Legislature:
Category:
Reset
Active:

Homes ta' l-Anzjani — Standards ta' ikel u kura

Question

Jista' l-Ministru jagħti nformazzjoni ta' min hu responsabbli mill-istandards ta' l-ikel u l-kura fil-homes ta' l-anzjani , kemm dawk pubbliċi kif ukoll dawk tal-privati?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li d-dipartiment responsabbli mill-istandards ta' l-ikel huwa d-Dipartiment għas-Saħħa Ambjentali, filwaqt li d-Dipartiment għall-iStandards dwar Servizzi tas-Saħħa huwa responsabbli mill-istandards tal-kura. Iż-żewġ dipartimenti huma fi ħdan id-Diviżjoni għar-Regolazzjoni tas-Saħħa Pubblika.

Mosta — Triq Durumblat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Durumblat, fil-Mosta sejra ssirilha l-bankina neċessarja fuq iż-żewġ naħat, ħalli r-residenti Mostin u dawk li jiġu minn Ħ'Attard ikunu jistgħu jmorru Ta' Qali mingħajr il-periklu li jiġu mtajra minn xi karozza kif fil-fatt diġa' ġara?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Nru. 705.

Ħajt madwar plot abbandunata

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ir-regolament li jittella' ħajt madwar għalqa/plot abbandunata għadux fis-seħħ? Jekk iva, min huwa responsabli sabiex jara li fil-każ ta' plots /għelieqi mhux maħduma jitella' ħajt fil-parti li tmiss mat-triq?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-regolament li jittella’ ħajt madwar għalqa/plot abbandunata għadu fis-seħħ.

Popolazzjoni 'l fuq minn 60 sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna popolazzjoni ta' 'l fuq minn 60 sena u kif hija pproġettata li tikber jew tonqos fl-10 snin li ġejjin? Kemm hemm nisa u rġiel f'din il-popolazzjoni? Kemm hija l-life expectancy ta' irġiel u ta' nisa llum u kif inhi pproġettata għall-għaxar snin li ġejjin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni rikjesta tidher f'din it-tabella: Total Population Person aged 60+ Year Males Females Total Males Females Total 2007 204,106 206,184 410,290 37,484 46,901 84,385 2008 204,645 206,144 410,790 38,523 47,928 86,452 2009 205,323 206,187 411,510 39,602 48,819 88,421 2010 206,092 206,273 412,365 40,710 49,781 90,491 2011 206,925 206,391 413,315 41,634 50,559 92,193 2012 207,793 206,526 414,318 42,568 51,311 93,879 2013 208,686 206,673 415,359 43,386 52,033 95,420 2014 209,581 206,835 416,416 44,350 52,812 97,161 2015 210,465 206,996 417,461 45,428 53,633 99,061 2016 211,319 207,144 418,463 46,533 54,441 100,975 2017 212,146 207,269 419,416 47,616 55,308 102,923 2018 212,929 207,378 420,308 48,541 56,178 104,719 Assumptions for these projections: : fertility - linear increase to 1.6 in 2100 : life expectancy at age 0: converge linearly to 85 in 2100 : initial value 1463; linear increase to 2195 in 2100. Distribution of net migration by sex and age has been calculated according to Census of Population and Housing 2005.

Importazzjoni ta' Annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tittieħidx in konsiderazzjoni li qabel jingħata permess għall-importazzjoni ta' annimal eżotiku jew le fi xtutna, jaraw jekk dan ikunx ta' ħsara għall-pubbliku Matli u Għawdxi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Membru illi l-annimali eżotiċi mpurtati minn terzi pajjiżi għandhom bżonn liċenzja ta' importazzjoni. Il-kontrolli skond regolamenti eżistenti fuq iż-żamma ta' dan it-tip ta' animali, jsiru fuq min qiegħed iżommhom u fuq il-kapaċità tiegħu li jieħu ħsiebhom kif ukoll fuq il-post fejn qed jinżammu.

Annimali li ma jistgħux jiġu impurtati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix xi lista ta' annimali li ma jistgħux jiġu mpurtati? Jekk iva, liema huma? Jekk ma jistgħux jiġu impurtati, għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li ma teżisti l-ebda lista ta’ Annimali li ma jistgħux jiġu mpurtati, iżda l-animali kollha meħudin mill-ambjent naturali ma jistgħux jiġu mpurtati minnħabba protezzjoni li jgawdu taħt numru ta' trattati internazzjonali. L-animali kollha l-oħra mwielda in captivity' potenzjalment kollha jistgħu jigu mpurtati, naturalment dejjem wara li tinħareġ il-liċenzja ta’ l-importanzjoni neċessarja.

Trobbija ta' rettili/annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk min jimporta annimali/rettili huwiex marbut ma' xi regolamenti ta' trobbija ta' l-istess rettili/annimali? Jinżamm xi moniteraġġ ta' fejn ikunu qed jitrabbew dawn ir-rettili/annimali u fejn jispiċċaw jekk is-sid jiddejjaq jieħu ħsiebhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-impurtatur mhux neċessarjament li jkun is-sid li jieħu ħsieb l-animali mpurtati. Ir-responsabbilità tat-trobbija taqa’ fuq is-sid tal-annimal li jkollu post adegwat fejn iżommu u li jkollu l-esperjenza u l-kapaċità neċessarja biex jieħu ħsiebu.

Impurtar ta' annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx moniteraġġ ta' x'tip ta' annimali u bhejjem jidħlu minn barra l-pajjiż, f'Malta? Jista' jagħti lista ta' x'tip ta' annimali daħlu f'Malta u Għawdex bejn Jannar u Diċembru 2007?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’seduta oħra
Leg 11 PQ #1213 Sitting 23 2008-06-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema fl-Isptar ta' Għawdex — Promozzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kriterji użati sabiex toħroġ promozzjoni għall-ħaddiema fl-isptar ta' Għawdex humiex l-istess kriterji li jintużaw biex toħroġ promozzjoni għall-ħaddiema fl-isptar ta' Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-kriterji ghall-promozzjonijiet tal-haddiema jigu mahruga mill-Kummissjoni ghas-Servizz Pubbliku.

Mater Dei — Emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li jiġi jiswa' fuq medja kull pazjent li jidħol l-emerġenza ta' l-isptar Mater Dei? Kemm tiswa lill-istat fuq medja kull vista bħala emerġenza fiċ-ċentri tas-saħħa? Jekk hemm differenza, għaliex?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant ma tinżammx. Bħala gwida nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għall-Avviż Legali Nru 201 ta’ l-2004 bit-titolu “Regolamenti ta’ l-2004 dwar Drittijiet għal Kura tas-Saħħa” dwar tariffi applikabbli għal persuni barranin li jużaw is-servizzi tas-saħħa f’Malta.

Mosta — Triq Ta' Mlit

Question

Jista' l-Ministru jagħti time frame meta sejjer jibda x-xogħol ta' asfalt fi Triq Ta' Mlit, fil-Mosta li tinstab wara l-ground tal-football, liema triq tinstab fi stat ħażin ħafna u qed tikkawża ħsarat fil-vetturi tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Bank Ċentrali — Profitt

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-profitt, sena b'sena tal-Bank Ċentrali ta' Malta għal dawn l-aħħar għaxar snin mis-sena 1998 sas-sena 2007?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-profitti tal-Bank Ċentrali għall-aħħar għaxar snin kienu dawn: Sena Profitt Lm’000 €’000 2007 12,317 28,691 2006 11,152 25,977 2005 10,796 25,148 2004 14,901 34,710 2003 18,233 42,471 2002 19,782 46,080 2001 26,054 60,689 2000 25,902 60,335 1999 23,113 53,839 1998 30,682 71,470 Dawn il-figuri jiġu ppubblikati f’aktar dettal fir-rapport anwali tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u jistgħu jinkisbu wkoll mill-website uffiċjali tal-Bank li jagħti aċċess għall-istess rapporti tul l-aħħar għaxar snin.

Formularju tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa fin-numru l-istaff professjonali li jieħu ħsieb "full-time" li jaġġorna l-formularju tal-Gvern u protokolli speċifiċi fejn jidħlu l-mediċini li jistgħu jingħataw minn fuq il-kartuna s-safra b'xejn lill-poplu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li d-Direttorat li taħtu sar jaqgħa xogħol bħal ma hu l-aġġornar tal-formularju tal-Gvern u protokolli speċifiċi għall-użu ta' mediċini b'xejn huwa id-Direttorat tal- Politika Farmaċewtika u Moniteraġġ fi ħdan id-Direttorat Ġenerali ta' l-Istrateġija u Sostennibilita'. Dan id-drettorat huwa pjuttost ġdid u magħmul minn direttur, assistent direttur (reduced hours), spiżjara (reduced hours) u spizjara full-time. F'dan id-direttorat hemm ħafna xogħol ieħor li jinkludi: · l-aġġornar tal-lista tal-formularju tal-Gvern bl-introduzzjoni ta' mediċini ġodda, aġġornar ta' protokolli u anke tneħħija minn fuq il-formularju ta' mediċini li għalihom m'hemmx aktar użu. · aġġornar ta' speċifikazzjonijiet għax-xiri tal-mediċini li jintużaw u jinagħtaw b'xejn mis-servizzi tal-gvern. · monitoraġġ ta' konsumi ta' mediċini partikolari għall-iskop ta' kontrolli ta' nefqa. · assessar tal-effettivita relattiva ta' mediċini ġodda. · proċess ta' abbinament tal-kondizzjonijiet kroniċi li jaqgħu taħt l-iskeda V jew il-kartuna r-roża u l-mediċini tal-formularju li jistgħu jingħataw għal kull kondizzjoni. · networking mal-Unjoni Ewropea Id-direttorat iservi wkoll punt ta' referenza teknika ma' diversi sezzjonijiet oħra tal-Ministeru tal-Politika Socjali bħal ma huma is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern, is-Servizzi Kliniċi, Tobba u Speċjalisti fl-iptarijiet u kliniċi tal-Gvern li magħhom isiru laqgħat regolari. Id-direttorat jieħu ħsieb li ikollu laqgħat ukoll ma membri tal-industrja farmaċewtika Maltija. Dan ix-xogħol kollu jsir minn nies tekniċi imsemmija hawn fuq u huwa maqsum bejn il-membri kollha kemm minħabba li l-membri huma ftit u kemm ukoll għall-iskop ta' kontinwazzjoni fis-servizzi.

Użu ta' karta riċiklata

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pjan tiegħu għall-implimentazzjoni ħalli kull dipartiment u entita' governattiva tibda tuża l-karta riċiklata? Meta fil-fatt se jibda dan? Kemm hija ppjanata li ġejja tiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-abbozz ta’ pjan imsejjaħ Green Public Procurement National Action Plan tlesta u issa dan irid jitressaq għall-approvazzjoni tal-gvern. L-għan ta’ dan id-dokument hu, li juri kif id-dipartimenti u entitajiet pubbliċi huma obbligati jżommu quddiem għajnejhom il-ħarsien ta’ l-ambjent, meta jkunu qed jordnaw jew jixtru l-bżonnijiet tagħhom fosthom il-karta, kompjuters, traspsort, bini servizzi ta’ tindif etc..

Kartuna safra — Mediċini

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista bl-ismijiet ta' kemm-il mediċina ntalbet li titniżżel biex tkun tista' tibda tingħata minn fuq il-kartuna s-safra matul is-snin 2006 - 2008? Liema talba saret mill-market authorisation holder u minn konsulenti li jaħdmu fis-servizzi tas-saħħa? Kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa u kemm ma ġewx? Għaliex ġew milqugħa u għaliex ma ġewx?

Response (DALLI, JOHN)

Informat illi rikjesti simili għal dawk li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant huma kostanti, ma naħsibx li għandna noqgħodu ngħatu dawn id-dettalji li jisgħu iservu biss biex tiżdied il-pressjoni fuq dawk li qegħdin jamministraw is-sistema fil-limiti tar-riżorsi li għandhom. Ninforma lill-Onor Interpellant li r-reviżjoni tal–formularju huwa proċess kontinwu u kostanti. Il-lista tal–formularju tal-gvern hija aċċessibli għall-pubblikki fuq il-link http://www.sahha.gov.mt/pages.aspx?page=740 waqt li l-lista tal-protokolli fuq http://www.sahha.gov.mt/pages.aspx?page=739 .

Investiment lejn Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 461 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, u cioe' jiddentifika liema dipartiment/aġenzija hija responsabbli sabiex iġġib l-investiment lejn Malta? Kemm għandha riżorsi/budget u ħaddiema sabiex din tagħmel dan?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 993.

Investiment lejn Malta

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 702 u jiddentifika liema dipartiment/aġenzija hija responsabbli sabiex iġġib l-investiment lejn Malta? Kemm għandha riżorsi/budget u ħaddiema sabiex din tagħmel dan?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni Malta Enterprise hija l-Aġenzja responsabbli sabiex tattira l-investiment barrani lejn Malta. Il-Malta Enterprise timpjega 96 ħaddiem li minnhom hemm 20 li huma direttament involuti biex iġibu dan l-Investiment lejn Malta. Fir-rigward tar-Rizorsi/ budget , il- Malta Enterprise tingħata żewġ Voti kull sena sabiex topera u tilħaq l-għanijiet tagħha li tinċentiva l-intraprisi. Ghas-sena 2008, il-Vot rikurrenti u kapitali kien kif ġej: Rikurrenti Kapital €000 €000 2008 4,847 10,903

Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 671 u jgħid meta huwa ppjanat li Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta jsirilha l-manutenzjoni meħtieġa speċjalment fejn hemm il-culverts, li jinsabu perikolużi jekk xi vettura tinżel fuqhom bi żball?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 853.

Prodotti mixtrija mill-internet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn jista' jsib għajnuna ċ-ċittadin li jkun xtara prodott minn fuq l-internet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ċ-ċittadin jista’ jsib għajnuna mid-Diviżjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni kif ukoll mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, jekk jixtri mingħand bejjiegħ li huwa bbażat ġewwa Malta. Kemm-il darba l-bejjiegħ ikun ibbażat fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, hemm iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur ta’ Malta ( ECC Malta ) li jkun jista’ jassisti lill-konsumatur. Kemm-il darba l-bejjiegħ ikun bbażat f’pajjiż ieħor barra l-Unjoni Ewropea, il-konsumatur jista’ javviċina lid-Diviżjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni bħala membru tal- International Consumer Protection Enforcement Network ( ICPEN ).