Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inċidenti f'homes tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru incident reports matul is-sena 2008 fil-homes kollha tal-Gvern, home b'home? Kemm ittieħdu azzjonijiet sabiex ma jerġgħux jsiru dawn l-inċidenti ? Liema inċidenti kienu l-aktar komuni u x'kienu dawn l-inċidenti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2008 saru dawn l-incident reports: Dar ta’ l-Anzjani Numru ta’ incident reports Mellieħa 26 Gżira 10 Floriana 1 Msida 2 Mtarfa xejn Bormla xejn Żejtun xejn Mosta xejn L-aktar inċidenti komuni kienu waqgħat mill-anzjani. L-azzjoni li ttieħdet biex jiġu evitati incidenti simili kienu referiment tar-residenti għand it-tabib jew għal “falls clinic” ġewwa l-isptar Żammit Clapp, tibdil fl-ambjent u qed tingħata iktar informazzjoni dwar żraben addattati għall-anzjani biex jiġu evitati aktar waqgħat. Informat ukoll li inċidenti oħra kienu jinkludu imġieba ħażina minn xi residenti lejn residenti oħra jew lejn xi membri ta’ l-istaff, kif ukoll minn membri ta’ l-istaff lejn residenti. F’dawn il-każijiet il-persuni koncernati jiġu riferuti lill-Health Care Professionals koncernati. Kien hemm ukoll każ ta’ anzjan nieqes mill-vista li qaleb it-te jaħraq fuqu. F’dan il-każ, l-anzjan konċernat qiegħed ikun assistit aktar mill-qrib.

Pazjenti biex jidħlu ġo homes tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika applikata biex pazjenti ikun jista' jidħol ġewwa home tal-Gvern? Kemm hemm nies jistennew biex jidħlu ġewwa home tal-Gvern? Kemm ilhom dawn in-nies jistennew biex jagħmlu dawn? Kemm iddaħħlu residenti ġewwa homes tal-Gvern matul is-sena 2008 u kemm kien ilu jistenna kull pażjent biex jidħol f'dawn il-homes?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

l-istaff li jaħdem fil-homes tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-istaff li jaħdem fil-homes tal-gvern taħt liema fundazzjoni/dipartiment jaqgħu? Veru li fil-homes tal-Gvern ma jkunx hemm cleaners li jaħdmu matul il-lejl? Jista' jgħid x'inhi l-istaff complement ta' dawn l-homes bil-lejl u matul il-ġurnata home b'home?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #5302 Sitting 82 2009-02-11 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema taċ-ċivil — salarji

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4630 u jagħti figuri ta' kemm għandhom salarji l-ħaddiema taċ-Ċivil? Kemm għandhu ħaddiema f'kull skala ta' salarju? Kemm għandu ħaddiema b'kuntratt u f'liema skala jaqgħu dawn il-ħaddiema meta tqabbel is-salarji tagħhom ma' dawk taċ-Ċivil?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Spiża tal-karozzi tad-dipartiment tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4631 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm intnefqu spejjeż fi fuel għall-karozzi li jużaw id-Dipartimenti tal-Gvern, dipartiment, dipartiment minn Diċembru 2007 sa Diċembru 2008? Kemm użaw fuel il-karozzi tal-istaff personali ta' kull ministru fl-istess żmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-nefqa fi fuel mill-1 ta’ Diċembru 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2008 (13-il xahar) kienet ta’ €140,290.55 maqsumin dipartment dipartiment kif murija hawn taħt. Ministeru €26,403.00 Treasury Department € 5,903.73 Vat Department €12,308.58 Inland Revenue Department €10,221.39 Contracts Department € 5,411.00 Taqsima Proprjetà tal-Gvern €18,201.94 Notary to Government € 404.86 Divizjoni tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni € 7,375.08 Tax Compliance Unit € 1,223.00 Economic Policy Division € 4,579.22 Commerce Division € 8,834.00 Dipartiment tad-Dwana €38,654.75 FIAU € 770.00 Wieħed biss mill-istaff personali tiegħi hu intitolat għall-ħlas ta’ petrol mill-Ministeru. Dan uża 170 litru (fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2008). L-uffiċċjali l-oħra fis-segretarjat tal-Ministru u tas-Segretarju Parlamentari jirċievu car allowance li tkoprilhom il-fuel li jikkonsmaw.

Għawdex — Heliport

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-użu tal-Heliport f'Għawdex bħalissa? Kemm hemm impjegati jaħdmu hemm? Minn min hu ffurmat il-bord tal-heliport? Kemm jitħallsu l-membri ta' dan l-bord? X'inhuma l-pjanijiet għall-2009 għall-Heliport? Vera li l-Armata sejra tibda tagħmel użu minnu għall-helicopters tagħha? Kemm kienet l-ispiża fil-manutenzjoni tal-heliport għas-sena 2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Gambling Halls — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Minstru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4455, 3917, 2867, 1932 u 1397 u jagħti statistika ta' kemm-il spezzjoni għall-għarrieda u bla avviż saret ġo gambling halls sabiex jaraw jekk hemmx tfal minorenni jilagħbu fuq dawn il-magni tal-logħob? Jekk iva, kemm-il darba saret din bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Gambling Halls — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Minstru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4455, 3917, 2867, 1932 u 1397 u jagħti statistika ta' kemm-il spezzjoni għall-għarrieda u bla avviż saret ġo gambling halls sabiex jaraw jekk hemmx tfal minorenni jilagħbu fuq dawn il-magni tal-logħob? Jekk iva, kemm-il darba saret din bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007? X'kien ir-riżultat ta' dawn l-investigazzjonijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ara tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1932

Karozzi second hand — Dazju

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 4581, 4105, 3151, 2507, 1802 u 1391 u jgħid meta se ssir ir-riforma fid-dazju tal-karozzi second hand li jiġu importati? Id-dazju minn fuq l-importazzjoni tal-karozzi se jonqos jew le? Jekk se jonqos, hemm il-ħsieb li jsiru xi tip ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra li jaffettwaw il-prezz tax-xiri tal-vetturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-riforma fir-reġistrazzjoni tal-vetturi fil-klassi M1, kif imħabbra fil-budget f’Novembru 2008 inkludiet ukoll il-vetturi second hand li jiġu mpurtati u reġistrati għall-ewwel darba ġewwa Malta. Permezz ta’ din ir-riforma gawdew dawk il-vetturi zgħar u aktar ġodda u li għalhekk iħammġu anqas l-ambjent. Dawn raħsu sostanzjalment. Hemm każijiet fejn vetturi akbar u li jniġġsu aktar ser iħallsu aktar dazju fuq l-importazzjoni. Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għall-Abbozz ta’ Liġi numru 18 ippublikat fil-Gazetta tal-Gvern fit-12 ta’ Diċembru, 2008 u li daħal fis-seħħ fl-ewwel ta’ Jannar, 2009.

EKO-Kontribuzzjonijet fuq il-liċenzji tal-vetturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 4583 u 4030 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġew riferuti lilu u jgħid fuq liema proġett sejra tintuża' l-eko-kontribuzzjoni li ddaħħlet din is-sena fil-budget li permezz tagħha għolew il-liċenzji tal-vetturi kollha? Jista' jgħid kif dan il-proġett li għandu sejjer jaffettwa pożittivament l-ambjent u allura permezz t'hekk jonqos il-mard li huwa semma bħall-ażma u l-kanċer?

Response (FENECH, TONIO)

Naħseb li l-Onorevoli Interpellant għandu f’moħħu l-liċenzja ta’ ċirkolazzjoni li għandha titħallas kull sena fir-rigward ta’ liċenzji ta’ vetturi bil-mutur. Huwa fatt magħruf li iktar ma teqdiem vettura iktar tarmi emissjonijiet fl-arja u li dawn jikkawżaw dannu fl-ambjent. Għaldaqstant, iktar ma vettura tkun ġdida u għalhekk tarmi livell ta’ CO2 relattivament baxx, anqas teħel liċenzja ta’ ċirkulazzjoni. Fil-każ tal-vetturi b’magni diesel , il-livell ta’ particulate matter , jiġifieri dak id-duħħan iswed li joħroġ mill-magna, huwa fattur ieħor determinanti ta’ kemm trid titħallas liċenzja u għalhekk iktar ma’ dan ikun ta’ livell baxx anqas titħallas liċenzja. B’dan il-mod inkunu dejjem qed innaqqsu t-tniġġis fl-arja u b’hekk jonqos il-mard bħall-ażma u l-kanċer.

Eco-Tax fuq proġetti favur l-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4628 u jagħti lista ta' prodotti li għandhom l-eco-tax fuqhom? Kemm hija din it-taxxa fuq kull prodott? X'qiegħed isir minn din it-taxxa? F'liema proġetti qed tintuża favur l-ambjent? Hemm xi ħsieb li din il-lista tal-prodotti li għandhom eko-kontribuzzjoni tiżdied?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4628.

Persuni 'l fuq minn 60 sena — bordijiet tal-gvern

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3148 u jgħid kemm hemm persuni li għandhom 'l fuq minn 60 sena li huma fuq bordijiet tal-gvern? Jekk iva, f'liema bord qegħdin? Kemm ilhom iservu f'dan il-bord? Fuq liema kriterji qegħdin iservu f'dawn il-bordijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għall-mistoqsija ingħatat fis-seduta 70, fl-14 ta’ Jannar 2009.

Buqana — Limiti tar-Rabat - ranġar il-linja tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-linja tad-dawl li tforni ż-żona ta' Buqana limiti tar-Rabat Malta tiġi mibdula għal waħda ġdida, liema linja u l-qtugħ kontinwu tagħha qed jikkawża ħsarat kontinwi fl-apparat domestiku tar-residenti fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ħafna mill-linji li saret referenza għalihom għandhom jitneħħew, u minnflokhom jibdew jaħdmu cables ta’ taħt l-art li diġa hemm fil-post, la darba x-xogħolijiet jitlestew.

Istituzzjoni għal persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet sabiex matul is-sena 2009 tinbena xi istituzzjoni ħalli dawk ż-żgħażagħ, tfal, irġiel u nisa, li għandhom bżonnijiet speċjali jkunu jistgħu jmorru jgħixu f'din l-istituzzjoni jekk il-ġenituri tagħhom jew il-carers jiġu neqsin? Jekk m'għandux pjanijiet għall-2009, jista' jiddikjara l-politika tal-gvern preżenti fuq dan is-suġġett?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Aġenzija SAPPORT min żmien għal żmien tiftaħ residenzi żgħar fil-Komunita’ għal persuni b’diżabilita’ dejjem skond ir-riżorzi finanzjarji disponibbli. Mhiex politka tal-gvern li jinfetħu istituzzjonijiet kbar għal dawn il-persuni. Tajjeb li wieħed issemmi li mindu twaqqfet l-Aġenzija SAPPORT fl-2001 infetħu residenzi ġewwa l-Fgura, Ħal-Kirkop, Mtarfa u il-Kumpless Vajrita f’Marscala bi 12 il-appartament. Bħalissa qed isir programm ta’ transizzjoni ta’ 6 klijenti biex jidħlu fir-residenza ġdida ġewwa Bormla. Fl-istess waqt qed isir eserċizzju ta’ reklutaġġ għal ħaddiema biex dawn il-peruni jkunu jistgħu jidħlu f’din ir-residenza. Barra min hekk l-Aġenzija SAPPORT tamministra ftehim bejn dan il-Ministeru, il-Ministeru għal Għawdex u l-Fondazzjoni Arka li permezz tiegħu 6 persuni jgħixu ġewwa Dar Arka, Għajnsielem Għawdex b’mod permanenti, kif ukoll ftehim ieħor bejn dan il-Ministeru u l-Kurja li permezz teigħu 7 persuni oħra qed jgħixu ġewwa Dar Pirotta, B’Kara.

Gwardamangia — Sptar Karen Grech - Fjuri u xemgħa quddiem il-bust

Question

Jista' l-Ministru jivverifika jekk ħarġitx xi policy ġdida biex xemgħa u fjuri ma jitħallewx jitpoġġew quddiem bust tal-mibkija Karen Grech fl-Isptar Karen Grech fi Gwardamangia? Dan qed nistaqsih wara li kien hemm min inżamm milli jagħmel dan.

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li ma ħarġet l-ebda policy biex ma jitħallewx jitpoġġew xemgħa u fjuri quddiem il-bust ta' Karen Grech fl-iSptar Karen Grech.

Pilloli Statins — pażjenti intitolati għal dan it-trattament

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa intitolat għall-pilloli Statins? Jista' jispjega l-fatt għaliex pazjenti li jkollhom ix-xaħam fid-demm għoli xorta ma jkunux intitolati għal dan it-trattament jekk ma jkollhomx kundizzjoni f'qalbhom ukoll? Huwa minnu dan il-fatt jew le?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li biex pazjenti jkunu intitolati għal Statins iridu jkunu eligibbli għal kartuna safra jew roża. Statins huma klassi ta’ mediċina li l-indikazzjoni tagħha hija il-Hyperchoesterolaemia jew kif inhi magħrufa wkoll ix-xaħam jew cholesterol għoli fid-demm. Dawn il-mediċini jinsabu fil-formularju pero jingħataw taħt protokolli speċifiċi. Dan il-protokoll jispeċifika eżatt x’għandu jkollu pazjent biex ikun intitolat għal din il-mediċina. F’dan il-każ it –trattament jingħata lill-pazjenti kollha irripettivament miż-żmien li għandhom meta jkun hemm dawn il-kriterji: 1. Irripespettivament mill-livell ta’ cholesterol LDL ma’ a. Ischaemic heart disease dokumentat wara i.) acute myocardial infarction (IHD ) jew ii) percutaneous coronary intervention jew iii) coronary artery bypass b. familial (type 2) hypercholesterolaemia 2. Livell ta’ LDL Cholesterol ta’ 4.1mm/L jew aktar ma’: a. Ischaemic heart disease dokumentat li mhux inkluz f’punt 1 hawn fuq b. Diabete (Diabetes Mellitus) 3. Livell ta’ LDL Cholesterol ta’4.1 jew aktar imma ma tnejn jew aktar minn dawn ir- risk factors : c. pressjoni gholja – persistenti il-fuq minn 160/95mmHg d. storja ta’ IHD ( fi qraba ta’ l-ewwel grad li ghandhom il-fuq minn 50 sena) e. cerebral/peripheral vascular disease f. obesita (BMI il-fuq minn 35%) Għalhekk bil-protokoll eżistenti huwa possibli li pazjenti li jkollhom ix-xaħam jew cholesterol fid-demm ma jkunux intitolati għal dan it-trattament jekk ma jaqawx taħt kriterji jew fatturi oħra inkluż mard tal-qalb. Ta’ min wieħed jgħid li kemm il-formularju kif ukoll il-protokolli huma stabbiliti u jinsabu fis-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Politika Soċjali.

Aredia Infusion 120 mg — Persuni intitolati għat-trattament b'xejn

Question

Jista' l-Ministru jelenka min huwa intitolat għall-Aredia Infusion 120mg? Kemm-il darba dawn il-persuni jistgħu jieħdu dan it-trattament b'xejn? F'liema kundizzjoni jintalbu jixruh? Kemm jiswa dan it-trattament? Kull kemm trid tieħdu? Kemm kien hemm pażjenti li ħaduh b'xejn mill-isptar matul is-sena 2008? Kemm-il darba ħaduh l-istess pażjenti?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li Aredia huwa isem ta’ ditta ta’ mediċinali Disodium Pamidronate. Dan id-Disodium Pamidronate jaħdem billi jnaqqas ir-rata ta’ turnover tal-għadam fil-ġisem u jeżisti f’diversi forom u dożi. Disodium Pamidronate m’huwiex fuq il-formularju farmaċewtiku tal-gvern u Aredia Infusion 120mg m’huwiex provdut b’xejn lill-pazjenti. Il-Gvern pero jipprovdi Disodium Pamidronate bħalha Aredia 15mg injection lil pazjenti li huma intitolati għaliha. Dan l-intitolament huwa idditerminat minn protokoll li jispeċifika il-kundizzjonijiet kliniċi li wieħed/waħda irid ikollu/ha. Dawn il-kondizzjonijiet huma: • Paget’s Disease • Pazjenti tal-onkologija b’: i. Malignant hypercalcaemia and widespread malignant bone deposit. ii. Extensive bone secondaries, speċjalment kanċer ta-sider li ma jirrispondux għal endocrine jew cytotoxic therapy jew radioterapija lokalizzata. . iii. Myeloma with extensive generalized osteolysis. • Non-malignant hypercalcaemia due to hyperparathyroidism. •Osteoporosis ikkawzata minn xi kundizzjoni kronika li taqgħa taħt il-kartuna safra (unlicensed indication). In-numru ta’ drabi li l-pazjenti jieħdu dan it-trattament, il-frekwenza u d-doża jiddependu mill-indikazzjoni li għaliha ġiet preskritta id-Disodium Pamidronate. Per e żempju: Għat-trattament ta’ osteoporosis, il-pazjent jingħata doża ta’ bejn 60mg u 90mg kull darba. Din id-doża tingħata kull tlett xhur. Pazjenti b’ Paget’s Disease jingħataw doża ta’ bejn 30mg u 90mg darba kull 3 xhur jew inqas spiss, per eżempju kull 6 xhur jew kull 12-il-xahar. Għal pazjenti li għandhom hypercalcaemia sekondarja għall-marda tal-kanċer, id-doża tvarja skond il-livell tal-kalċjum fid-demm u tingħata darba jew tigi repetuta sakemm il-livell tal-kalċjum jiġi għan-normal. Il-proċess jinvolvi li wara d-dijanjozi, issir talba minn naħa tal-Konsulent f-isem il-pazjent lill-ispizerija. In-numru ta’ talbiet proċessati mill-ispiżerija għall-Disodium Pamidronate fl-2008 kien ta’ 1550. L-ispiżerija pero ma żżommx rekord ta’ kemm il-darba l-istess pazjent jkun ħa id-Disodium Pamidronate. Kull vjala ta’ Disodium Pamidronate bħalha Aredia Injection 15 mg fil-prezent qed tiswa’ lill- Gvern €43.00. Il-Gvern qed ukoll joffri l-possibilita f’dawk il-kazi li l-kundizzjoni tal-pazjenti ma tikkwalifikax għal trattament b’xejn taħt l-imsemmi protokoll li din il-mediċina tingħata lil pazjenti bi ħlas.

Mezz alternattiv għal stazzjon tat-televiżjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jingħatax mezz alternattiv lil stazzjon tat-televiżjoni privat li jkun irid ixandar u li providers privati ma jkunux iridu jagħtuh spazju biex jagħmel dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xandara privati qed jingħataw aċċess minn network operators privati mingħajr xkiel. Ma jirriżulta li hemm l’ebda każ ta’ xandara licenzjati li m’humiex jingħataw aċċess. Jekk xi xandar jallega li ma hux qed jingħata spazju b’mod diskriminatorju jista’ jagħmel rikors lill-Ufficcju tal-Kompetizzjoni Ġusta biex dan ta’ l-aħħar jinvestiga l-każ u jiddetermina jekk hemmx każ ta’ abbuż ta’ dominanza. Ta’ min wieħed ifakkar li l-Awtorita Maltija għall-Komunikazzjoni għamlet analizi estensiva tas-suq skond il-poteri li tippermettilha l-ligi u ppublikat ir-rapport tagħha fl-24 ta’ Novembru 2008. L-Awtorita ma’ sabet l-ebda indikazzjoni ta’ dominanza minn xi network operator u għaldaqstant m’għandiex il-poter li tirregola l-aċċess li jingħata lil xandara minn dawn in-network operators. Dan ifisser li sa ma’ jkun hemm indikazzjonijiet ulterjuri il-ħarsien ta’ dan is-suq issa huwa biss kompitu ta’ l-Ufficcju għal Kompetizzjoni Ġusta. Għaldaqstant xandara privati jistgħu jagħmlu rikors ma’ dan l-uffiċċju f’kaz ta’ ħtieġa.

Sptar Mater Dei — Teatri tal-operazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm teatri tal-operazzjonijiet ġewwa l-Isptar Mater Dei? Kemm-il siegħa ntużaw kuljum dawn it-teatri matul is-sena 2008, wieħed b'wieħed?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Eco-tax fuq proġetti favur l-ambjent

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' prodotti li għandhom l-eco-tax fuqhom? Kemm hija din it-taxxa fuq kull prodott? X'qiegħed isir minn din it-taxxa? F'liema proġetti qed tintuża favur l-ambjent? Hemm xi ħsieb li din il-lista tal-prodotti li għandhom eko-kontribuzzjoni tiżdied?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lista ta’ prodotti mitluba, kif ukoll ir-rata tat-taxxa fuq kull prodott tinsab fl-ewwel skeda ta’ l-Att dwar l-Eko Kontribuzzjoni. Għall-2009, affavur l-ambjent, il-Gvern qed jiddedika €16.5 miljuni, imqassmin kif gej: €5,500,000, għall-implimentazzjoni tas-solid waste strategy ; u €11,000,000, għall-proġetti kapitali mwettqa mill-Wasteserv għall-immaniġġjar ta' l-iskart. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux is-€7,865,000, għat-tisbieħ tal-pajesaġġ f'Malta u Għawdex u l-€361,000 li l-Gvern ivvota għall-afforestazzjoni fil-gżejjer Maltin. Barra minn hekk, il-Gvern jivvota miljuni ta' euro kull sena bħala ko-finanzjament lokali għall-proġetti ffinanzjati b'fondi mill-Unjoni Ewropeja.