Uffiċċju tal-Prim Ministru — ħaddiema li għalqu l-età tal-irtirar
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fid-dekasteru li hu responsabbli għalih, li għalqu l-età tal-irtirar? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? F'liema settur qed jaħdmu?
Ministeru tal-affarijiet barranin — ħaddiema li għalqu l-età tal-irtirar
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm hemm nies jaħdmu fid-dekasteru li hu responsabbli għalih, li għalqu l-età tal-irtirar? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? F'liema settur qed jaħdmu?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onoreoli Interpellant illi fid-dekasteru tiegħi hemm 31 persuna li għalqu l-61 sena. Dawn jaħdmu kif gej:
Ambaxxaturi mhux residenti 14
Ambaxxaturi residenti 10
Konsulenti fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti 4
Konsulenti fit-Taqsima taċ-Ċittadinanza u Expatriates 1
Konsulenti proġett DAR 2
Dawn huma kollha rġiel
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Ħaddiema li għalqu l-età tal-irtirar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies jaħdmu fid-dekasteru li hu responsabbli għalih, li għalqu l-età tal-irtirar? Kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel? F'liema settur qed jaħdmu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 6 irġiel li għalqu l-eta' tal-irtirar, 1 fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni u 5 fil-Korp tal-Pulizija.
Direttiva ta' l-Unjoni Ewropea — Ħarsien ta' l-Ilma mit-Tniġġiż - Nitrati
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7795 li saret mill-kollega tiegħi l-Onor. Leo Brincat, jista' l-Prim Ministru jipprovdi d-dokument imsemmi fir-risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Avviż Legali Numru 233 tas-sena 2004, paragrafu Numru 6, li deher fis-Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta Nru. 17,574 tat-30 ta’ April, 2004 u li huwa d-dokument imsemmi fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 7795.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm twaħħil tal-lifts ġodda matul is-sena 2008 mal-flats tal-Gvern f'Malta u f'Għawdex? F'liema lokalità twaħħlu il-lifts?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2008 l-Awtorita tad-Djar lestiet u ħaddmet għall-użu tar-residenti, tmintax-il lift (18) lift fis- segwenti lokalitajiet: Ta’Xbiex, Sta.Luċija, Isla, Birżebbugia, Bormla, Burmarrad u Pembroke.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija għandhomx full complement? F'liema skala l-pulizija għandhom nuqqas? Meta hemm il-ħsieb li jiġu ingaġġati dawn il-persuni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi skont l-esiġenzi preżenti fil-Korp tal-Pulizija hemm vakanzi fir-rank ta 15 il-Spettur, 5 Surġent Maġġuri, 43 Surġent u 122 Kuntistabbli. Infurmat ukoll illi bħalissa għaddej il-proċess ta’ għażla għad-dħul f’kors ta’ disa’ xhur għall-kuntistabbli fl-Akkademja tal-Pulizija, skont sejħa għall-applikazzjonijiet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ l-10 ta’ Marzu 2009, filwaqt li għaddej ukoll il-proċess ta’ għażla għall-promozzjonijiet għall-Surġenti.
Għajnuna għal persuni — logħob tal-flus fuq il-kaxxi
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx support għall-persuni li jridu jaqtgħu l-vizzju tal-logħob tal-flus fuq il-kaxxi? Fejn tinstab din l-aġenzija u kif irid jagħmel min jkun irid l-għajnuna?
Response (DALLI, JOHN)
Informat l-Aġenzija Sedqa fi ħdan il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali ilha toffri servizz lil dawk li għanduhom problemi ta’ logħob ta’ l-azzard u lill-familji tagħhom għal dawn l-aħħar disa’ snin. Kull ma għandu jagħmel min jeħtieġ l-għajnuna, huwa li jċempel lill-Aġenzija fuq 23885110 u jitlob li jitkellem ma’ xi social worker li jaħdem fil-kamp tal-problemi tal-logħob ta’ l-ażżard.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħwienet li jbiegħu lottu, tombla, super-five eċċ.? Kemm hemm minn dawn l-ħwienet f'Malta u f'Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi preżentament hemm 216 lottu booths. Fost dawn 207 lotto booths jinsabu Malta waqt li 9 lotto booths qegħdin Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħwienet viċin skejjel jistgħux jżommu kaxxi tal-logħob għall-flus? Kemm jrid ikun bogħod minn skola, ħanut/bar/restaurant biex ikollu minn dawn il-kaxxi?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1932.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7202 u jagħti rapport ta' x'inhu mistenni li jkun ix-xogħol li għandhom il-konsulenti li għandhom f'kull ministeru? Huma marbutin ma' sigħat ta' xogħol jew ħidma produttiva? Il-ħlasijiet tagħhom huma fissi jew ivarja skond il-ħin li jagħtu fil-konsulenza tagħhom? Il-ħlas huwa miftiehem minn qabel jew dawn jibagħtu l-kont wara li jlestu x-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7202.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7198 u jgħid kemm għandu konsulenti miegħu bħala Gvern, ministeru b'ministeru? Kemm għandhom salarju dwan il-konsulenti? Għandhom benefiċċji oħra barra s-salarju? Dawn il-konsulenti huma b'kuntratt jew le? Kemm huma twal dawn il-kuntratti li għandhom il-konsulenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7198.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamnetari 5674 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġew flus mill-Unjoni Ewropea matul is-sena 2008? Jista' jgħid dawn il-flus fuq liema proġetti ġew u kemm nistgħu nibqgħu nirċievu l-istess għajnuna? Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-kontribuzzjoni li Malta għamlet lejn l-Unjoni Ewropea u kif kienu maqsumin dawn il-kontribuzzjonijiet? Jista' jgħid jekk konniex eleġibbli għal xi fondi u minħabba xi raġuni dawn il-fondi tlifnihom? X'kienet ir-raġuni li minħabba fiha tlifna l-fondi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont li Malta rċeviet mill-Unjoni Europea fis-sena 2008 huwa ta’ €64,242,846,23, filwaqt li l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet jammonta għal €60,601,104,05. Lista ta’ programmi kif ukoll l-ammont relattiv li Malta rċeviet u ħallset qed tidher fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward ta’ l-aħħar parti tal-mistoqsija, ma kienx hemm fondi li Malta kienet eliġibbli għalihom jew li ġew mitlufa għax m’applikajniex għalihom. Dan jirrigwarda dawk il-fondi li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-
EU Paying Authority Directorate
fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli li isimhom qed jintbagħat separatament mhux sejrin ikomplu jidħlu f'Malta meta hemm pazjent li kien ilu ħames snin fuq din il-kura? Il-pilloli simili li jissostitwixxuhom għamlulu l-ħsara u dan il-pazjent ma jistax jgħaddi mingħajr ma jieħu dawn il-pilloli.
Awtorità dwar it-Trasport — Sidien ta' karozzi antiki
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu joħroġ il-permess li kienu ftehmu dwaru l-Awtorità dwar it-Trasport u s-sidien tal-karozzi antiki li kien imlaqqam jew iġib l-isem ta' undocumental vessels, liema karozzi kienu ġew restawrati mis-sidien differenti fix-xhur li għaddew? Dan il-ftehim kien sar xi sena u 3 xhur ilu u s-sidien nefqu ħafna flus biex irrestawrar dawn il-karozzi u peress li issa għad m'għandhomx permess ma jistgħux joħorġu bihom fit-triq.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT tkun tista' tkompli tipproċessa l-applikazzjonijiet validi li saru wara li tinħareġ u tkun publikata l-eżenzjoni mit-taxxa tar-reġistrazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi f'Malta u Għawdex li għandhom 'il fuq minn 50 sena? B'liema kategorija jinqasmu dawn il-karozzi jekk huwiex bis-saħħa tal-magna jew jekk huwiex b'xi mod ieħor jekk jiġu kategorizzati?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba li hi kategoriżżata skond is-saħħa tal-magna.
Residenza San Vinċenż de Paule — attivitajiet għal anzjani
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8466 u jgħid kemm hemm ħaddiema fil-qasam tal-anzjani li x-xogħol tagħhom huwa li jagħmlu attivitajiet kulturali u soċjali lill-anzjani fir-Residenza San Vinċenż de Paule u fil-homes? X'inhi l-professjoni ta' dawn il-ħaddiema u x'attivitajiet jorganizzaw lill-anzjani? Kemm huma spissi dawn l-attivitajiet? Kemm anzjani pparteċipaw fiha matul is-sena 2008? Jista' jpoġġi dan it-tagħrif fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8465 u jgħid meta jippjana jew hemmx il-ħsieb li mediċina biex tgħin lil pażjenti li jbatu mid-dimentia u anke alzheimer disease tibda tingħata b'xejn fuq il-karta is-safra? Jista' jpoġġi dan it-tagħrif fuq il-Mejda tal-Kamra?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8475 u 7460 u jgħid kemm sar qliegħ minn fuq id-diesel/petrol/pitlorju, dawl u ilma matul x-xhur:
a) Settembru 2008?
b) Ottubru 2008?
ċ) Novembru 2008?
d) Diċembru 2008?
e) Jannar 2009?
f) Frar 2009?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.