Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz Pubbliku — Professjonisti

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 672 u jispjega jekk huwiex possibbli li professjonist li jagħlaq il-61 sena jkompli jagħti s-servizzi tiegħu fil-qasam pubbliku bħala impjegat mas-Servizz Pubbliku? Kemm hemm professjonisti li bħalissa qed jagħmlu dan u f'liema oqsma?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li professjonisti fis-Servizz Pubbliku li jagħlqu l-61 sena jistgħu jwettqu dmirijiethom fis-Servizz jekk ikun hemm aktar ħtieġa għas-servizz tagħhom. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant li turi li hemm 47 professjonist fis-Servizz Pubbliku li għandhom ’l fuq minn 61 sena u li komplew jaqdu dmirijiethom fil-professjoni tagħhom fuq bażi full time jew part-time. Dettalji personali tħallew barra għal raġuni ta’ etika.

Tqassim ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 670 u jagħti statistika ta' kemm tqassmu djar/plots/flats lill-poplu bejn Jannar 2007 u Jannar 2008 bħala skemi tal-Housing? Liema huma dawn l-iskemi? Jista' jgħid jekk hemmx xi skema li mhux kulħadd huwa ntitolat għaliha?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li fil-perjodu speċifikat mill-Onor. Interpellant, id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Awtorita' tad-Djar qassmu 190 appartament bil-kera. Matul l-istess żmien, l-Awtorita' allokat 259 post taħt it-tieni ħarġa ta' Shared Ownership. L-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar huma miftuħa għall-pubbliku in ġenerali u huma suġġetti għall-kundizzjonijiet rispettivi kif jiġu ppublikati fuq il-Gazetti tal-Gvern.

Sptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux xi pjanijiet dwar x'se jsir mill-bini ta' l-iSptar San Luqa? Jista' jgħid huwiex se jintuża għal xi skop ieħor barra dak mediku, jew jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jbiegħ dan is-sit?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 586.

Turiżmu — Għoli fil-prezzijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' kif se tintlaqat l-industrija tat-turiżmu bl-għoli fil-prezzijiet taż-żejt u ċ-ċereali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern kontinwament isegwi l-impatti li jista’ jkollhom żidiet fil-prezzijiet internazzjonali ta’ prodotti bħaż-żejt u ċ-ċereali fuq il-kompetittività ta’ Malta fl-oqsma kollha tal-kummerċ. Ma jistax jonqos li tingħata wkoll importanza lejn settur importanti daqs it-turiżmu meta wieħed isegwi dawn ix-xejriet.

Xiri ta' art mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Gvern se jixtri l-art li bħalissa tinstab għand ċittadini Maltin b'ċens, li ħadu plots mingħand il-Gvern u li għadha fuq konvenju? Fejn waslu dawn it-taħdidiet dwar il-ftehim? Huwa konxju l-Ministru li dawn ir-residenti ma jistgħux jissellfu flus mill-banek u jagħmlu tajjeb għalihom dawn id-djar?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Prezz taż-żejt u ċ-ċereali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studji dwar l-impatt fuq il-familji Maltin u Għawdxin minħabba l-għoli fil-prezz taż-żejt u ċ-ċereali, speċjalment dawk il-familji li għandhom dħul ta' inqas minn €12,000 fis-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Qtil ta' Karen Grech

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda f'dawn l-aħħar xhur fil-każ tal-qtil ta' Karen Grech, wara li bagħtu ittra bomba lill-ġenituri tagħha? Jista' jgħid jekk intalbitx xi għajnuna professjonali lill-esperti barranin riċentement fl-2007 u fejn wasal dan il-każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ għadha mhix magħluqa.

Liċenzji ta' armi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu liċenzji ġodda għal armi fis-sena 2007? X'tip kienu dawn l-armi li nħarġet liċenzja għalihom? Kemm hemm persuni li qed jistennew li tinħarġilhom il-liċenzja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li kien hemm 3,754 armi li ġew reġistrati għall-ewwel darba is-sena l-oħra, kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 376 applikazzjoni pendenti għaż-żamma ta’ armi.

Mosta — Triq il-Ħtajriet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb jagħti isem lil New Street fi Triq il-Ħtajriet, Mosta? Din it-triq illum saret parti mir-ring road ta' bejn Triq il-Ħtajriet sa Triq is-Sagħtar, Mosta u n-nuqqas ta' dan l-isem qed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti Mostin li jgħixu hemm.

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Turiżmu f'Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hija l-mira tal-Gvern li jżuruna turisti fis-sena 2008? Jista' jgħid kemm morna tajjeb jew żbaljati s'issa fuq dak li kien imbassar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern għandu miri ċari fir-rigward ta’ l-andament ta’ l-industrija tat-turiżmu f’Malta għal din is-sena u dawn il-miri huma bbażati fuq il-kontinwazzjoni tax-xejriet pożittivi li seħħew f’dawn l-aħħar tmintax-il xahar. Il-Gvern mhux qed iħares biss lejn in-numru ta’ turisti li jżuruna imma wkoll lejn in-numru ta’ ljieli u l-flus li qed jibqa’ fl-ekonomija Maltija mill-attività turistika. Filwaqt li l-indikazzjonijiet li jeżistu bħalissa jikkonfermaw il-miri stabbiliti, ma jistax jonqos li nkunu kontinwament kawti għal żviluppi internazzjonali li jistgħu jikkawżaw tibdil fil-prestazzjoni ta’ din l-industrija li hija tant suxxettibbli għal fatturi ekonomiċi internazzjonali kemm diretti w indiretti.

Drittijiet tal-konsumatur — Xiri mill-internet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli mid-drittijiet tal-konsumatur meta dan jiġi misruq minn fuq l-internet? Hemm protezzjoni għall-konsumaturi Maltin jekk dan jintalab jsegwi proċeduri minn fuq l-internet li wara jirriżulta li huma foloz?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi kemm-il darba konsumatur jixtri permezz tal-internet minn bejjiegħ li huwa bbażat ġewwa Malta, id-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni, u kif ukoll l-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni bhala r-regolatur fuq e-commerce, ikunu jistgħu jintervjenu biex iħarsu d-drittijiet tal-konsumatur. Kemm-il darba l-bejjiegħ ikun ibbażat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, hemm iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur ta’ Malta ( ECC Malta ) li jkun jista’ jassisti lil konsumatur. Tajjeb li wieħed jinnota li dan iċ-ċentru ma jamministrax liġijiet partikolari u l-għan tiegħu huwa li jinforma u jassisti lill-konsumatur meta jkun xtara minn stat membru ieħor. Fil-fatt dan iċ-ċentru ħareġ żewġ stqarrijiet fuq il- media lokali rigward siti foloż. Kemm-il darba l-bejjiegħ ikun ibbażat f’pajjiż ieħor barra l-Unjoni Ewropea, il-konsumatur jista’ javviċina lid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni bħala membru tal- International Consumer Protection Enforcement Network ( ICPEN ) u dan ikun jista’ jwassal l-ilment tal-konsumatur lill-Awtoritajiet membri ta’ dan in- Network skond fejn ikun ibbażat il-bejjiegħ. Iżda kemm il-darba l-każ ikun jammonta għall-serq jew frodi, il-konsumatur l-ewwel għandu jagħmel rapport lill-Pulizija peress li d-diffikulta’ prinċipali tkun biex jiġi rintraċċjat il-bejjiegħ. Il-Pulizija għandha is-sezzjoni speċifika Cyber Crimes Unit li tinvestiga dawn it-tipi ta’ reati fuq l- internet . Dr Irene Bonello Case Officer (Consumer Protection)

Każijiet ta' AIDS

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn każijiet ta' AIDS rappurtata f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn il-każijiet ilhom irrapurtati l-aktar? Jista' jgħid jekk kienx hemm minn dawn il-każijiet li ħadu dan il-virus wara blood transfusion jew bdil ta' xi organu? Apparti dan, hemm xi każijiet oħra kif persuna setgħet tieħdu dan il-virus?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni kif speċifikament mitluba ma tinżammx. Informat ukoll li n-numru ta’ każijiet ta’ AIDS rappurtati f’residenti Maltin mill-1986, tidher fit-tabella numru wieħed li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. In-numru ta’ każijiet rappurtati skond il-metodu ta’ trasmissjoni jidhru f’tabella numru tnejn.

HIV

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-esperti fil-Health Promotion Unit iħossux li qed issir biżżejjed promozzjoni għall-prevenzjoni tal-virus ta' l-HIV? Jekk le, għaliex u x'qed jitolbu iktar?

Response (DALLI, JOHN)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn, il-Health Promotion Unit iffoka l-promozzjoni tas-saħħa sesswali fuq il-mard trasmess mis-sess, fotshom il-Chalmydia, il-Gonorrhoea, il-Felul ġenitali u l-HIV/AIDS. Kienet deċiżjoni konxja tad-dipartiment li l-enfazi ma tkunx biss fuq il-virus ta’ l-HIV izda li tinkudi wkoll mard infettiv ieħor li jista jiġi trasmess mis-sess. L-edukazzjoni u messaġġi ta’ prevenzjoni saħqu l-aktar fl-iskejjel post-sekondarji u xi postijiet tax-xogħol fejn jimpjegaw ħafna żgħażagħ. Kien hemm inizjattivi mal-YOURS fil-Facilita’ Korrettiva ta’ Kordin, mad-djar li jżommu t-tfal bħal Jean Antide Home, kif ukoll ġew organizzati bosta workshops għall għalliema tal-PSD li jwasslu l-edukazzjoni sesswali lil tfal fl-iskejjel sekondarji. Il-messaġġi promozzjonali tagħna ħafna drabi jkunu ibbażati fuq il-messagg ta’ l-ABCD – Abstain, Be faithful, Use Condoms, Don’t do drugs/ Do testing. Dan il-messagg komplejna nużawh fuq fuljetti li ippublikajna, kif ukoll fil-ktejjeb dwar is-saħħa sesswali bil-malti. Għandna wkoll relazzjoni tajba ma bosta gazzetti u magazines lokali li jagħtuna l-opportunita’ biex niktbu artikli fuq dan is-suġġett kif ukoll programmi fuq it-televixin li minn żmien għal żmien jistiednuna biex niddiskutu xi aspetti mis-saħħa sesswali. Dan kollu jixhed l-impenn tal- Health Promotion Unit fil-qasam tas-saħħa sesswali speċjalment maż-żgħażagħ u persuni li qed jirċivu assitenza soċjali. Żgur pero’ li b’aktar rizorsi hemm lok biex isir iktar sabiex il-pubbliku jsir aktar konxju ta’ dan il-mard kif ukoll biex nippromwovu saħħa sesswali sabiħa u kommunikazzjoni akbar fuq suġġett tant importanti.

Waiting list fl-isptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif beħsiebu jnaqqas il-waiting list li għandu fl-ortopedija u fl-oftalmoloġija?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Ministeru qiegħed jaħdem biex jistabbilixxi policy kif jistgħu jitnaqqsu il-waiting lists kollha. Hija l-intenzjoni tagħna li niddiskutu dan il-proċess mal-partijiet kollha konċernati meta jkun il-waqt.

Talba għal lift

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi dwar l-installazzjoni ta' lift fi Block A, Qasam tal-Bini tal-Gvern, Għajn Kejjet, Rabat għaliex ir-residenti ilhom jitolbu li dan isir ħafna iktar minn għaxar snin, imma jidher li x-xogħol ġej bil-mod? F'dan l-istess blokk jgħixu żewġ persuni li għandhom problemi mediċi li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament. Jista' jinfurmani dwar l-aħħar żviluppi ta' dan il-każ?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li erbgħa mit-tmin familji residenti fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant talbu li jiġi stallat lift fl-istess blokk. Minn investigazzjoni mill-Awtorita’ tad-Djar instab li t-tromba interna tat-taraġ ma tistax takkomoda l-lift. Il-bankina hi wkoll dejqa wisq biex it-tromba tal-lift tinbena fuq barra, kif sar fi blokk viċin. L-erba’ applikanti ġew infurmati b’dan kollu u ġew mistiedna jesploraw mal-Kunsill Lokali tar-Rabat il-possibilta’ li titwessa’ l-bankina sabiex ikun hemm spazju biżżejjed biex tinbena tromba mingħajr ma tiġi ngumbrata l-bankina kollha. Barra minhekk l-Awtorita’ kitbet direttament lill-Kunsill u talbitu jistudja l-każ b’koordinazzjoni man- Network Infrastructure Directorate. Minn dan jidher ċar li l-Awtorita’ tad-Djar għamlet dak kollu possibbli biex tgħin lill-applikanti u altru li mhux qed tkaxkar saqajha dwar dan il-każ, kif qed jagħti x’jifhem l-Onor. Interpellant fil-Mistoqsija tiegħu.

Bozoz energy savers

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 472 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jara meta se jitqassmu ħames bozoz energy saver li ġew imwiegħda fil-programm elettorali tal-PN, speċjalment meta diġa tħabbar li s-surcharge fuq il-kontijiet tad-dawl u ilma se jerġa' jogħla? Jidhirlu li jekk iqassam dawn il-ħames bozoz, il-konsumaturi jistgħu almenu jiffrankaw xi ftit mill-għoli tal-kont tad-dawl u ilma u b'hekk ipatti xi ftit għaż-żieda fis-surcharge?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qed jikkunsidra numru ta’ options (metodi) kif ser iħaddem l-iskema tat-tqassim ta’ bozoz energy saver kif kien imwiegħed fil-programm elettorali għal matul il-ħames snin li ġejjin. Kif tittieħed id-deċiżjoni din titħabbar lill-pubbliku.