Jista' l-Ministru jgħid kemm idaħħal flus mil-liċenzji u permessi tal-kaċċa f'Malta u f'Għawdex? Jista' jgħid kemm idaħħal flus mil-liċenzji tal-armi l-oħrajn?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta' din sena d-dħul mil-liċenzji u permessi għall-kaċċa kien ta' €408,970 filwaqt li d-dħul mil-liċenzji tal-armi l-oħrajn kien jammonta għal €371,227.
Jista' l-Ministru jgħid kemm idaħħal flus il-gvern mil-liċenzji tal-vetturi tal-art minn muturi, karozzi u trakkijiet separatament? Jista' jgħid fiex jintużaw dawn il-flus?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta' persuni 'l fuq minn sittin sena? Kemm minnhom huma nisa u irġiel? Kemm minn din il-popolazzjoni hija maħsuba li tmiss mal-linja tal-povertà?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna biex isir twaħħil ta' lifts fi djar privati biex issir iktar faċli għall-anzjani biex jużaw id-dar kollha tagħhom, tul dawn l-aħħar ħames snin? Kemm attwalment twaħħlu lifts fi djar privati permezz ta' din l-għajnuna? Hemm xi waiting list biex isiru dawn l-istalazzjonijijet
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar ħames snin l-Awtorita’ tad-Djar tat għajnuna finanzjarja lil 9 anzjani (persuni ‘l fuq minn 60 sena) li jgħixu f’dar privata biex jistallaw lift. Din l-għajnuna swiet € 48,013.
Ninsab infurmat ukoll li hemm 3 applikazzjonijet pendenti l-pagament. L-għotjiet dwarhom huma diġa’ approvati. Dawn jammonta għall-madwar € 30,000. L-istallazzjoni f’dawn il-każijiet hi responsabbilita’ tal-applikant. Il-pagament isir wara verifika mill-Awtorita’ li x-xogħol ikun sar u l-produzzjoni tal-irċevuti fiskali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex jibni flats speċifikament għaċ-ċittadini anzjani li għandhom 'l fuq minn sittin sena? Kemm bena minn dawn il-flats tul dawn l-aħħar ħames snin?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tad-Djar fasslet programm ta’ bini ta’ appartamenti biex jiġu utilizzati bħala sheltered housing.
Dawn jikkonsistu fi blokki ta’ appartamenti f’lokalitajiet ċentrali li jkunu addattati għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ persuni jew koppji anzjani li għadhom jistgħu jgħixu ħajja indipendenti. L-appartamenti ikunu allokati b’kera lill-persuni anzjani li għandhom bżonn akkomodazzjoni alternattiva.
Diġa tlestew u ġew allokati 8 appartamenti ta’ dan it-tip fil-Furjana u bħalissa hemm 23 appartament ieħor fil-fażi ta’ kostruzzjoni, għall-istess skop.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet rappurtati fl-għassa tal-Belt u ta' Tas-Sliema dwar swat fuq persuni individwali minn gruppi ta' żgħażagħ bejn Jannar 2008 u Settembru 2008? Kien hemm xi arrest ta' persuni li kienu nvoluti f'dawn l-inċidenti? Kemm hemm persuni taħt suspett? Kemm hemm każijiet li għadhom mhux solvuti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena, s'issa, kien hemm żewġ każijiet ta' swat li twettaq minn gruppi ta' żgħażagħ u li ġew irrappurtati fl-għassa tal-Belt. B'riżultat ta' dawn ir-rapporti, inbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti kontra seba' żgħażagħ. Infurmat ukoll li ma sar l-ebda rapport dwar inċidenti simili fl-għassa ta' tas-Sliema.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew sabiex jidħlu f'xi residenza tal-Gvern sa Settmebru 2008? Jista' jagħti l-istatistika home b'home? Jista' jgħid x'inhuma l-kriterji li jintużaw sabiex jintgħażlu l-anzjani biex jidħlu f'dawn il-homes? Kemm ġeneralment idumu jistennew qabel ma jidħlu f'home? Hemm xi pjan li jinbnew iktar homes tal-Gvern għal dawn l-anzjani?
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2101 u jgħid kemm għandu ħaddiema l-Gvern jaħdmu għalih bħalissa li l-main employer tagħhom huwa kuntrattur? Jista' jgħid kemm ilhom jagħtu dan is-servizz dawn il-ħaddiema u ta' liema skali huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 2101.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm jiġi jiswa' ras għar-ras, resident li qed jgħix ġewwa residenza tal-gvern, pubbliku u San Vincent de Paule Residence?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet biex bankini ġodda jinbnew b'mod aċċessibbli? Hemm pjan biex dawk diġà mibnija jiġu modifikati ħalli huma wkoll jiġu aċċessibbli? Jekk iva, fuq kemm żmien hemm il-ħsieb li dan it-tibdil isir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li d-direzzjoni politika li tajt lill-ADT hi li fil-prioritajiet tagħha ġġib lil min miexi fuq it-triq qabel min ikun qed isuq. L-inklużjoni sħiħa ta' persuni b'diżabilita hi parti importanti minn din il-kunsiderazzjoni. Ninsab infurmat li l-ADT bdiet diskussjonijiet mal-KNDP biex ttejjeb l-istandards t'aċċessibilta u ddaħħal dawn l-istandards fil-programm tagħha ta' tiswijiet u bini ta' bankini ġodda.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema l-Gvern jaħdmu għalih bħalissa li l-main employer tagħhom huwa kuntrattur? Jista' jgħid kemm ilhom jagħtu dan is-servizz dawn il-ħaddiema u ta' liema skali huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kuntrattur jiġi mqabbad mill-Gvern biex jagħti servizz u allura l-ħaddiema li jagħtu dan is-servizz m’humiex ħaddiema tal-Gvern.
L-informazzjoni dwar dawn il-kuntratti tinsab fl-anness hawn mehmuż.
Jista' l-Minsitru jgħid kemm bejn Jannar u Diċembru 2007 raw nies it-tobba fil-polikliniċi fuq bażi ta' out patient(mhux emerġenzi) u kemm raw nies fl-out patients departmentfuq l-istess bażi? Kemm trid iddum tistenna biex jarak professur jekk tiġi riferut għall-vista għand il-professur mit-tabib tal-familja fil-kliniċi tad-diabete, mediċina, uroloġija, kirurġija, oftalmoloġija u kardjoloġija?
Response (DALLI, JOHN)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba full time fiċ-ċentri tas-saħħa? Kemm hemm tobba li huma undergoing training għal general practitioner? Huwa vera li l-Gvern beħsiebu jinvolvi wkoll general practitioners li bħalissa qed jaħdmu fil-privat biss biex huma wkoll iservu lill-pubbliku wara sejħa li ssir fiċ-ċentri tas-saħħa għal tabib u allura jkun hemm amalgamazzjoni bejn it-tobba privati u dawk li jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab infurmat li fiċ-ċentri tas-saħħa hemm 65 tobba full time, 23 li huma undergoing training għal general practitioner u 5 fuq reduced hours.
L-informazzjoni dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija tkun tista’ tingħata wara li jispiċċa x-xogħol li għaddej bħalissa fuq ir-riforma tas-saħħa primarja f’Malta u Għawdex. Bħal ma għamilna fil-passat ser tinħareġ sejħa għal tobba li jkunu jridu jaħdmu
part time
biex jaħdmu fid-dipartiment tas-Saħħa Primarja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inċentiv li taw dwar xiri ta' materjal elettroniku (computers eċċ) kienx xi ħaġa għall-elezzjoni biss, jew jekk il-Gvern huwiex se jerġa' jagħti l-istess sussidju u inċentiv f'xi żmenijiet oħra matul din is-sena 2008/2009?
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa' sabiex student jitla' għat-test tas-sewqan? Kemm irid iħallas kull darba li jeħel biex jerġa' jitla' għat-test tas-sewqan? Fiex jintużaw dawn il-flus li jħallsu l-istudenti? L-instructortal-Awtorità dwar it-Trasport għandu xi persentaġġ ta' commission jew qliegħ minn dawn il-flus li jħallsu l-istudenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta Valletta Road b'mod speċjali il-biċċa ta' bejn il-Mosta u Ħal Lija se tingħata manutenżjoni? Din it-triq tinstab f'qagħda ħażina ħafna għax biex jevitaw il-ħofor li hemm, ħafna mis-sewwieqa qed isuqu b'mod irregolari?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jistax jieħu passi ħalli s-sistema tad-drenaġġ fi Triq in-Naxxar, inti u tiela' lejn il-Mosta tiġi rranġata ħalli tieqaf darba għal dejjem il-problema li wara kull bexxa xita jfur id-drenaġġ fl-istess tirq u dawn it-toroq idumu ġranet wara x-xita bir-riħa tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fetħu negozji ġodda matul s-sena 2007? Kemm minn dawn in-negozji kienu jħaddmu iktar minn 20 persuna u kemm minn dawn in-negozji jgħaddmu inqas minn 5 persuni? Kemm minn dawn in-negozji kienu ta' persuni mhux b'ID Card Maltija u kemm minn dawn kienu ta' proprjetarji Maltin? F'liema settur fetħu dawn in-negozji?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-liċenzji għan-negozju jinħarġu minn numru ta’ entitajiet li jaqgħu taħt diversi Ministeri.
Rigward dak li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħi għas-sena 2007 ser nagħti l-informazzjoni segwenti:
·
Trade Licensing Unit
fid-Diviżjoni tal-Kummerċ: Liċenzji ġodda maħruġa u ppublikati fil-gazzetta tal-Gvern kien hemm 1048 – 23 minnhom kienu
maħruġa lil persuna minn stati membri fl-Unjoni Ewropea, u 8 minnhom lil persuni minn stati oħra.
Dawn il-liċenzji kienu maqsuma kif ġej:
Kategorija I: Ipproċessar, manifattura u bejgħ ta’ prodotti ta’ l-ikel u xarbiet 239
Kategorija II: Attivitajiet ta’ manifattura 28
Kategorija III: Bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut 569
Kategorija IV: Servizzi ta’ kostruzzjoni 2
Kategorija V: Servizzi professjonali u kummerċjali 54
Kategorija VI: Servizzi soċjali u personali 156
· Il-
Lotteries and Gaming Authority
ħarġet 75 liċenzja kollha lil persuni barranin.
· Il-MFSA kellha
reġistrazzjonijiet
ġodda ta’ kumpaniji u soċjetajiet ta’ 2739.
L-informazzjoni dwar impjegati ma tintalabx fl-istadju ta’ applikazzjoni, għaldaqstant ma tistax tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għalqu negozji matul is-sena 2007? Kemm minn dawn in-negozji kienu jħaddmu iktar minn 20 persuna u kemm kien hemm minnhom li kienu jħaddmu inqas minn 5 persuni? F'liema settur kienu dawn in-negozji u jekk dawn in-negozji kenux kollha ta' proprjetarji Maltin?
Response (FENECH, TONIO)
Kif diġa informajt lill-Onorevoli Interpellant fi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 1918, il-liċenzji għan-negozji jinħarġu u jiġu kkanċellati minn numru ta’ entitajiet li jaqgħu taħt diversi Ministeri.
Rigward dak li jaqgħa taħt il-Ministeru tiegħi għas-sena 2007 ser nagħti l-informazzjoni segwenti:
·
Trade Licensing Unit
fid-Diviżjoni tal-Kummerċ: Kien hemm 308 liċenzja kkanċellata li minnhom 3 kienu ta’ propretarji mill-Unjoni Ewropea, u 4 minn stati oħra.
·
Lotteries and Gaming Authority
: Kien hemm 10 liċenzji kanċellati li kollha huma barranin.
· MFSA: Kumpaniji u Soċjetajiet illi għalqu kienu ta’ 607.
Fil-proċess ta’ kanċellazzjoni ta’ liċenzja jew għeluq ta’ kumpanija, ma tintalabx informazzjoni dwar impjegati, għaldaqstant ma tistax tingħata.