Legislature:
Category:
Reset
Active:

"O" Levels — Studenti li għaddew

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn liema skejjel poġġew studenti għall-eżamijiet ta' Livell "O" fl-eżamijiet ta' Mejju 2008? Kemm kien il-persentaġġ ta' studenti li għaddew minn kull skola u x'persentaġġ ta' marka ġabu skola skola? Tista' tagħti statistika ta' kif marru u x'marki ġabu l-istudenti bħala persentaġġ tul dawn l-aħħar ħames snin skola, skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lista ta’ l-istudenti li poġġew għall-eżamijiet tas-Secondary Education Certificate (SEC), magħruf bħala l-‘O’ Level, ta’ Mejju 2008 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmata li r-riżultati ta’ l-eżamijiet tas-Secondary Education Certificate jingħataw bħala gradi u mhux bħala marki. Dawn il-gradi ivarjaw bejn il-Grad 1 (l-ogħla pass) u l-grad 7 (l-inqas pass) izda ħafna skejjel post-sekondarji jaċċettaw biss sa Grad 5 bħala pass. Ir-riżultati ikunu ppublikati skond it-tip ta’ skola u s-sess u mhux skond l-iskola/kulleġġ individwali biex ma jinħolqux kategoriji li jistgħu faċilment ikunu miżinterpretati.

Facilitators

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk kienx hemm xi bdil fil-politika dwar il-facilitators? Tista' tispjega x'inhu r-ratio ta' facilitators u studenti aċċettati mid-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni? Tista' tgħid kemm hemm facilitators impjegati mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni? Tista' tgħid jekk dan in-numru huwiex il-massimu, jew kemm jonqos sabiex ikollha l-full compliment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li ma kien hemm ebda tibdil fil-politika dwar il-Learning Support Assistants. Ir- ratio ta’ Learning Support Assistants u studenti statemented jiddependi mir-rakkomandazzjonijiet ta’ l- iStatementing Moderating Panel u mill-bżonnijiet individwali ta’ l-istudenti statemented fil-klassi. Dawn ivarjaw minn 1:1 sa 1:4. Fi klassi ma jkunx hemm aktar minn żewġ Learning Support Assistants ħlief f’eċċezzjonijiet estremi. Hemm total ta’ 1245 Learning Support Assistants impjegati mad-Direttorat għal Servizzi Edukattivi. Dawn jitqassmu hekk: Summary Learning Support Assistants Staff Regolari Supply LSAs Total Skejjel Primarji 311 454 765 Skejjel Sekondarji 89 285 374 Skejjel/Ċentri Speċjali 61 34 95 Skola Sek. Ogħla G. Curmi 2 9 11 Total 463 782 1245 In-numru ta’ Learning Support Assistants jiddependi min-numru ta’ studenti statemented u f’liema klassi qegħdin. L- iStatementing Moderating Panel jipproċessa numru ta’ applikazzjonijiet kull ġimgħa. Għalhekk il- compliment ivarja minn sena għal oħra skond il-ħtiġijiet ta’ l-istudenti statemented ..

School leaving u "O" Levels

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ivarjax il-persentaġġ ta' marki li jġibu t-tfal fl-eżami finali ta' l-iskejjel sekondarji mar-riżultati li jġibu fl-"O" Level? Jekk ivarja, b'kemm ivarja? Taħseb li nistgħu ngħidu li l-eżamijiet ta' l-ischool leaving jirriflettu r-riżultati ta' Livell "O"?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fir-riżultati tas- SEC jingħataw gradi filwaqt li fl-eżamijiet ta’l-iskejjel jingħataw marki speċifiċi u għalhekk wieħed ma jistax jagħmel it-tqabbil bil-mitlub mill-Onor Interpellant..

Kotba mislufin

Question

Tista' l-Ministru tagħti statistika ta' kemm issellfu kotba tul dawn l-aħħar 5 snin mill-libreriji pubbliċi mxerrda ma' Malta u Għawdex ? Qed isir xi studju ħalli jaraw jekk il-poplu Maltti huwiex qiegħed jaqra aktar minn qabel jew jekk huwiex qiegħed jaqra affarijiet differenti, jew jekk hux qed jaqra aktar jew inqas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li s-self ta’ kotba mill-Libreriji Pubbliċi f’Malta u Għawdex tul dawn l-aħħar ħames snin huwa hekk: 2003 874,842 2004 883,316 2005 853,210 2006 875,270 2007 813,153 Qed isir moniteraġġ kontinwu dwar in-numru ta’ ħruġ ta’ kotba għas-self, kif ukoll dwar id-diversita’ fit-tip ta’ kotba għal qari sabiex ix-xewqa tal-pubbliku għal ċertu materjal għal qari tiġi esegwita. Difatti ħafna mill-kotba li jinxtraw ikunu dawk li jixtieq il-pubbliku. Rigward studju jekk il-poplu Malti u Għawdxi qiegħedx inaqqas jew iżid fil-qari, din is-sena id-Dipartiment tal-Libreriji flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb qed jaħdmu biex ivaraw inizzjattiva fejn se ssir riċerka profonda dwar kemm effettivament il-poplu qed jaqra u jekk le x’inhuma r-raġunijiet.

Bring-in sites

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bring-in sites f'Malta u Għewdex? Min jiddeċiedi fejn jitpoġġew dawn il-bring-in sites? Kemm-il darba jiġu mnaddfa fil-ġimgħa? Kemm jiġu jiswew sabiex jinżammu dawn il-bring-in sites kull waħda? Hemm il-ħsieb li dawn jiżdiedu? Kemm inġabru tunnellati ta' skart minn dawn il-bring-in sites matul is-sena 2007?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li bħalissa (Lulju 2008) hawn 187 bring-in-sites f’Malta, u 23 f’Ghawdex. Il-postijiet fejn jitpoġġew dawn il-bring-in-sites jiġu deċiżi flimkien mal-Kunsilli Lokali. Il-bins tal-plastik u tal-karta jitbattlu darbtejn fil-ġimgħa, filwaqt li tal-metall u tal-ħġieġ jitbattlu darba fil-ġimgħa. Kull sit jiswa €8.15 kuljum biex jitbattal u titnaddaf id-dawra tagħhom. Il-ħsieb hu li dawn is-siti jiżdiedu għal 300. Matul is-sena 2007, inġabar total ta’ 2,910,000 kilogrammi ta’ skart separat mill-bring-in-sites. Fl-istess proġett, twaqqfu wkoll 200 bring-in-site fi skejjel f’Malta u Għawdex.

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — casuals

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema casuals mad-dipartiment ta' l-Edukazzjoni u kemm ilhom jaħdmu ma' dan id-dipartiment? F'liema gradi qegħdin? Kemm għandhom leave u sick leave dawn l-iskali ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Informata li l-ħaddiema Casual mad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni huma: Casual Substitute Clerks: 2 Casual Instructors: 4 It-tul ta’ l-impjieg ta’ dawn il-ħaddiema ivarja minn sentejn sa 21 sena. Il- Casual Substitute Clerks huma intitolati għal 192 siegħa Leave fis-sena, jew pro-rata jekk jaħdmu b’siegħat imnaqqsa. Kemm il- Casual Substitute Clerks kif ukoll il- Casual Instructors , huma intitolati għal 30 ġurnata Sick Leave b’paga sħiħa u 30 ġurnata Sick Leave b’nofs paga.
Leg 11 PQ #1958 Sitting 38 2008-10-06 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

San Pawl il-Baħar — Latrini

Question

Min kien responsabbli għall-bini tal-latrina ħdejn is-Sirens f'San Pawl il-Baħar? Kemm ġiet tiswa din il-latrina? Min kien il-perit jew kumpannija ta' periti nkarigat mill-bini ta' din il-latrina? Għaliex din il-latrina għandha ma nfetħitx għall-użu tal-pubbliku? Meta beħsiebhom jlestu din il-latrina u tiġi miftuħa għall-użu tal-pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Manuel Dimech Bridge — Solidbase Laboratory Ltd

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1412 u jgħid x'kienet il-ħtieġa li l-kumpanija Solidbase Laboratory Ltd tqabbdet tagħmel xogħol fuq il-pont Manuel Dimech tul il-proċess li kien qiegħed jinbena mill-ġdid? Biex sar dan ix-xogħol, il-Ministeru ta' dan iż-żmien ħareġ sejħa għall-offerti u jekk fl-affermattiv, min kienu l-kumpanniji li tefgħu l-offerta tagħhom? Jekk fin-negattiv, min kien responsabbli biex ix-xogħol ingħata b'direct order? Kemm kien jammonta x-xogħol li sar mill-kumpannija in kwestjoni? F'dawn l-aħħar erba' snin, kemm-il biċċa xogħol ingħatat din il-kumpannjia mill-ministeru preċedenti u kemm kien jammonta l-ħlas totali?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-ADT qabbdet lill-Kumpanija msemmija biex tagħmel xogħol ta' "coring" ta' erba' ċilindri tal-konkos u li tqabbdu għaliex il-kumpanija kienet diġa mobilizzata "on site" minn terzi. L-ispejjes kienu minimi ħafna. F'dawn l-aħħar erba' snin din il-kumpanija ingħatat 7 biċċiet xogħol li kienu jammontaw għal €7,825.58.

Importazzjoni ta' Muturi — Dazju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1442 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma jekk ir-riforma tad-dazju fuq l-importazzjoni tinkludix ukoll riforma tad-dazju ta' l-importazzjoni fuq muturi b'żewġ u b'erba' roti? Din tinkludi wkoll muturi u magni li jintużaw fuq il-baħar minn dgħajjes, laneċ u speed boats?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex ippjanat li jinbnew aktar kulleġġi? Fejn se jkunu mibnija dawn il-kulleġġi? Kemm huwa stmat li ġej jiswa kull kulleġġ? Meta hu ppjanat li jitlestew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li skond il-liġi ta’ l-edukazzjoni kif emendata fl-2006, il-kunċett ta’ kulleġġi ifisser ġabra ta’ skejjel primarji u sekondarji mnisġa flimkien taħt id-direzzjoni tal-Prinċipal tal-Kulleġġ biex jitwettaq programm edukattiv ta’ kwalita’ skond il-ħiliet u bżonnijiet ta’ l-istudent. Il-Gvern għaddej bi pjan ta’ bini u modernizzar f’diversi skejjel fosthom il-bini ta’ skejjel ġodda fil-Kottonera, Għawdex, Mosta u Pembroke. Qed jiġi diskuss bħalissa l-fażi li jmiss ta’ bini ta’ skejjel ġodda. L-iskejjel s’issa swew anqas minn 7 miljun ewro-il waħda.

Studenti jistudjaw il-lingwi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex iħajru aktar studenti jistudjaw il-lingwi, fosthom biex intejbu l-livell ta' l-Ingliż miktub u moqri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li dawn l-aħħar sentejn, fis-settur primarju kellna proġett pilota fejn numru żgħir ta’ skejjel kellhom proġett ta’ language awareness biex meta l-istudenti jidħlu fis-settur sekondarju ikunu aktar imħajjra jagħżlu l-lingwi. Fis-settur sekondarju hemm numru ta’ skejjel li fl-ewwel xhur tas-sena skolastika jesponu lill-istudenti għal numru ta’ lingwi imbagħad id-deċiżjoni biex jagħżlu lingwa waħda fl- Option tittieħed aktar tard fis-sena. B’hekk l-istudenti jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħmlu għażla tajba. Biex inkomplu ntejbu l-livell ta’ l-Ingliż kemm mitkellem kif ukoll miktub u moqri, fil-Primarja nbeda proċess ta’ tibdil ta’ kotba li huma aktar attraenti u komunikattivi minn dawk li kien hemm qabel.

Studenti li għamlu l-"O" Levels

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm studenti poġġew għall-eżamijiet ta' l-"O" Level tal-maths, Ingliż u Malti fis-sena 2008? Kemm minn dawn l-istudenti għaddew u x'marka ġabu? Kemm kienet kbira l-popolazzjoni ta' studenti li setgħu jpoġġu għal dan l-eżami? Kemm poġġew għal dawn l-eżamijiet u kemm ma poġġewx għalihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Lottu, Tombla, Super 5

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1402 u jgħid kemm intnefqu flus f'logħob bħal lottu, tombla u Super 5 matul is-sena 2005, 2006 u 2007? Jista' jgħid jekk teżistix statistika ta' fejn sejra t-trend? Jekk iva, l-poplu Malti sar jilgħab aktar flus fil-lottu, tombla, Super 5, eċċ jew naqqas il-logħob?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1402.

Rettili mpurtati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġu mpurtati rettili jew annimali oħra li jista' jkollhom xi tip ta' velenu li permezz tiegħu jiddefendu lilhom infushom f'każ ta' biża' minn xi annimal ieħor? Jekk jiġu, qed ikollna maħżun is-sustanza u l-mediċini neċessarji ħalli jekk b'aċċident dawn jigdmu lil xi persuna, din tingħata l-kura neċessarja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li qatt ma ġiet irraportata l-importazzjoni ta’ rettili li jgħamlu użu minn veleni. Annimali oħra li għandhom velenu bħal ma huma ħut ornamentali u brimb ikunu mportati regolarment. Nitlob l-Onor membru biex jirreferi t-tieni parti tal-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Servizz ta' għassa mill-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu f'tul ta' żmien l-iktar bniedem li ngħata s-servizz ta' għassa wara biebu mill-pulizija? Min jiddeċiedi kemm iddum din l-għassa? Iċ-ċittadin li jingħata din l-għassa, jkun irid jobdi xi direttivi mingħand il-pulizija dwar il-mod kif jgħix bħal, per eżempju, fejn imur fil-ħin liberu tiegħu, meta joħroġ jew jidħol fid-dar, x'tip ta' karozza jsuq, meta jsiefer, eċċ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1937.

Kmamar tal-logħob tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kmamar tal-logħob tan-nar f'Malta u Għawdex, lokal b'lokal? Kemm hawn persuni li għandhom taħriġ b'liċenzja A u B? Min jorganizza dan it-taħriġ? Kemm idum it-taħriġ li jsir lil dawn il-persuni qabel ma jingħataw il-liċenzja? Min hu responsabbli biex jara li l-istandards fil-kmamar tan-nar jinżammu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent hawn 39 kmamar tan-nar hekk kif jidher fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li hawn 152 persuna li għandhom liċenzja taħt il-kategorija A u 930 persuna li għandhom liċenzja taħt il-kategorija B. Infurmat ukoll li t-taħriġ jiġi organizzat mill-kumitat dwar l-esplossivi u huwa mifrux fuq għaxar sigħat. Id-detentur ta' liċenzja ta' fabbrika liċenzjata għax-xogħolijiet tan-nar huwa responsabbli sabiex jiżgura li tkun qed tiġi mħarsa kull restrizzjoni jew kundizzjoni dwar dik il-fabbrika.

Rabat Malta — Ċimiterju Ġdid

Question

Peress li ċ-ċimiterju tar-Rabat sar żgħir għall-mod kif qed tikber il-popolazzjoni fir-Rabat Malta, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibni ċimiterju ieħor li jkun jista' jaqdi l-bżonnijiet tar-Rabtin? Jekk iva, fejn se jkun dan is-sit il-ġdid u meta se jibda' x-xogħol fuqu?

Response (DALLI, JOHN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 1795.

Korsijiet fl-Universita'

Question

Tista' l-Ministru tgħid min jissettja l-grad u l-ammont ta' kwalifikazzjoniiet meħtieġa sabiex tagħmel kors fl-Universita' ta' Malta? Għaliex għal ċerti korsijiet il-kwalifikazzjonijiet jinbidlu minn sena għal oħra ? Veru li biex tagħmel kors tal-mediċina tliet passes "C" grade f'livell avvanzat huwa biżżejjed jekk dawn ikunu ġabuhom minn eżamijiet ta' l-Ingilterra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-kwalifiki għad-dħul fil-korsijiet ta’ l-Universita’ huma approvati mis-Senat ta’ l-Universita’ fuq rakkomandazzjoni tal-Fakulta’kkonċernata. Mhux korrett li wieħed jgħid li l-kwalifiki mitluba jinbidlu minn sena għall-oħra għalkemm tista’ tinħass il-ħtieġa li jkun hemm tibdil. Meta dan isir jingħata sentejn pre-avviż. Dwar il-kors tal-mediċina, fejn hu allegat tliet passes ‘C’grade f’livell avvanzat huwa biżżejjed jekk dawn ikunu ġabuhom minn eżamijiet ta’ l-Ingilterra, ir-risposta hi fin-negattiv.

Ftuħ ta' negozji ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fetħu negozji ġodda matul s-sena 2007? Kemm minn dawn in-negozji kienu jħaddmu iktar minn 20 persuna u kemm minn dawn in-negozji jgħaddmu inqas minn 5 persuni? Kemm minn dawn in-negozji kienu ta' persuni mhux b'ID Card Maltija u kemm minn dawn kienu ta' proprjetarji Maltin? F'liema settur fetħu dawn in-negozji?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għeluq ta' negozji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għalqu negozji matul is-sena 2007? Kemm minn dawn in-negozji kienu jħaddmu iktar minn 20 persuna u kemm kien hemm minnhom li kienu jħaddmu inqas minn 5 persuni? F'liema settur kienu dawn in-negozji u jekk dawn in-negozji kenux kollha ta' proprjetarji Maltin?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.