Legislature:
Category:
Reset
Active:

Residenza San Vinċenz de Paule — blokk ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebhom ilestu l-blokk ġdid li qed jinbena fir-residenza ta' San Vinċenz de Paule? Kemm se jesa residenti dan il-blokk? Permezz ta' dan il-blokk se jiżdiedu servizzi ġodda għall-istess residenti?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li x-xogħol fil-blokk miexi b'ritmu mgħaġġel u wasal fl-aħħar stadju. Huwa mistenni li jkun lest fil-futur qarib. Informat ukoll li dan il-blokk li ser ikun fih tlett sulari ser jakkomoda 144 sodda, li minnhom ser ikun hemm 48 għal residenti li jbagħtu mid-Dimenzja. Biex inħaddmu dan il-blokk għandna bżonn 25 nurse u 50 carer.

Nies diabetiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa kuljum lill-istat pazjent diabetiku li jieħu it-tajjar, labra, insulina u alcohol pads b'xejn mill-ispiżerija tal-gvern? Hemm ħsieb li flok dan kollu jibdew jinxtraw il-pilloli moderni li hawn fis-suq li permezz tagħhom pażjenti jiffrankaw milli joqgħodu jittaqbu darbtejn, tliet darbiet kuljum?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-ispiża għat-trattament ta’ pazjenti dijabetici tvarja bejn €22.67 u €43.71 fix-xahar skond it-tip ta’ terapija preskritta lilhom. Id-dettalji jidhru fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Importanti li wieħed jinnota li pazjenti ma jingħatawx tajjar b’xejn peress li qed jingħataw ’alcohol pad’. Informat ukoll li d-dijabete tista’ tiġi kontrollata b’diversi modi, fosthom bid-dieta u l-eżercizzju. Dawk li ma jirnexxilhomx jikkontrollaw il-livell taz-zokkor fid-demm b’dan il-mod jinghataw medicinali bħal pilloli u / jew injezzjonijiet tal-insulina. Is-servizz tas-saħħa tal-gvern diġa għandu fuq il-formularju tiegħu u jqassam diversi tipi ta’ injezzjonijiet u pilloli tad-dijabete b’xejn. Hemm ukoll numru ta’ talbiet għal pilloli ġodda li għad iridu jiġu kkunsidrati biex jidħlu fil-formularju. Ta’ min iżid li certu tipi u kazijiet ta’ dijabete ma jistgħux jiġu kontrollati bil-pilloli biss u jkunu jinħtieġu injezzjonijiet tal-insulina.

Pilloli — out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif taħdem is-sistema ta' xiri tal-pilloli li jittieħdu b'xejn minn fuq il-kartuna s-safra u dik roża? Għaliex jgħaddu xhur u pilloli neċessarji jkunu out of stock? Min huwa responsabli ta' dan kollu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-ewwel jiġi determinat mid-Dipartiment tal-Procurements jekk tali xiri iridx isir b’sejħa pubblika Dipartimentali permezz ta’ kwotazzjonijiet jew tender skond il-valur. Meta l-valur ikun aktar minn €47,000 is-sejha għall offerti trid issir permezz tad-dipartiment tal-Kuntratti. Hemm każijiet li minħabba il-valur, l-avviż tas-sejħa jrid jigi ppublikat fl-EU Journal. Wara li jidħlu l-offerti, issir l-aġġudikazzjoni biex eventwalment tintagħżel l-aktar offerta vantaġġjuża u li tkun konformi mal-ispecifications. Il-medicini jridu jkunu wkoll reġistratati mal-Awtorita tas-Saħħa sabiex jistgħu jiġu impurtati. Kull xiri ta’ medicini jrid isir skond il-legiżlazzjoni dwar il-finanzjament tax-xiri pubbliku. Dwar il-kwistjoni ta’ l-out of stock nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 6293. Nisab informat ukoll li r-responsabilita' għal dan ix-xiri hija tad-Dipartiment tal-Procurements li jimxi skond il-lista ta’ medicini fil-formularju tal-Gvern.

Korp tal-Pulizija — Full compliement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-full complement fil-Korp tal-Pulizija u kemm hemm bżonn Puliżija f'kull rank biex jintlaħaq dan? Meta sejrin jinfetħu sejħiet sabiex jimtlew l-postijiet battala jekk dawn jeżistu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-full complement tal-Korp tal-Pulizija huwa ta’ 2,040. Skont l-esiġenzi tal-Korp, fil-preżenti hemm postijiet vakanti fir-ranks ta' 16 il-Spettur, 2 Surġenti Maġġuri, 38 Surġent u 114 Kuntistabbli. Hemm il-ħsieb li aktar tard matul din is-sena toħroġ sejħa għall-applikazzjonijiet għar-reklutaġġ ta’ kuntistabbli.

pilloli out of stock — spejjeż lil Gvern

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm kien ikollu jħallas iktar il-Gvern kieku ma kienx hawn pilloli out of stock matul l-2008? X'kienet ir-raġuni prinċipali li kkawżat li jkun hawn pilloli out of stock matul l-2008? Din ir-raġuni kienet l-istess waħda li kkawżat pilloli out of stock matul is-snin 2007,2006,2005 eċċ.? Jekk iva, għaliex ma ssolvitx? Jekk le x'qed isir dwar dan?

Response (DALLI, JOHN)

Tajjeb li wieħed ikun jaf li l-Gvern jixtri, madwar għaxart elef medicina u tagħmir mediku differenti. Dan isir permezz ta’ sejħiet pubblici għall-offerti, li huwa process ongoing u jinvolvi mijiet kbar ta’ konsenji. Meta pilloli jkunu out of stock għax il-kuntrattur jonqos li jissuplixxi fiż-żmien miftiehem, jinxtara stokk a spejjeż tiegħu u jeħel ukoll penali. Jekk pilloli jiġu out of stock għax tiżdied id-domanda minn kemm ikun ikkalkulat li ser iservi l-istokk attwali, ix-xiri jkun parti mill-ispiża normali tas-servizz tas-saħħa. Ir-raġunijiet principali li xi prodotti jiġu out of stock huma: a) Kuntratturi ma jilħqux iwasslu l-konsenji fiż-żmien miftiehem, bil-konsewgwenza li jiġu penalizzati kif stipulat fil-klawsoli tal-kuntratt; b) Kuntratturi ma japplikawx biex jirreġistraw il-prodott/i f’Malta, bil-konsegwenza li wara l-process kollu sabiex tkun tista’ toħroġ is-sejħa għall-offerti ma jkunx hemm offerti eliġibbli. Dan ifisser li sabiex ikun jista’ jinqeda l-pazjent, il-Gvern ma jkollux triq oħra għajr li jinbdew proceduri oħra ġodda sabiex ikun jista’ jimporta direttament hu minn barra; c) Metodi ġodda ta’ trattament permezz ta’ certu tip ta’ medicini flok oħrajn, li jwassal għal żieda sostanzjali fil-konsum.

Nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nisa fid-dinja tax-xogħol? Il-gvern huwa kuntent b'din il-figura? X'qiegħed jagħmel biex iħajjar iktar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol? Kemm huwa t-target li l-Gvern irid jilħaq matul is-sena 2009?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li sa l-aħħar ta’ Settembru 2008 kien hemm 46,273 nisa li kienu qed jaħdmu ‘full-time’ u 16,344 nisa li kellhom xogħol ‘part-time’ bħala xogħol prinċipali. Informat li fost diversi miżuri, fl- aħħar snin il-gvern nieda diversi miżuri u inizjattivi bħal miżuri fiskali, tax breaks, sussidju fuq ic-childcare, krediti tal-bolla għal sentejn għal kull wild, infetħu numru ta’ child care centres, ġew imħarga numru ta’ child carers u ġiet mogħtija wkoll għajnuna lil min iħaddem sabiex jinfetah child care centre fuq il- post tax- xogħol. L-ETC għamlet diversi kampanji pubblici biex tħajjar nisa jidħlu fid-dinja tax-xogħol u biex tħajjar lil ġenituri biex jagħmlu użu minn child care centres ta’ kwalita’ tajba biex ma jkollhomx diffikulta’ biex jaħdmu.

Forza Armati — full compliment

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hija l-full compliment tal-Armata? Kemm hemm bżonn suldati f'ranks differenti biex l-armata twettaq x-xogħol tagħha sew? Meta jaħseb li dawn ir-rekluti sejrin jiġu ngaġġati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-establishment approvat tal-Forzi Armati ta’ Malta huwa ta’ 1954 persuna u li fil-preżent il-Forzi Armati ta’ Malta huma komposti minn 1618 uffiċjal u suldati oħra mqassmin kif muri fit-tabella hawn taħt: Complement Strength as at 20 Feb 2009 Vacancies Brigadier 1 1 0 Colonel 6 6 0 Lt Colonel 13 13 0 Major 35 23 12 Captain 32 30 2 Subaltern 42 25 17 WO 1 RQMS 0 0 0 WO 1 28 9 19 WO 2 RQMS 4 0 4 WO 2 62 22 40 SSgt 125 63 62 Sgt 169 113 56 Bdr 309 217 92 LBdr 387 415 -28 Gnr 741 681 60 Sejħiet għall-ingaġġ ta’ suldati ġodda isiru fuq bażi annwali u għaldaqstant il-mili tal-vakanzi jiddependi fuq in-numru ta’ applikanti u kemm minn dawn jirnexxilhom itemmu b’suċċess it-taħriġ tagħhom. Ta’ min isemmi li fil-mument għaddej proċess ta’ selezzjoni biex jidħlu aktar suldati.

Sptar Mater Dei — Inkjesta - ras ta' ġurdien fl-ikel ta nurse fil-canteen

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestietx l-inkjesta li kienet qed issir wara li nstab ras ta' ġurdien fl-ikel ta' waħda nurse fil-canteen tal-ħaddiema ġewwa l-Isptar Mater Dei? Jekk tlestiet jista' jippublika r-riżultati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li dwar il-każ indikat mill-Onorevoli Interpellant, wara li saret l-investigazzjoni minn uffiċċjali tad-Dipartiment għal Saħħa Ambjentali, ttieħdu passi legali kontra l-kumpanija kkonċernata. Għaldaqstant, peress li tali proċeduri legali għadhom sub judice, f’dan l-istadju mhux prudenti li tingħata aktar informazzjoni.

Kampjuni tad-demm u organi oħra meħudin barra minn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntuża l-kurjer fis-sena 2008 sabiex jwassal l-kampjuni tad-demm u biċċiet oħra tal-ġisem f'laboratorji barra minn Malta? Fejn barra minn Malta jittieħdu l-kampjuni tad-demm u l-biċċiet tal-organi? Kemm ittieħdu b'kollox f'kull post? Jista' jgħid kemm intilfu kampjuni matul is-sena 2008? X'kienet ir-raġuni għal dan?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Mater Dei — teatri

Question

Jista' l-Ministru jgħid sa meta huwa ppjanat li jibda jħaddem it-teatri kollha li hemm eżistenti ġewwa l-Isptar Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li huwa ppjanat li jibdew jitħaddmu aktar teatri ġewwa l-iSptar Mater Dei hekk kif jibdew jiżdiedu ir-riżorsi meħtieġa biex isiru l-operazzjonijiet.

Benefiċċju tal-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li ħadu l-benefiċċju tal-mard bejn Jannar 2008 u Diċembru 2008?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ nies li ħadu il-benefiċċju għal mard bejn Jannar 2008 u Diċembru 2008 huwa ta’ 25,945. Informat ukoll illi minn dan in-numru kien hemm 6,564 li talbu u tħallsu il-benefiċċju għal mard għal iżjed minn darba matul is-sena 2008.

Sptar tar-riabilitazzjoni — Xogħol strutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li se jibda x-xogħol strutturali fuq l-Isptar tar-Riabilitazzjoni li ssemma fil-Parlament? Fejn se jinbena dan iċ-ċentru? Kemm huwa stmat li ġej jiswa? Meta jaħseb li se jkun lest? Kemm se jkollu kapaċità li jokkupa sodod? Liema servizzi se joffri?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li għadha ma tteħditx deċiżjoni finali dwar fejn ser tiġi mwaqqfa il-faċilita' ta' riabilitazzjoni. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, flimkien mad-Diviżjoni tas-Saħħa għaddejjin bi proċess li ser iwassal għat-tfassil ta' Medical & Design Brief. Dan huwa dokument li jispjega s-servizzi kollha li ser jingħataw minn din il-faċilita' u jispjega wkoll kif din il-faċilita' ser tiffunzjona. Il-Ministeru qiegħed ukoll jevalwa numru ta' siti potenzjali li jistgħu jintużaw għal dan l-iskop. Id-deċiżjoni finali tittieħed meta tkun inġabret l-informazzjoni kollha.

Persuni bi bżonnijiet speċjali — Flus il-bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jista' jkollhom flus il-bank persuni bi bżonnijiet speċjali qabel ma jibdew jitilfu l-benefiċċji li għandhom? Kemm trid tkun is-somma sabiex jiġu ntaxxati? Il-bank huwa fl-obbligu li jieħu 15% fuq din is-somma, jew din tibqa' għażla tal-individwu?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali (Kap. 318) ma’ hemmx limitu ta’ kemm persuna bi bżonnijiet specjali jista jkolla flus il-bank. Madanakollu, il-mezzi tagħha fil-ġimgħa ma’ jridux jeċċedu l-Paga Minima Nazzjonali applikabbli lil persuna ta’ tmintax-il sena jew iżjed, kif stabbilita’ b’Ordni ta’ Standard Nazzjonali skond l-Att dwar il-Kundizzjonijiet ta’ l-Impjieg u Relazzjonijiet Industrijali (Kap. 452).

Nies jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li ilhom jirreġistraw iktar minn 10 snin: bejn 5 u 10 snin bejn 4 u 5 snin bejn 3 u 4 snin bejn 2 u 3 snin bejn 1 u 2 snin bejn sitt xhur u sena? Xi kwalifiki għandhom dawn in-nies u liema xogħol qed ifittxu?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qasam ta-saħħa — sejħiet għal promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid min u kif jitfasslu s-sejħiet biex jittieħdu l-promozzjonjiet fil-qasam tas-saħħa? Min jiddeċiedi kemm hemm bżonn u minn liema professjoni? Huwa aċċettat li professjoni tkun qed tikkmanda professjoni oħra li fil-job description tagħha m'hemm l-ebda kelma li għandha tagħmel dan? Allura min jiddeċiedi min jikkmanda lil min?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Klandestini — taħriġ edukattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-attivitajiet edukattivi li jingħataw l-klandestini fil-kampijiet tagħhom? Jista' jelenka ġurnata normali ta' dawn in-nies kif tkun imqassma? Beħsiebu jagħmel riforma ħalli dawn in-nies jibdew jiġu mgħallma snajja' u taħriġ ieħor edukattiv waqt li jkunu f'Malta?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ġewwa ċ-ċentri ta’ detenzjoni jiġu organizzati diversi programmi edukattivi għall-immigranti rregolari, fosthom taħriġ fil-ħiliet bażiċi tal-ħajja u fil-lingwi (partikolarment l-Ingliż), kif ukoll taħriġ ieħor marbut mal-preparazzjoni għad-dinja tax-xogħol; jitħejjew attivitajiet sportivi u jiġu pprovduti servizzi li jwasslu għall-orjentazzjoni kulturali ta’ pajjiżna. Infurmat ukoll illi l-ġurnata tipika għal dawn il-persuni tibda bil-kolazzjon u wara dan, numru minnhom jipparteċipaw f’xi wieħed minn dawk l-attivijatiet edukattivi li għadni kif semmejt, filwaqt li oħrajn jieħdu sehem f’attivitajiet sportivi, partikolarment dak tal-futbol, li jiġi pprattikat ġewwa l-btieħi ta’ rikreazzjoni. Ikun hemm min issirlu l-viżita mit-tabib, oħrajn jattendu għall-appuntamenti li jkollhom per eżempju ġewwa l-isptar jew fil-polikliniċi, mal-uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjat, eċċ. L-ikel jerġa’ jiġi pprovdut għall-ħabta ta’ nofs in-nhar u s-sitta ta’ fil-għaxija.

dikjarazzjoni li rridu nsaħħu l-kura fil-komunità — ċentri tas-saħħa

Question

Fid-dwal tad-dikjarazzjoni li rridu nsaħħu l-kura fil-komunità, x'rwol sejjer jkollhom iċ-ċentri tas-saħħa? Se jkun hemm servizzi li jonqsu/jiżdiedu f'dawn iċ-ċentri? Liema pjan sejrin nattwaw biex insaħħu l-kura fil-komunità? Jista' dan il-pjan jiġi ppubblikat?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-eżerċizzju biex jiġi analizzat u evalwat l-operatur futur tal-Kura fil-Komunita' għadu m'huwiex konkluż. Għalhekk ikun prematur li wieħed jagħti dettalji f'dan l-istadju.

Rabat — Buqana - Linja tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibli li l-linja tad-dawl li tforni l-area ta' Buqana, limiti tar-Rabat, Malta tiġi mibdula għaliex qed tikkawża ħafna ħsara lill-aċċessorji tad-dawl li għandhom ir-residenti ta' din iz-zona, liema linja hija mġonġija diversi drabi? Ninforma lill-Ministru li s-substation hemm u taħdem ukoll, c-cable qiegħed hemm, l-arblu mwaħħal u kulma jridu jagħmlu huwa li jqabbdu kollox mal-cable l-ġdid.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol meħtieġ għandu jsir flimkien ma’ xogħolijiet oħra.

Nies boarded out

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li huma boarded out? Kemm hemm minnhom minn Għawdex u kemm hemm minnhom minn Malta?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li n-numru ta' nies li jirċievu pensjoni ta' l-invalidita' huwa ta' 5,372 ġewwa Malta u ta' 974 ġewwa Għawdex.