Legislature:
Category:
Reset
Active:

Roti b'mutur

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern dwar roti li qed jitwaħħlilhom mutur fuqhom? Hemm xi awtorita' li tara li dawn ir-roti b'mutur humiex safe għal min ikun qed isuqhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-vetturi li għalihom qed jitlob informazzjoni l-Onor Interpellant huma koperti mir-Regolamenti dwar ċikletti bil-pedali u muturi b'qawwa baxxa (A.L. 129 ta' l-2004)

Importazzjoni ta' Muturi — Dazju

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ir-riforma tad-dazju fuq l-importazzjoni tinkludix ukoll riforma tad-dazju ta' l-importazzjoni fuq muturi b'żewġ u b'erba' roti? Din tinkludi wkoll muturi u magni li jintużaw fuq il-baħar minn dgħajjes, laneċ u speed boats?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Gambling halls — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm-il spezzjoni għall-għarrieda u bla avviż saret ġo gambling halls sabiex jaraw jekk hemmx tfal minorenni jilgħabu fuq dawn il-magni tal-logħob? Jekk iva, kemm-il darba saret din bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-suġġett li qed jirreferi għalih hu regolat mill-Att Dwar il-Lotteriji u Logħob ieħor (Kap. 438) u għalhekk nitolbu jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Futur tat-tarzna

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ma laqax il-proposta tal-GWU sabiex issir task force nazzjonali biex isir pjan dwar il-futur tat-tarzna? Jista' jgħid x'għamel il-Gvern biex jgħin ħalli t-tarznara jsiru produttivi? Jista' jgħid kemm kellu involviment biex jiġi xogħol lejn dawn it-tarznari? Jekk iva, liema xogħol ġie lejn it-tarzna ta' Malta wara l-intervent tal-Gvern? Liema xogħol seta' ġie u ma ġiex għaliex ma konniex tajbin biżżejjed? X'seta sar aħjar f'dawn iċ-ċirkostanzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-politika li “l-Gvern iġib ix-xogħol” m’għadhiex tapplika għaż-żminijiet tal-lum. Illum pajjiżna jeħtieġ li jkollu azjendi li kapaċi jikkompetu fir-realtajiet tas-swieq li noperaw fihom.

Boundary wall

Question

Jista' Prim Ministru jgħid raħal b'raħal kemm ittieħdu passi kontra individwi għaliex ikunu għadhom ma tellgħux ħitan mad-dawra ta' l-għelieqi tagħhom bħala boundary wall matul is-sena 2007? Min huwa responsabbli li jiġbed l-attenzjoni tal-proprjetarju jekk il-ħajt madwar l-għalqa/plot ikun għadu ma sarx sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Avviżi tat-Twettieq skond l-Artikolu 55 ta’ l-Att dwar l-Ippjanar ta’ l-Iżvilupp (Kap 356) u li nħarġu sal-lum mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar matul l-2007 kienu 6 jiġifieri: Attard (1); Belt Valletta (2); Żabbar (3). Dan però ma jirriflettix in-numru kbir ta’ każi dwar siti vakanti f’diversi rħula ta’ Malta u Għawdex li ġew irrapurtati mill-Kunsilli Lokali u minn ammont ieħor kbir ta’ siti li ġew magħluqa mis-sidien rispettivi fuq inizjattiva personali tagħhom wara li tħabbret l-Inizjattiva dwar Siti Vakanti mill-Awtorità f'April 2007. Ir-responsabbiltà li tinnotifika lill-proprjetarji dwar dak ix-xogħol li għandu jsir hija tal-MEPA. Peress li dalwaqt ser jitħabbru xi emendi għall-Inizjattiva oriġinali, il-ħruġ t'iżjed Avviżi tat-Twettieq ġie temporanjament sospiż. Każijiet pendenti baqgħu jiġu investigati.

Lottu, Tombla, Super 5

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'logħob bħal lottu, tombla u Super 5 matul is-sena 2005, 2006 u 2007? Jista' jgħid jekk teżistix statistika ta' fejn sejra t-trend? Jekk iva, l-poplu Malti sar jilgħab aktar flus fil-lottu, tombla, Super 5, eċċ jew naqqas il-logħob?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Libreriji pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm issellfu kotba mil-libreriji pubbliċi matul is-sena 2007? Kemm minn dawk li ssellfu l-kotba kienu tfal taħt 16-il sena u kemm kien hemm adulti? Minn liema librerija pubblika l-aktar li ssellfu kotba? Kemm hija l-ispiża tal-Gvern kull sena sabiex iżomm dawn il-libreriji aġġornati bl-aħħar kotba fis-suq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul l-2007 issellfu 747,050 ktieb mill-Libreriji Pubbliċi. Dan is-self sar minn libreriji diversi skond tabella li ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-iktar librerija pubblika li minnha ssellfu kotba hi l-Librerija tal-Furjana. L-aktar librerija li selfet kotba minn fost il-libreriji reġjonali kienet dik ta’ Birkirkara. Minnha sselfu 68,503 ktieb. Mill-banda l-oħra l-aktar librerija li selfet kotba minn fost il-libreriji friegħi kienet dik tal-Fgura. Minna sselfu 18,564 ktieb. L-ispiża tal-Gvern kull sena biex iżomm dawn il-libreriji aġġornati tvarja minn sena għal oħra. In-nefqa fis-sena 2006 kienet ta’ Euro 18,635 (Lm 8000). Fis-sena 2007 intefqu Euro 15,374 (Lm 6600). Filwaqt li din is-sena diġa’ ntefqu Euro 12,500 (Lm 5366).

Permessi barra miż-żona ta' żvilupp

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw permessi barra miż-żona ta' żvilupp, sena b'sena, mis-sena 2000 'l quddiem, mill-MEPA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tliet tabelli li jagħtu l-figuri mitluba. Din l-informazzjoni hija miġbura mis-sistema ta’ l-informatika ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Aċċidenti Fatali — Post tax-Xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru aċċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol matul is-sena 2007? Kemm min dawn kienu fatali? Kemm minn dawn il-vittmi kienu żgħażagħ taħt is-16-il sena? Kemm saru spezzjonijiet mill-esperti tas-saħħa u siġurta' fuq il-post tax-xogħol matul l-istess sena? Kemm sabu ħaddiema li ma kenux libsin ilbies protettiv? Kemm sabu ħaddiema jaħdmu bi prattika mhux rakkmandata fejn tidħol is-sigurta' tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li matul l-2007 kien hemm 4,386 rapport ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol, li minnhom 7 kienu fatali. Ebda wieħed mill-inċidenti fatali ma kien jinvolvi persuni taħt is-16-il sena Ninsab infurmat ukoll li, matul is-sena l-oħra, saru 1,274 spezzjoni mill-uffiċjali ta’ l-Awtorita’ għas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol. Ma tinżammx statistika kif mitluba fl-aħħar żewġ partijiet tal-Mistoqsija.

Ħaddiema f'Aġenżija — Pagi u Arretrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pagi u l-arretrati ta' ħaddiema f'aġenziji tal-gvern bħal Appoġġ u Sedqa, u l-ħaddiema fis-settur ta' aġenziji soċjali ma tħallsux fil-ħin? Dan kien xi żball amministrattiv jew ġara minħabba xi nuqqas ieħor?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Karozzi second hand — Dazju

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir ir-riforma fid-dazju tal-karozzi second hand li jiġu mportati? Id-dazju minn fuq l-importazzjoni tal-karozzi se jonqos jew le? Jekk se jonqos, hemm il-ħsieb li jsiru xi tip ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra li jaffettwaw il-prezz tax-xiri tal-vetturi?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Kaċċa u insib

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-liġi, id-deċizjoni dwar il-ftuħ ta’ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib issir mill-Gvern wara rakkomandazzjoni ta’ l-ORNIS. Din ir-rakkomandazzjoni għadha ma tressqitx quddiem il-Gvern.

Importazzjoni ta' vetturi

Question

Jekk ir-riforma fuq id-dazju ta' l-importazzjoni tal-vetturi ssir, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux beħsiebu jagħti refund lill-importaturi ta' l-istess vetturi second hand jekk dawn jinqabdu b'numru ta' vetturi fl-imħażen tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Tqassim ta' siringi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu siringi lil ċittadini bil-vizzju tad-droga mill-health centres bejn Jannar u Diċembru 2007? Jista' jagħti lista ta' kemm tqassmu siringi lokal b'lokal? Kemm hija l-ispiża globali ta' dawn is-siringi?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li n-numru ta’ siringi li tqassmu miċ-ċentri tas-saħħa lil persuni bil-vizzju tad-droga matul is-sena 2007 huwa kif jidher fit-tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda ta-Kamra.

Mosta — Triq Ortolan

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1000 u jagħti time frame ta' meta sejjer jibda x-xogħol fuq Triq l-Ortolan, il-Mosta, liema triq tinstab fi stat ħażin ħafna u qed tikkawża ħafna ħsarat fil-vetturi tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirrefri l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Mosta — Triq Ta' Mlit

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1001 u jagħti time frame meta sejjer jibda x-xogħol ta' asfalt fi Triq Ta' Mlit, fil-Mosta li tinstab wara l-ground tal-football, liema triq tinstab fi stat ħażin ħafna u qed tikkawża ħsarat fil-vetturi tar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Vetturi li Jdaħħnu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati nies permezz ta' l-sms għax kellhom il-vettura tagħhom iddaħħan bejn Jannar u Diċembru 2007? Kemm min dawk li kienu rrappurtati fil-fatt kellhom il-vettura veru qed iddaħħan u kemm kienu rapporti foloz?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ċentri ta' Riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx waiting list għal persuni li jixtiequ jattendu l-kors ta' riabilitazzjoni mid-droga? Il-gvern għandu ħsieb li jiftaħ aktar ċentri minn dawn?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Aġenzija Sedqa għandha seba’ talbiet pendenti minn persuni li jixtiequ jattendu kors residenzjali ta’ riabilitazzjoni mid-droga. F’dan l-istadju m’hemmx ħsieb li l-Aġenzija tiftaħ ċentri oħra għal dan l-iskop. Ta’ min jgħid li l-Aġenzija tipprovdi programmi oħra ta’ riabilitazzjoni li mhumiex residenzjali.

Popolazzjoni Dipendenti fuq d-Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux studji fejn juri kemm hija kbira l-popolazzjoni li hija dipendenti mid-droga f'Malta llum? Liema tip ta' droga hija l-aktar użata minn din il-popolazzjoni? X'inhuma l-pjanijiet tal-gvern f'dan ir-rigward?

Response (DALLI, JOHN)

Dwar l-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Rapport Nazzjonali dwar il-Qagħda tad-Droga f’Malta, ippubblikat fl-2006 mill-Punt Fokali Nazzjonali fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, Alkoħol u Dipendenzi Oħra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dokument dwar il-Politika Nazzjonali dwar id-Droga, li ġie ppubblikat f’Jannar ta’ din is-sena, wara li kien inħareġ abbozz għal konsultazzjoni pubblika fl-Lulju 2007.

Programm ta' Riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li għamlu programm ta' riabilitazzjoni mid-droga matul is-sena 2007? Kemm min dawn kienu rġiel, kemm nisa u l-eta' ta' kull persuna? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li minn dawn il-persuni baqgħu 'l bogħod mid-droga sal-lum?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fl-ewwel żewġ partijiet tal- Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar it-tagħrif mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.