malta u Għawdex.
Tista' l-Ministru tispjega x'passi ħa, jekk ħa, id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni wara l-mistoqsija fl-eżami tal-livell avvanzat tal-Kimika, nstab li ma kenitx tinħadem, liema eżami jsir mill-Universita' ta' Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Tlabt lill-Universita’ tagħtini rapport dettaljat dwar dan il-każ, inkluż x’passi ser jittieħdu biex l-ebda kandidat ma jkun żvantaġġjat u x’miżuri għandhom jittieħdu biex żbalji bħal dawn ma jirrepetux ruħhom, sakemm hu umanament possibli.
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dan ir-rapport. Jidher li l-passi li ttieħdu huma suffiċjenti fic-ċirkustanzi.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' assenteiżmu mill-iskejjel ta' l-istat? X'inhi l-eta' tat-tfal li ma jattendux skola u minn liema postijiet ġejjin? Għal liema raġuni jsir dan?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
Tista' l-Ministru tispjega l-pjan tal-Gvern dwar l-problema ta' l-illetteriżmu fit-tfal Maltin? Kemm hija kkalkolata din ir-rata ta' tfal li joħorġu mill-iskola illitterati, u minn liema inħawi dawn it-tfal ġejjin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-problema ta’ l-illiteriżmu hija waħda kumplessa b’mod speċjali minħabba l-fatt li din tista’ titkejjel b’mod u b’miżuri differenti.
Id-Direttorat ta’ l-Edukazzjoni matul iż-żmien ħa diversi inizjattivi kemm partikolari kif ukoll fil-proċess kollu tat-tagħlim.
Kull għalliem, indipendentement mis-suġġett li jgħallem, huwa fid-dmir li jara li t-tfal jitgħallmu jitkellmu, jiktbu u jaqraw.
Fl-istess ħin insibu programmi speċifiċi fosthom:
Programmi għat-tfal bid-disleksja
Edukazzjoni Kumplimentarja
Programmi fuq Ħiliet Bażiċi
Klassijiet speċjali ta’ Litteriżmu fis-Sekondarji eċċ..
Għalliema ta’ Litteriżmu (
Literacy Tutors
tal-
Literacy Unit)
Din is-sena ġie mwaqqaf Kumitat mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kwalita’ biex ifassal Politika Nazzjonali u Strategiji Nazzjonali dwar il-kisba ta’ Ħiliet Bażiċi fil- litteriżmu, numeriżmu, u fit-teknoloġija ta’ l-informatika u l-kommunikazzjoni biex jaqbdu minn kmieni t-tfal li juru diffikultajiet f’dawn il-ħiliet bażiċi.
Il-pjan tad-Direttorat tal-Kwalita’ fl-Edukazzjoni huwa li jkompli jsaħħaħ il-litteriżmu permezz ta’ metidoloġiji ta’ tagħlim fil-kuntesti tas-suġġetti kollha li nsibu fil-kurrikulu.
Rigward l-aħħar Ċensiment li sar f’Novembru ta’ 2005, ir-riżulat indika li l-perċentaġġ ta’ l-illitteriżmu fost l-istudenti ta’ bejn l-10 u d-19-ilsena kien ta’ 1,7%. Dawn huma riflessi hekk: mill-inħawi tan-Nofsinhar tal-Port hemm 0,4%, l-inħawi tat-Tramuntana tal-Port 0,6%, tax-Xlokk 0,2%, tal-Punent 0,2%, Tramuntana 0,2%0, u Għawdex u Kemmuna 0,1%. Dawn, minn total ta’ popolazzjoni ta’ 56,634 student.
Jista' l-Ministru jgħid:
Kemm persuni bbenefikaw minn maħfriet ta' taxxa dovuta, multi eċċ dovuti lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fil-perjodu l-1 ta' Jannar 2008 sa 29 ta' Frar, 2008?
Kemm hemm persuni li f'dan l-istess perijodu kellhom ukoll ħlasijiet ta' taxxa dovuta, multi, eċċ lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni li ma bbenefikawx minn dawn il-maħfriet?
Kemm kienet is-somma totali maħfura mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fl-istess perijodu?
Fuq liema kriterji ntgħażlu l-persuni li bbenefikaw minn dawn il-maħfriet ta' taxxa dovuta lid-Dipartiment? U x'kienu r-raġunijiet li dawk li ma bbenefikawx tħallew barra?
Response (FENECH, ANTONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul il-perijodu msemmi ma saret ebda maħfra jew amnestija relatata mal-liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul.
Jista' l-Ministru jispjega x'qiegħed iżomm lill-istess gvern milli jipprovdi l-aċċess għall-internet lill-ħaddiema kollha taċ-Ċivil speċjalment dawk il-ħaddiema fejn l-apparat u l-aċċessorji diġa' kollha jeżistu bħalma huma l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li preżentament fis-Servizz Pubbliku hemm 6,257 persuna li għandha aċċess għal l-‘Internet’; dan huwa minn total ta’ 16,081 ‘knowledge workers’ fis-Servizz Pubbliku. Partikularment fil-qasam tas-saħħa, hemm 1,368 persuna li għandha aċċess għal l-‘Internet’ minn total ta’ 4,478 ‘knowledge workers’.
Huwa fid-diskrezzjoni tal-ministeru jew tad-dipartiment partikulari min għandu jingħata aċċess għall-‘Internet’. Dan jiddependi fuq il-bżonnijiet li n-‘knowledge worker’ partikulari jkollu u fuq il-grad li l-istess persuna jokkupa.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li l-inqas ħaddiema li għandhom paga fil-qasam tas-saħħa fl-iSptar Mater Dei huma l-uniċi ħaddiema li jħallsu għall-parking? Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li lil dawn il-ħaddiema tinħarġilhom card speċjali jew permess biex jibdew jipparkjaw b'xejn bħall-ħaddiema l-oħrajn kollha li jaħdmu ġewwa l-iSptar Mater Dei?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li fl-isptar San Luqa il-parkeġġ b’xejn kien aċċessibbli għall-impjegati sa skala 9, il-parkeġġ b’xejn fl-isptar Mater Dei tela’ għall-impjegati fi skala 12.
Fl-istess waqt, dejjem b’arranġamenti mal-operaturi tal-parkeġġi rispettivi, il-ħlas għall-parkeġġ għall-impjegati ta’ l-isptar Mater Dei naqas għal rata minima ta’ ta’ €0.50 (Lm0.215) kuljum mir-rata ta’ Lm0.32 (€0.744) li kienet titħallas fil-parkeġġ tal-Pieta ħdejn l-isptar San Luqa.
Jista' l-Ministru jispjega l-politika tal-Gvern dwar twaħħil ta' lifts ma' flats li ilhom iktar minn 10 snin mibnija? U liema kriterji jintużaw rigward il-prijorita' li tingħata?
Response (DALLI, JOHN)
Il-politika tal-Gvern dwar is-suġġett tal-Mistoqsija hi riflessa fil-kundizzjonijiet li fuqhom hi mfassla l-iskema relevanti kif ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta' April 2005.
Dwar il-kriterji għall-prijorita' ninsab informat li l-applikazzjonijiet jiġu proċessati fl-ordni li jkunu daħlu għand l-Awtorita' tad-Djar filwaqt li tingħata prijorita' lill-każijiet urġenti fuq bażi medika.
Jista' l-Prim Ministru jispjega x'follow up kien hemm min-naħa tad-Dipartiment tal-kunsilli lokali ħalli l-ebda segretarju f'ebda kunsill ma jagħmel mismanagement bil-fondi pubbliċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li meta mill-istħarriġ jew tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali, jew ta’ l-Udituri tal-Gvern Lokali jew xi rapport ieħor, jiġi stabbilit li jkun hemm mismanagement minn xi Segretarju Eżekuttiv, dan jiġi mitlub minnufih sabiex jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu.
Peress li fil-każijiet ta’ mismanagement dan ikun dovut għal xi azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni minn xi uffiċjal tal-Kunsill, wara taħditiet li saru sentejn ilu bejn id-Dipartiment għall-Gvern Lokali, l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali u entitajiet interessati (bħall-Assoċjazzjoni Segretarji Eżekuttivi Kunsilli Lokali Maltin), saru emendi fir-regolamenti finanzjarji tal-Kunsilli Lokali fejn flimkien mas-Sindku, is-Segretarju Eżekuttiv ingħata l-obbligu li jiffirma wkoll ir-risposta għall-Management Letter tal-Udituri għall-Gvern Lokali, fejn tingħata spjega ta’ kif ikun maħsub li jiġu indirizzati l-irregolaritajiet li jkunu ġew identifikati mill-istess udituri.
Minbarra dan, peress li s-Segretarju Eżekuttiv hu impjegat tal-istess Kunsill Lokali, il-Kunsill jista’ wkoll jieħu dawk il-passi dixxiplinari li jidhirlu xierqa wara li jkun ta lis-Segretarju Eżekuttiv kull opportunità biex jiddefendi l-azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni tiegħu. Ta’ min ifakkar li l-Performance Bonus tas-Segretarju Eżekuttiv jiġi evalwat mis-Sindku u diskuss mill-Kunsill u r-rata tal-Bonus tiġi stabbilita skond kemm il-Kunsill jidhirlu li din timmerita lill-istess Segretarju Eżekuttiv. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali f’dan l-eżerċizzju m’għandu l-ebda diskrezzjoni, u dan peress li tali diskrezzjoni hi totalment tal-Kunsill Lokali rispettiv.
Ta’ min isemmi li konxji mill-ħtieġa li kull Segretarju Eżekuttiv ikun aġġornat fuq bażi regolari dwar l-obbligi amministrattivi u finanzjarji tiegħu, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali flimkien mal-Assoċjazzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u s-Segretarji Eżekuttivi f’nofs is-sena li għaddiet organizza programm ta’ taħriġ dwar il-finanzi tal-Kunsilli Lokali miftuħ għas-Sindki u s-Segretarji Eżekuttivi kollha. Dan il-programm sar kemm f’Malta kif ukoll Għawdex sabiex ikun aktar faċli li jattendu l-akbar numru ta’ Segretarji Eżekuttivi u l-attendenza għal dan il-programm kienet waħda tajba ħafna.
Ta’ min isemmi wkoll li t-Taqsima tal-Monitoring tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali tissorvelja l-operat tal-Kunsilli Lokali billi tevalwa l-minuti tal-Kunsill (li jinkludu l-Iskeda tal-Pagamenti), il-Budget u r-Rapport Finanzjarju ta’ kull Kwart, kif ukoll tistħarreġ rapporti dwar irregolaritajiet.
Tista' l-Ministru tagħti statistika ta' dawn l-aħħar 5 snin dwar kemm tfal jitolbu permess biex ma jibqgħux imorru skola ħalli jmorru jaħdmu? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi oħrajn li ma jmorrux skola minħabba xi raġuni oħra? Xi tkun din ir-raġuni u min jieħu r-responsabilta' għaliha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Numru ta’ tfal li talbu għal permess biex jiġu eżentati qabel ma spiċċaw il-kors skolastiku
Sena Skolastika
Nru li talbu eżenzjoni biex jaħdmu
2003/04
116
2004/05
83
2005/06
85
2006/07
78
2007/08-21/05/08
50
Il-maġġor parti ta’ tfal li ma jmorrux skola jkunu koperti b’ċertifikat mediku. Hemm oħrajn li ma jmorrux l-iskola minħabba problemi fil-familja /soċjali.
Ir-responsabilita’ li tfal ta’ eta skolastika jattendu l-iskola hija tal-ġenituri. (Education Act Chapter 327-Duties of parents5.).
Jista' l-Ministru jispjega l-fatt li Triq l-Imtarfa, Imtarfa, li għadha kemm ġiet mibnija qed iżżomm l-ilma f'diversi postijiet kif jidher fir-ritratti li qed jidhru separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid:
Kemm persuni bbenefikaw minn maħfriet ta' taxxa dovuta, multi eċċ dovuti lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fil-perjodu l-1 ta' Jannar 2008 sa 29 ta' Frar, 2008?
Kemm hemm persuni li f'dan l-istess perijodu kellhom ukoll ħlasijiet ta' taxxa dovuta, multi, eċċ lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni li ma bbenefikawx minn dawn il-maħfriet?
Kemm kienet is-somma totali maħfura mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni fl-istess perijodu?
Fuq liema kriterji ntgħażlu l-persuni li bbenefikaw minn dawn il-maħfriet ta' taxxa dovuta lid-Dipartiment? U x'kienu r-raġunijiet li dawk li ma bbenefikawx tħallew barra?
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jitkompla x-xogħol fuq Vjal il-Ħaddiem fir-Rabat, Malta meta x-xogħol twaqqaf wara l-elezzjoni bir-riżultat li din it-triq tinsab fi stat imħarbat u dan qed ikun ta' periklu mhux biss għas-sewwieqa iżda wkoll għan-nies li jużaw din it-triq, speċjalment l-anzjani li huma residenti f'home f'din l-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddejjin xi xogħlijiet tal-WSC fi Vjal il-Haddiem fir-Rabat, Malta. Mill-informazzjoni li għandi bħalissa qegħdin isiru xi testijiet mill-WSC fuq il-‘lean mix’ li hemm poġġut fit-trinka u x-xogħol għandu jkompli immedjatament wara li jiġu stabiliti ir-riżultati tat-testijiet.