Jista' l-Ministru jgħid x'tista' tbiegħ il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, skond il-liċenzja ta' negozju li għandha? Jista' jgħid jekk din il-persuna hijiex qed tmexxi l-attività kummerċjali tagħha skond kif permessa li tagħmel b'din il-liċenzja? Jista' jgħid jekk din il-persuna meta qed tarma l-vann, hux qed iżżomm id-distanza skond il-liġi mill-istabbiliment l-iktar viċin tagħha?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni li qed tintalab tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.
Wara d-dikjarazzjoni pubblika li dehret f'gazzetta lokali li waiting list, tal-operazzjonjiet ma teżistix għajr fl-oftamoloġija u l-cardiology, jista' l-Ministru jgħid x'qed jippjana l-gvern biex jara li d-dipartimenti l-oħra jiġu iktar organizzati? Huwa kuntent b'din is-sitwazzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li huma boarded out matul is-sena 2008? Kemm hemm minnhom minn Għawdex u kemm hemm minnhom minn Malta?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li n-numru ta' nies li ngħataw pensjoni ta' l-invalidita' matul is-sena 2008, kien ta' 760 ġewwa Malta u ta' 240 ġewwa Għawdex. Minn dawn 400 f'Malta u 208 f'Għawdex, kellhom l-pensjoni ta' l-invalidita' imġedda matul is-sena msemmija.
Jista' l-Prim Ministru jagħti figuri ta' kemm għandhom salarji l-ħaddiema taċ-ċivil? Kemm għandu ħaddiema f'kull skala ta' salarju? Kemm għandu ħaddiema b'kuntratt u f'liema skala jaqgħu dawn il-ħaddiema meta tqabbel is-salarji tagħhom ma' dawk taċ-ċivil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 5302.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 4630 u jagħti figuri ta' kemm għandhom salarji l-ħaddiema taċ-Ċivil? Kemm għandhu ħaddiema f'kull skala ta' salarju? Kemm għandu ħaddiema b'kuntratt u f'liema skala jaqgħu dawn il-ħaddiema meta tqabbel is-salarji tagħhom ma' dawk taċ-Ċivil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward is-salarji tal-ħaddiema taċ-Ċivil, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għall-Estimi Finanzjarji ppublikati mill-Gvern.
Rigward l-ammont ta’ ħaddiema fid-diversi skali u l-ħaddiema b’kuntratt, l-informazzjoni, tinsab fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Apparti dawn, hemm 552 ħaddiem imħallsin b’rati mhux komparabbli ma’ Skala.
Delegazzjonijiet barra minn Malta — negozjanti li jakkumpanjaw lill-President ta' Malta
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kif jiġu magħżula n-negozjanti li jakkumpanjaw lill- President ta' Malta bħala parti mid-delegazzjoni meta dan iżur nazzjonijiet barranin bħal, per eżempju, dik ta' l-Alġerija u l-Polonja? Jista' jsemmi liema kienu n-negozjanti li akkumpanjaw lill-President f'dawn iż-żewġ żjarat serparatament? Kien hemm min wera x-xewqa li jkun parti minn din id-delegazzjoni u ma ntgħażilx?
Response (BORG, TONIO)
Nagħmel referenza għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 2110.
Is-sidien tan-negozji u kumpaniji li jakkumpanjaw lill-President ta' Malta bħala parti mid-delegazzjoni kummerċjali f'vizti barra minn Malta jagħmlu dan wara li jkunu esprimew ix-xewqa li jipparteċipaw. Dan wara li tkun dehret Sejħa ta' Interess (Expression of Interest) fil-ġurnali lokali kollha.
Ta' min jgħid li sa issa kull min wera interess li jkun parti minn dawn id-delegazzjonijiet kien aċċettat u għalhekk ma kienx hemm min ma ntagħżilx.
F'din il-leġiżlatura sa issa ġew organiżżati delegazzjonijiet kummerċjali għall-Ukrajna, Portugall u Polonja. In-numru ta' sidien ta' negozji u kumpaniji li qed jieħdu sehem qed jiżdied. Ta' min jgħid li f'delegazzjoni kummerċjali li marret il-Polonja f'Jannar 2009, kien hemm 63 persuna li akkumpanjaw lill-President ta' Malta f'din iż-żjara.
Jista' l-Ministru jgħid kif jikkompara dħul ta' taxxi fuq qliegħ kapitali Jannar 2008 ma' Jannar 2009? Qiegħed jara nuqqas mid-dħul ta' taxxi fuq qliegħ kapitali fl-2009 meta kkomparat ma' l-2007 u l-2008?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kif jiġi allokat ix-xogħol tal-patching fit-toroq primarji u sekondarji? Jaħseb illi l-patching bil-cold asphalt huwa ħela ta' flus speċjalment f'ħofor imxarrbin meta dan jerġa' jinqala l-għada? Hemm studji ta' kif l-aħjar jintuża dan u jekk dawn ir-rakkmandazzjonijiet humiex jinżammu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-patching mill-ADT jiġi allokat fit-toroq arterjali u distributorji li jaqgħu fir-responsabbilta ta' l-ADT u skond il-projorita' u l-ħtieġa li tħoss l-ADT minn żmien għal żmien.
Għall-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposti li tajt għall-diversi mistoqsijiet supplimentari wara li kont irrispondejt il-mistoqsija ta' l-istess Onor. Interpellant, cioe' nru. 5089 waqt seduta nru. 76.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies jirreġistraw għax-xogħol bejn Jannar u Diċembru tal-2008? Kemm min dawn sabu xogħol u kemm baqgħu ma sabux? Xi kwalifiki kellhom dawk li sabu xogħol?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bejn Jannar u Diċembru 2008 kien hemm dawn l-ammonti ta’ persuni li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru fl-aħħar ta’ kull xahar:-
Xhur
Persuni
Jannar 2008
6,463
Frar 2008
6,342
Marzu 2008
6,168
April 2008
6,086
Mejju 2008
6,018
Ġunju 2008
5,861
Lulju 2008
5,958
Awwissu 2008
6,121
Settembru 2008
6,096
Ottubru 2008
6,351
Novembru 2008
6,600
Diċembru 2008
6,373
Informat ukoll li kien hemm 13,629 persuna li b’xi mod jew ieħor missew mar-reġistru tal-qgħad (fuq l-ewwel jew it-tieni parti tar-reġistru). Minn dawn kien hemm 3,631 persuni li sabu xogħol, 6,279 persuni għadhom qed jirreġistraw għax-xogħol, filwaqt li 3,719 la qed jaħdmu u l-anqas qegħdin jirreġistraw għax-xogħol ma’ l-ETC.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex konxju tal-ilmenti li qed isiru fuq il-kwalità inferjuri ta' nappies li anzjani u persuni bi bżonnijiet speċjali qed jingħataw? Huwa konxju ta' kemm jgħaddu minn diffikultajiet dawn l-istess persuni meta jgħidulhom li l-istess nappies huma out of stock?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 6163.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta' immigranti illegali f'Malta f'Jannar 2009? Kemm hemm irġiel u nisa separatament? Kemm hemm minn dawn li ilhom hawn Malta għal iktar minn 6 xhur? Kemm kellhom tfal waqt li qed jinżammu f'Malta? Kemm ġew jiswew lill-Kaxxa ta' Malta l-ispiża biex iżommhom bid-dinjità kollha li jixraqilhom bejn Jannar 2008 u Diċembru 2008?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-popolazzjoni tal-immigranti irregolari sa l-aħħar ta' Jannar 2009 kienet kif ġej:-
Closed Centres - 1804 irġiel
- 219 nisa
Minn dawn, 862 ilhom Malta aktar minn sitt xhur.
Open Centres -1299 irġiel
- 176 nisa
Bażikament, l-immigranti li jgħixu f'dawn iċ-ċentri jkunu qattgħu aktar minn sitt xhur f'pajjiżna.
Rigward tfal imwielda minn immigranti irregolari, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-mistoqsija għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid, kif staqsa il-ġurnalist tal-Orizzont, x'qed jiġri mis-siringi li jitqassmu lid-drug addicts? Jekk dawn iridux jippreżentaw is-siringi użati sabiex jingħataw oħra ġdida jew jekk humiex jingħataw ordnijiet biex jeħduhom u jiddisponu minnhom f'xi post partikolari wara li jużawhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ninsab informat li d-Dipartiment tas-Saħħa Primarja, flimkien mas-Sedqa, kienu għamlu sistema ta' ġbir ta' sistema wżati mid-drug addicts fejn kull min jiġi biex jiġbor siringa miċ-ċentru tas-saħħa, jingħata kontenitur apposta biex jiddisponi s-siringi fih. Meta l-kontenitur jintela, dan kellu jiġi mitfuħ ġewwa kontenitur ieħor kbir barra iċ-ċentru tas-saħħa. Madankollu ma kien hemm ebda koperazzjoni mid-drug addicts u s-sistema ma kinitx effettiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 5147, 4451, 4008 u 2955 u jgħid jekk jistax jieħu passi ħalli s-sistema tad-drenaġġ fi Triq in-Naxxar, inti u tiela' lejn il-Mosta tiġi rranġata ħalli tieqaf darba għal dejjem il-problema li wara kull bexxa xita jfur id-drenaġġ fl-istess triq u dawn it-toroq idumu ġranet wara x-xita bir-riħa tad-drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-KSI.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5151 u jieħu l-passi neċessarji biex il-problemi tal-ilma tax-xita fi Triq id-9 ta' April il-Mosta, liema ilmijiet jinġabru ġo l-istess triq b'inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inħawi, jiġu solvuti permezz tat-tkabbir tal-culvert eżistenti jew isir xi intervent ieħor ħalli dak l-ilma li jinġabar f'din it-triq jimxi u ma jibqax qiegħed?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Awtorità dwar it-Trasport — ex human resources manager
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 5152, jista' l-Ministru jgħid x'wassal għat-terminu tal-impjieġ tas-sinjura msemmija? X'kienet ir-raġuni li għaliha ġiet ikkompensata dawn l-eluf kollha mill-fondi tat-tax payers Maltin? Din is-somma mogħtija min iddeċieda li għandha tkun ta' dan l-ammont ? Fuq liema kriterji ġiet deċiża li tingħata din is-somma?
Response (GATT, AUSTIN)
Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens ta’ l-individwu konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5150 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet rifeta lilu u jgħid jekk huwiex se jsir xi proġett biex tinqala' triq u terġa' ssir fin-naħa ta' Triq Wied is-Sir il-Mosta wara l-Knisja? Jista' jgħid jekk hemmx xi proġett ippjanat għal din in-naħa tat-triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi t-triq indikata mill-Onorevoli Interpellant taqa’ taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-gvern bejn Jannar u Diċembru 2008 biex stajna nżommu l-operazzjonijiet ta' salvataġġ? Kemm ġew salvati persuni permezz ta' dawn l-operazzjonijiet? Jista' jgħid jekk intalbitx xi għajnuna ta' xi pajjiż ieħor f'dawn l-operazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Huwa ferm diffiċli li wieħed jifred l-ispiża tal-Forzi Armati ta' Malta (FAM) fuq operazzjonijiet ta' salvataġġ minn spejjeż oħra fuq operazzjonijiet ta' natura differenti. Dan minħabba li speċjalment fuq il-baħar, li-FAM topera f'ħafna oqsma differenti, imma dejjem tuża’ l-istess mezzi. Għaldaqstant il-bċejjeċ tal-baħar tal-FAM u l-mezzi tal-ajru huma multipurpose. Ħafna drabi operazzjoni, per eżempju, ta' sorveljanza tinbidel f'salvataġġ minħabba ċirkostanzi tal-mument.
Minkejja dan kollu huwa magħruf li l-ispiża kollha biex jitħaddmu l-iskwadra Marittima u dik tal-Ajru u ċ-Ċentru tal-Operazzjonijiet tal-FAM fl-2008 kienet tammonta għas somma globali ta' Euro 8,601,941. Dan jinkludi pagi u
allowances, bonus, income supplement u national insurance contribution, fuels, oils and lubricants, materials and supplies, repair and maintenance.
Fil-perjodu msemmi ġew salvati ftit aktar minn 2200 immigrant irregolari, l'ekwipaġġi ta' żewġt vapuri li kienu jammontaw għal 16–il baħri, 26–il baħri ieħor li kellhom bżonn kura medika urġenti li ġew evakwati minn fuq vapuri, 42-il trasferimenti bejn l-isptarijiet Mater Dei u l-Isptar Ġenerali t'Għawdex u 33 persuna oħra minn fuq dgħajjes żgħar.
F'missjonijiet ta' salvataġġ, hija ħaġa komuni ħafna u aċċettata internazzjonalment li tintalab l-għajnuna ta' kull min ikun jista' jgħin. Ħafna drabi dawn ikun vapuri merkantili jew sajjieda. Spiss jintalab l-intervent minn mezzi militari Taljani u anke Amerikani, għalkemm mhux daqshekk ta’ spiss fil-każ ta’ l-aħħar. Is-sena l-oħra diversi bċejjeċ u mezzi tal-ajru kienu Malta u ħadu sehem fl-operazzjoni ta' sorveljanza tal-aġenzija FRONTEX. Meta kien hemm il-ħtieġa dawn ukoll intalbu jassistu f'missjonijiet ta' salvataġġ. Dawn il-mezzi kienu bastiment Franċiż, ħelikopters Ġermaniżi u ajruplan mill-Lussemburgu.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu biex ibiddel is-sistema ta' mediċini b'xejn li teżisti bħalissa? Kif se jagħmilha u meta jaħseb li din tiġi fis-seħħ?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li bħalissa qiegħda issir evwalazzjoni sħiħa tas-sistema biex nassiguraw li tiġi żviluppata sistema aktar ekwa u sostenibbli. Informat ukoll li s'issa għadhom ma ttieħdu l-ebda deċiżjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq il-Gvern Malti bejn Jannar u Diċembru 2008 sabiex iżomm il-klandestini f'Malta? Kemm minn dawn l-ispejjeż huma ġejjin minn għajnuna tal-Unjoni Ewropea u kemm minnhom irid iħallashom il-Gvern Malti? Kemm huwa kkalkulat li jiġi jiswa kull klandestin kull jum? Jista' jgħid kemm għandna persuni fi status ta' klandestin illum il-ġurnata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u r-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.