Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mentali — Pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pazjenti ġewwa l-isptar mentali fl-2007? Kemm kien hemm pazjenti li jieħdu l-kura mentali u jgħixu fil-komunita' fl-istess perijodu ta' bejn Jannar u Diċembru 2007? Jista' jgħid jekk din ir-rata hijiex ekwivalenti għall-medja ta' l-Unjoni Ewropea ta' pazjenti bl-istess kundizzjonijiet?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-medja ta' pazjenti psikjatriċi ġewwa l-isptar Monte Carmeli fl-2007 kien 392. matul dan il-perjodu kien hemm 1415 admission(939 irġiel u 476 nisa). Fl-istess perjodu, kien hemm 7803 pazjent li kienu qegħdin jieħdu kura psikjatrika fil-komunita'. Minn riċerka li saret fuq il-website ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u dik tal-EUROSTAT ma sibna l-ebda statistika dwar il-medja Ewropeja ta' pazjenti li qegħdin jieħdu kura ġewwa l-komunita'. Lanqas ma kien hemm statistika dwar numri medji ta' pazjenti ġewwa sptarijiet mentali u/jew admissions f'dawn l-istituzzjonijiet. Minn din ir-riċerka jidher li l-medja ta' l-Unjoni Ewropeja ta' sodod għall-użu ta' persuni bi problemi psikjatriċi hija ta' 90 sodda għal kull 100,000 ruħ. Din l-istatistika hija kkwotata kemm mill-WHO kif ukoll mill-EUROSTAT. In-numru ta' sodod f'Malta jikkompara tajjeb ma' din il-medja għaliex għandna 105 sodda għal kull 100,000 ruħ.

Dipartiment tal-VAT — Taxxa dovuta

Question

Jista' l-Ministru jgħid: Kemm persuni bbenefikaw minn maħfriet li saru bejn l-1 ta' Jannar 2008 sa 29 ta' Frar, 2008 għal min kellu ħlasijiet u/jew multi pendenti dovuti lid-Dipartiment tal-VAT? U kemm kienet is-somma totali maħfura? Kemm hemm persuni li wkoll kellhom ħlasijiet u/jew multi pendenti dovuti lill-istess Dipartiment tal-VAT iżda li ma bbenefikawx minn dawn il-maħfriet għall-istess perijodu? Fuq liema kriterji ntgħażlu l-persuni li bbenefikaw minn dawn il-maħfriet u x'kienu r-raġunijiet li dawk li ma bbenefikawx tħallew barra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u 29 ta’ Frar 2008 kien hemm total ta’ 285 persuna li bbenefikaw minn maħfriet fil-perjodu imsemmi fil-mistoqsija. Is-somma totali maħfura kienet ta’ € 530,834. Ghall-istess perjodu fis-sena 2007 u 2006, l-ammont maħfur kien € 613,812 u € 1,567,399 rispettivament. Matul dan il-perjodu kien hemm 7 talbiet li ma ġewx aċċettati. In-numru ta’ talbiet li kien għad fadal jiġu proċessati fl-aħħar ta’ Frar 2008 kien ta’ 127. Skond il-liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, meta jkun hemm raġunijiet validi, multi imposti jistgħu jitnaqqsu jew jinħafru kemm mill-Kummissarju kif ukoll b’deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appelli tal-VAT. Il-persuni li jinħafrulhom il-multi ma jintagħżlux mid-Dipartiment imma jkunu huma stess li jiktbu lid-dipartiment biex il-każ tagħhom ikun ikkunsidrat jew inkella jkunu ressqu l-każ tagħhom quddiem il-Bord ta’ l-Appelli. Huma jkunu mitluba jagħtu r-raġunijiet biex jiġġgustifikaw in-nuqqas tagħhom li dwaru jkunu weħlu l-multi. Ir-raġunijiet għaliex xi talbiet ma ġewx aċċettati kienu li r-raġunijiet miġjuba ma kinux raġjonevoli..

Child care centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet għandha biex tiftaħ child care centres f'Malta u Għawdex? Meta se jinfetħu u fejn se jkunu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul il-ħames snin li għaddew il-Gvern investa b’mod konkret fiċ-Ċentri ta’ kwalita’ta’ ħarsien tul il-jum għat-tfal ċkejknin bl-għajnuna finanzjarja u professjonali liċ-ċentri privati kif ukoll billi fetaħ ċentri tiegħu. Fir-rigward ta’ċentri ta’ ħarsien tul il-jum tal-Gvern, fix-xhur li għaddew infetħu tlett ċentri tal-Gvern f’Ħal-Luqa, Raħal Ġdid u l-Għargħur. Fil-ħames snin li ġejjin, il-Gvern irid jiftaħ aktar ċentri f’Malta u f’Għawdex li joffru mhux biss ħarsien imma programm edukattiv li jgħin fl-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom. Għaldaqstant, il-proċess li nbeda bil-ftuħ ta’dawn it-tlett ċentri jrid jitkompla u ser jitwettaq matul is-snin li ġejjin.

Child care centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il child care centre hawn fil-pajjiż bħalissa? Kemm minn dawn iċ-ċentri jiġu mmexxija mill-privat u kemm mill-gvern? Kemm hi r-rata stabbilita ta' ħlas li kull ġenitur irid iħallas għal kull wild li jkollu sabiex jeħodhom hemm? Hemm liċenzja/permess/ċertifikat/kwalifika speċjali għal dawk li jieħdu ħsieb it-trabi u t-tfal f'dawn iċ-ċentri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 152 bħala risposta għall-ewwel parti tal-Mistoqsija. Sabiex inwieġeb it-tieni parti nixtieq ngħarrfek li l-Ministeru tiegħi huwa responsabbli mill-proviżjoni ta’ childcare centers. Ir-regolatur ta’ dan is-settur ser jibqa’ d-Dipartiment ta’ l-Istandards fil-Ħarsien Soċjali li jaqa’ taħt id-dekasteru tal-Ministeru tal-Politika Soċjali.

Serq rapportat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il serqa saret u ġiet irrapportata fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2008? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 290.

Ċentri ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ċentri ta' l-anzjani ta' matul il-jum? Fejn jinsabu? Għandu xi pjan li jiftaħ iktar ċentri ta' matul il-jum? Jekk iva, fejn?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' għandu 16-il Ċentru ta' matul il-jum. Dawn jinsabu Żejtun, Ħamrun, Qormi, Dingli, Sliema, Żurrieq, Mtarfa, B'Kara, Bormla, San Pawl il-Baħar, B'Buġia, Mosta, Luqa, Sta Venera, Naxxar u Safi. Id-Dipartiment qiegħed f'kuntatt ma Kunsilli Lokali sabiex jistudja l-possibilita' li jinfetħu aktar day centres fejn ikun meħtieġ.

Xiri ta' servizzi mill-privat — Multi

Question

Jista' l-Ministru jispjega jekk il-Gvern jeħilx multi meta jixtri xi servizzi/apparat/mediċini mingħand il-privat u ma jħallasx fil-ħin jew kif ikun il-ftehim? Il-Gvern ġieli jħallas multi lill-privat jew din is-sistema ma teżistix fejn jidħol xiri mingħand il-privat? Jekk ma teżistix din is-sistema, jista' jispjega liema sistema tiġi applikata?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant il-Gvern ma jistax ma jaderixxix mal-provvediment ta’ l-Avviż Legali dwar ħlasijiet tard.

Ċentri ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb li ċ-ċentri ta' matul il-jum ta' l-anzjani, li diġa' jeżistu jġibhom ukoll ċentri ta' matul il-lejl?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li għaddejjin diskussjonijiet mal-Kurja bit-tama li jinfetaħ proġett pilota ta' night shelter fin-naħa t'isfel ta' Malta.

Twelid ta' Trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija r-rata ta' twelid ta' trabi f'Malta u Għawdex u kemm twieldu tfal matul is-sena 2007?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li fis-sena 2007 twieldu 3,898 tarbija f’Malta u Għawdex, minn dawn 3,618 (92.8%) twieldu f’Malta u 280 (7.2%) twieldu f’Għawdex.

Abort

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jimmoniterjax każijiet ta' abort? Kemm kien hemm każijiet ta' abort f'Malta? Jinvestiga jekk isiru każijiet ta' abort barra minn Malta?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob lill-Onor. Membru li peress l-abort huwa att kriminali, jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Sptar pubbliku — Customer care

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nies talbu għajnuna mingħand il-customer care ta' l-isptar pubbliku matul is-sena 2007? Liema kienu l-iktar problemi li ġew jitolbu għajnuna fuqhom? Kemm minn dawn il-problemi ġew solvuti?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ammont totali ta’ rikjesti irreġistrati għas-sena 2007 huwa ta’ 1,719 u kienu mqassma kif ġej: · 60% għamlu xi forma ta’ ilment · 20% talbu pariri dwar aċċess għas-servizzi · 10% talbu nformazzjoni dwar servizzi · 9% taw suġġerimenti · 1% talbu gwida jew direzzjoni L-iktar ilmenti li jaslu għand il-customer care huma kif ġej: - · Ħin ta’ stennija għal appuntament ma konsulent fl-outpatients · Files mediċi spustati · Posponimenti ta’ appuntamenti · Nuqqas ta’ mediċini · Ħin twil ta’ stennija għal operazzjonijiet · X-Rays spustati · Ħin twil ta’ stennija fil-ġurnata ta’ l-appuntament fl-outptients Persentaggi ta’ każijiet solvuti/mhux solvuti 20% jiġu solvuti fil-ħin li jiġu rrapurtati 30% jiġu solvuti f’inqas minn 48 siegħa 15% jiġu solvuti fi żmien ġimgħa jew aktar 30% tinstab xi forma ta’ soluzzjoni 5% ma jiġux solvuti.

Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta se ssirilha l-manutenzjoni meħtieġa, speċjalment fuq in-naħa tal-culverts biex ma tibqax perikoluża?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT hija konxja mill-periklu msemmi u qed tagħmel l-almu tagħha li x-xogħlijiet neċessarji jsiru appena joħorġu u jingħataw kuntratti apposta ta’ manutenazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.

Postijiet storiċi — Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ispiża u s-somma li jonfoq il-Gvern sabiex jirrestawra postijiet storiċi hijiex biżżejjed? Jekk le, kemm hija s-somma ideali fis-sena? Kemm jiġu fondi minn istituzzjonijiet barra l-pajjiż għal dan il-għan? Kif inhuma l-prijoritajiet tal-proġetti li jsiru?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Villa Fransija — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fhiex wasal ix-xogħol fuq Villa Fransija, Ħal-Lija? Meta hu ppjanat li tkun lesta? Kemm ġie jiswa dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li, x-xogħol fuq Villa Fransija li sar mit-Taqsima tax-Xogħlijiet, kważi tlesta kollu għajr għal sala fl-ewwel sular li xogħol fuqha ser jibda f’dawn il-ġranet minħabba li jrid jinbidel is-saqaf u wara jsir ix-xogħol ta’ restawr. Dan il-proġett hu stmat li ser iqum madwar € 920,000. Fuq din il-villa ma sarx xogħol biss ta’ restawr fuq il-ġebla u l-aperturi, imma ġew installati sistema ta’ l-elettriku u sistema mekkanika ġodda kif ukoll lifts b’aċċess għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u sistema ta’ komunikazzjoni. Sar ukoll xogħol ta’ landscaping fil-ġonna tal-madwar kif ukoll xogħol fuq bibien u aperturi nterni. Dan barra xogħol kbir ta’ restawr ta’ affreski li sar mill-ħaddiema tat-Taqsima tar-Restawr.

Karti riċiklati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li juża l-karta riċiklata bħala karta uffiċjali tal-Gvern? Meta beħsiebu jibda jagħmel dan? Għaliex għadu ma bediex jagħmel użu mill-karta riċiklata bħala l-karta uffiċjali tiegħu fejn dokumenti u ittri uffiċjali jiġu pprintjati fuq karta riċiklata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Diġà hemm entitajiet governattivi li qed jagħmlu użu minn karta riċiklata u ilhom jagħmlu hekk għal żmien twil. Din hi prattika li l-Gvern irid ikompli jinkoraġġixxi biex tinfirex mas-settur pubbliku.

Imtarfa — Triq l-Imtarfa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 102 u jispjega l-fatt li Triq l-Imtarfa, Imtarfa, li għadha kemm ġiet mibnija qed iżżomm l-ilma f'diversi postijiet kif jidher fir-ritratti li qed jidhru separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-parti tat-triq imsemmija mil-Onorevoli Interpellant, ma setgħatx tinbena b'pendil sabiex jigu rispettati l-livelli tal-bibien tad-djar tul din il-parti tat-triq u minhabba f'hekk, qed joqgħod l-ilma kif murija fir-ritratti li ta l-Onor Interpellant. Soluzjoni permezz ta' introduzzjoni ta' spralli li jaqblu ma culverts fil-viċin qiegħda tigi kunsidrata.

Dipartiment tal-VAT — Taxxa dovuta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 194 u jgħid: Kemm persuni bbenefikaw minn maħfriet li saru bejn l-1 ta' Jannar 2008 sa 29 ta' Frar, 2008 għal min kellu ħlasijiet u/jew multi pendenti dovuti lid-Dipartiment tal-VAT? U kemm kienet is-somma totali maħfura? Kemm hemm persuni li wkoll kellhom ħlasijiet u/jew multi pendenti dovuti lill-istess Dipartiment tal-VAT iżda li ma bbenefikawx minn dawn il-maħfriet għall-istess perijodu? Fuq liema kriterji ntgħażlu l-persuni li bbenefikaw minn dawn il-maħfriet u x'kienu r-raġunijiet li dawk li ma bbenefikawx tħallew barra?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 194.

Bozoz użati mill-Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 471 u jispjega jekk il-bozoz li jintużaw mill-Enemalta fit-toroq humiex enery savers? Jekk le, meta beħsiebu jbiddilhom u kemm jikkalkula li jiffranka dawl jekk jagħmel hekk?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bozoz li jintuzaw fit-toroq huma tat-tip SON u minnhom infushom diġa jifrankaw meta mqabbla mat-tip l-iehor (HPMV) li kienu jintuzaw sa ftit ilu. Fil-fatt il-konsum għal kull bozza ta 125 watt niżel għal 70 watt. Nuqqas ta 44%.It-tip “energy saver” li qieghed jaghmel referenza għalihom l-Onor Interpellant huma dawk li jintuzaw primarjament fid-djar u mhux adegwati għal street lighting. L-Enemalta kontinwament tevalwa teknoloġiji ġodda biex jonqsu l-ispejjeż u jitjieb l-ambjent.

Investiment lejn Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 461 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jiddentifika liema dipartiment/aġenzija hija responsabbli sabiex iġġib l-investiment lejn Malta? Kemm għandha riżorsi/budget u ħaddiema sabiex din tagħmel dan?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Ċentri tas-saħħa

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 660, jista' l-Ministru jagħti l-istess informazzjoni għall-perijodu ta' bejn Jannar u Diċembru 2007?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-5:00 p.m il-bereġ kollha jkunu magħluqin. L-istatistika li tinżamm fiċ-centri tas-sahha hija ta’ kemm jattendu nies bejn it-8.00 a.m u t-8.00 p.m. u mit-8.00 p.m. sat-8.00 a.m. Għalhekk ma hux possibbli li tingħata l-istatistika kif qegħda tintalab fl-Interpellanza. In-numru ta’ pazjenti li attendew fiċ-ċentri tas-saħħa kollha matul il-perjodu indikat huwa kif jidher hawn taħt: Sena 2007 8a.m. sa 8p.m. 8p.m. sa 8a.m. Għand it-tabib tal-familja 288,478 36,394 Fit- Treatment Room 152,879 22,477 Ma tinżammx statistika ta’ kemm pazjenti jintbagħtu l-emerġenza jew ta’ kemm dawn idumu fic-centri tas-sahha. L-anqas issir distinzjoni ta’ kemm minnhom kienu barranin jew Maltin. Madankollu tinġabar statistika ta’ kemm jattendu nies barranin globalment fis-sena. Il-medja kull xahar matul l-2007 kienet ta’ 133 pazjent.