Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #9935 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Permessi għall-camping

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn hawn permess li jsir camping f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid jekk dan il-permess huwiex għall-kampijiet tal-canvas jew għall-caravans ukoll? Hemm xi ħlasijiet relatati ma' dan il-permess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Pjanijiet Lokali, jiġifieri CMLP, NHLP, SMLP, MBLP m'hemm l-ebda "designated site" għall-camping. L-unika "search area for camping in Comino" tinsab fil-Mappa 14.2-A1 u tagħmel parti mill-GCLP. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 9434, fejn ġie kwotat li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar approvat tliet (3) permessi għal camping/caravan sites . Minn analiżi tal-proposti, jidher li dawn it-tliet permessi inħarġu bħala camping sites. (Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema ta' l-informatika ta' l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn fil-proposta ta' l-iżvilupp hemm il-kliem camping jew caravan.) B'referenza għal aħħar mistoqsija, nixtieq li l-Onorevoli jiċċara l-mistoqsija.
Leg 11 PQ #9942 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Ħaddiema li jiddeċiedu dwar ħruġ ta' permessi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li jagħmlu parti mill-pool ta' ħaddiema li jiddeċiedu jekk il-permessi joħorġux jew le fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jaħdmux part-time jew full time ma' xi kumpanija privata? Jekk iva, kemm hemm ħaddiema li jaħdmu ma' xi kumpanija privatament wara l-ħin tax-xogħol tagħhom f''din l-Awtorità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentament il-Bord tal-MEPA u l-Kummissjonijiet tal-Kontroll ta’ l-Iżvilupp huma kollha magħmula minn ħatriet part-time ħlief għaċ-Chairman Eżekuttiv tal-MEPA, is-Sur Austin Walker. Bħal ma memmen li jaf l-Onorevoli Interpellant fit-tħabbir tal-proposti li saru għar-riforma tal-MEPA jiena ħabbart numru ta’ proposti sabiex din il-prattika tinbidel.

Mosta — Triq l-Indipendenza - trinka

Question

Jista' l-Ministru jagħti ordnijiet biex trinka fi Triq l-Indipendenza, fil-Mosta kif taqbeż il-Knisja ta' San Silvestru tiġi mimlija bil-qatran għaliex qed tikkawża ħafna ħsara fil-karozzi tan-nies u anke tista' tikkawża xi accident?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din is-sena diġà saru xi xogħlijet ta road surface repair works fuq din it-triq. Għaldaqstant l-ADT ħa tieħu passi sabiex dawn il-ħsarat li qegħdin jissemmew f'din it-triq jiġu inklużi fil-program ta' tiswijiet li għandhom jsiru fit-toroq arterjali u distributorji fix xhur li ġejjin.
Leg 11 PQ #10317 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Public Service Commission — informazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il każ kellu quddiemu l-Public Service Commission fl-2006, 2007, 2008 u 2009? Kemm-il darba iltaqa' l-Public Service Commission matul is-sena 2009? Meta kien l-aħħar meeting tiegħu? Kemm hemm każijiet pendenti quddiem il-Public Service Commission?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi sakemm skada t-terminu taż-żmien tagħha f’Ġunju 2009, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku din is-sena iltaqgħet 23 darba. L-aħħar laqgħa tal-Kummissjoni saret fl-11 ta’ Ġunju 2009. Qed nassumi illi b’każijiet pendenti, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal każijiet tad-dixxiplina pendenti. Sakemm spiċċa t-terminu tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kien hemm dsatax-il każ tad-dixxiplina pendenti quddiemha. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Immigranti irregolari — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm immigranti irregolari ġewwa Ta' Kandja, is-Siġġiewi? Kemm hemm minnhom li huma nisa? Kemm hemm minnhom li huma rġiel? Kemm hemm minnhom li għandhom 'il fuq minn 35 sena jew inqas minn 35 sena? Xi jsir minn dawn l-immigranti irregolari jekk ikunu jafu li għandhom il-virus tal-HIV u l-Hepatitis B? Minn liema pajjiż ġejjin l-immigranti irregolari li hemm ġo din l-faċilità?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-immigranti li jkunu jafu li għandhom l-HIV jew il-Hepatitis B jiġu trattati bħal immigranti oħra u m’għandhomx bżonn jiġu iżolati. Meta ssir id-dijanjozi jingħataw il-kura meħtiega mill-ispeċjalisti ta’ l-isptar Mater Dei.
Leg 11 PQ #10368 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

tniġġiż tal-ilma

Question

B'referenza għad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-ħarsien tal-ilma mit-tniġġiż ikkawżat minn nitrati ġejjin minn sorsi tal-agrikoltura (19/676/EEC), jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar liema huma dawk l-inħawi vulnerabbli fil-gżejjer Maltin li minnhom inixxu n-nitrati mill-iskart tal-annimali (bħall-baqar u l-ħnieżer) li jistgħu jikkontaminaw l-ilma tal-pjan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Furjana — Tindif tas-subway

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba nżebaħ, tnaddaf jew inħasel, kemm is-sub way li hemm taħt it-triq prinċipali tal-Furjana li permezz tiegħu taqsam din l-istess triq traffikuża minn taħt l-art u bla periklu, kif ukoll it-taraġ li jagħti għalih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li mpjegati tad-Dipartiment Servizzi tal-Indafa jnaddfu s-subways u t-turġien li jagħtu għalihom, darbtejn fil-ġimgħa, nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Ġimgħa bil-lejl. Rigward il-manutenzjoni nitlob l-Onor. Membru biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #10371 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — Ħruġ ta' permessi wara li tinbena l-proprjetà

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi barra l-linja ta' żvilupp kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm ħarġu permessi mill-istess awtorita' ta' proprjetà li wara li nbniet ħarġulha l-permessi neċessarji? Kemm ħarġu minn dawn il-permessi wara li sar ix-xogħol, lokal b'lokal? Kemm huwa l-valur tas-suq tal-bini li ingħataw dawn il-permessi wara li ġew mibnija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Ottubru 1992 sa Lulju 2009, li jfisser sbatax-il sena (17), l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet sebgħa t’elef ħames mija u sitta u sebgħin (7576) permess barra l-linja ta' żvilupp fl-ewwel deċiżjoni u elf ħames mija u tnejn u tletin (1532) fl-istadju ta' rikonsiderazzjoni li jinkludu permessi għal satellite dishes, permessi għall-ġiebja, ħitan tas-sejjieħ etċ. Fl-istess perjodu, kien hemm sitt elef mija u sebgħa u ħamsin (6157) applikazzjoni approvata fl-ewwel deċiżjoni u elf erba' mija u sitta u ħamsin (1456) applikazzjoni approvata fl-istadju ta' rikonsiderazzjoni fejn il-proposta kienet tipproponi kliem bħal "sanction", "regularise", "sanzjona" u/jew "jirregola".

Mosta — Triq id-9 ta' April - water culvert

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6702, 5814 u 5151 u jieħu l-passi neċessarji biex il-problemi tal-ilma tax-xita fi Triq id-9 ta' April il-Mosta, liema ilmijiet jinġabru ġo l-istess triq b'inkonvenjent kbir għar-residenti tal-inħawi, jiġu solvuti permezz tat-tkabbir tal-culvert eżistenti jew isir xi intervent ieħor ħalli dak l-ilma li jinġabar f'din it-triq jimxi u ma jibqax qiegħed?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-ADT.

Mosta — żona tad-dib - wiċċ ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm biex iż-żona tad-"dib" ġewwa l-Mosta tingħata wiċċ ġdid, liema toroq jinstabu f'istat ħażin ħafna u l-ilma tax-xita qiegħed joħloq umdità kbira fid-djar għaliex qed jinxtorob mit-toroq ħżiena li hemm?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-resurfacing tat-triq imsemmija hijar-responsabbiltà tal-kunsill lokali.

speed cameras — citazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet bl-ispeed cameras fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2009? Jista' jgħid kemm minn dawn l-flus taċ-ċitazzjonijiet tal-ispeed camera qed jintużaw biex issir il-manutenzjoni tat-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat fir-rigward ta' l-ewwel parti, rigward it-tieni parti, ninsab infurmat li dawn il-fondi ma jmorrux għal manutenzjoni tat-toroq, u dan skond il-ftehim bejn l-ADT u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali; li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diesel, petrol, pitlorju, dawl u ilma — qliegħ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8475 u 7460 u jgħid kemm sar qliegħ minn fuq id-diesel/petrol/pitlorju, dawl u ilma matul x-xhur: a) Settembru 2008? b) Ottubru 2008? ċ) Novembru 2008? d) Diċembru 2008? e) Jannar 2009? f) Frar 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba dwar id-diesel, petrol u pitlorju hija meqjusa bħala kummerċjalment sensittiva u għalhekk ma tistax tingħata. Fuq id-dawl ninsab infurmat li fil-perijodu in kwistjoni l-Enemalta m’għamlitx qliegħ. Dwar il-qliegħ li sar mill-ilma ninforma lill-Onor Interpellant la ma jsirx qliegħ fuq il-bejgħ tal-ilma mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Infiq fuq liġijiet u regolamenti -

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm infaqna bħala poplu Malti u Għawdxi f'amministrazzjoni biex liġijiet, regolamenti u relazzjonijiet ta' Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea jinżammu għaddejjin u fil-ħin? Tista' din iċ-ċifra tiġi fregmentata għal salarji ta' persuni f'dipartimenti, persuni li x-xogħol tagħhom huwa EU desk u kull parti oħra li qed nonqfu l-flus biex tinżamm is-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni li qed jitlob hi nkoporata ma kull infieq ieħor ta’ kull uffiċċju, dipartiment u entita pubblika. Peress li x-xogħol li dwaru qed tintalab l-informazzjoni ħafna drabi jirrapreżenta parti waħda biss mill-funzjonijiet ta’ l-uffiċjali kkonċernati, allura mhux il-każ li jinżammu time sheets ta’ kemm kull persuna f’tali uffiċċju tagħmel sigħat taħdem fuq ċertu xogħol, inkluż is-sigħat fuq xogħol relatat ma’ l-Unjoni Ewropeja.

sistema edukattiva — youth workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm youth workers jaħdmu fis-sistema edukattiva f'Malta u Għawdex? Kemm hemm f Malta u kemm hemm f'Għawdex? Taħseb li sejra timpjega lill-youth workers fis-sistema edukattiva tagħna u f'postijiet speċjali bħal sixth form u Università?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ġew impjegati tlett (3) Youth Workers fl-iskejjel tal-Istat. Dawn se jaħdmu f’Kulleġġ Santa Margerita, Kulleġġ Santa Tereża u Kulleġġ Santa Klara f’Malta. Fis-settur post sekondarju bħalissa ma hemmx youth workers jaħdmu.

Courses offruti mill-università

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx courses li l-università offriet is-sena l-oħra u li din is-sena m'hemm l-ebda ħsieb li jinfetħu? Kemm hemm fuq livell tal-first degree kif ukoll fuq livell ta' Masters?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għadd ta’ korsijiet li ġew offruti s-sena l-oħra u li mhux se jkunu offruti din is-sena huwa kif ġej (mhux kull kors jiftaħ kull sena): Fil-livell ta' grad tal-ewwel ċiklu: 11 Fil-livell ta' Master u Postgraduate Diploma : 14. F’Ottubru 2009 l-Università se toffri għadd ta’ korsijiet ġodda u xi korsijiet oħra li ma fetħux is-sena l-oħra kif ġej: Fil-livell ta' grad tal-ewwel ċiklu: 7 Fil-livell ta' Master u Postgraduate Diploma: 17 Fi Frar 2010 hemm il-ħsieb li jibdew 5 korsijiet ġodda fil-livell ta’ Master . Is-Senat jista’ japprova xi korsijiet oħra li jiġu mħabbra aktar ’il quddiem.

Flats tal-gvern — lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew mibnija blokki ta' flats tal-Gvern li għandhom tlieta, erba', ħames jew sitt sulari? Kemm minn dawn il-blokki għandom lifts ġo fihom u kemm hemm minnhom li m'għandhomx? Kemm hemm residenti li jgħixu f'dawn il-flats li għandom 'il fuq minn 65 sena? Jeżisti xi pjan biex f'dawk il-blokki ta' flats li m'għandomx lifts jitwaħħlulhom? Jekk iva, sa meta jaħseb li dan il-progett se jkun lest? Kemm jikkalkula li jiġi jiswa biex isiru lifts f'kull blokka bi tliet sulari jew iktar? Ir-residenti huma nvoluti f'dan il-proċess?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, min-naħa tal-Awtorità tad-Djar, m’hemmx informazzjoni disponibbli dwar in-numri ta’ blokki eżistenti tal-Gvern ikkategorizzati bin-numru ta’ sulari u lanqas dwar l-eta’ tar-residenti li jgħixu f’dawn il-blokki. L-istallar ta’ lifts fil-blokki mibnija ġodda mill-Gvern, inbeda mis-sena 1988 meta bdew jiġu istallati lifts fil-blokki ġodda li jkollhom erba’ sulari jew aktar. Mis-sena 1997 kienu bdew jiġu stallati lifts anke f’dawk il-blokki ġodda b’għoli ta’ tliet sulari. F’Ġunju 1999 l-Awtorità tad-Djar varat skema għall-istallazzjoni ta’ lifts fi blokki eżistenti tal-Gvern, liema skema għada fis-seħħ sal-lum. Ta’ min isemmi li l-Awtorità tad-Djar s’issa istallat wieħed u disgħin lift taħt din l-iskema waqt li qed jiġu istallati lifts f’ħames blokki oħra.

Awtorità tad-Djar — tqassim ta' appartamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il unit ġdida ta' djar, flats u appartamenti qassmet l-Awtorità tad-Djar bi skop soċjali matul is-sena 2008? Kemm kienet il-waiting list għall-akkomodazzjoni soċjali fl-ewwel ta' Jannar 2009? Kemm huwa maħsub li jitqassmu akkomadazzjonijiet bi skop soċjali matul is-sena li ninsabu fiha, jiġifieri l-2009?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Awtorità tad-Djar allokat 8 units ġodda ġewwa l-Qawra matul is-sena 2008. Sal-lum l-Awtorità tad-Djar allokat 126 unit fl-2009. Huwa diffiċli ngħidu kemm l-Awtorità tad-Djar sa talloka sa l-aħħar tas-sena għaliex dan jiddependi kemm units vojta jiġu ritornati lura lill-Awtorità tad-Djar u jiddependi wkoll kemm evictions isiru. Informat ukoll li fl-ewwel ta' Jannar 2009 l-ammont ta' applikazzjonijiet pendenti għall-akkomodazzjoni alternativa kien ta' 3,102. Ta' min jgħid ukoll li minn 3,102 kien hemm 548 applikanti li qegħdin jikru mingħand il-privat u qegħdin jħallsu kera għolja.

Skola Sajf — university students bħala għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm riedu university students biex jgħallmu fi skola sajf bħala teachers? Kif intgħażlu dawn it-teachers? Kemm applikaw biex ikunu jistgħu jgħallmu f'dawn l-iskejjel? Tista' tgħid kif dawk l-istudentu li ma ntgħażlux ikunu jafu għaliex ma ntgħażlux u kif jintgħażlu dawk li ntgħażlu? Fuq liema kriterji jintgħażlu dawk li m'humiex jattendu għall-kors ta' B.Educ.?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Studenti universitarji meħtieġa biex jgħallmu Skolasajf bħala għalliema: Malta: Skolasajf - 141 Klabbsajf -23 Għawdex: Klabbsajf - 4 ( both sessions ) Oratorju - 12 ( whole session ) Skolasajf - 16 ( first session only ) 16 ( second session only ) Numru ta’ studenti li applikaw biex jgħallmu f’dawn l-iskejjel: Malta - 522 Għawdex - 103 Dawn l-għalliema jintgħażlu hekk: l-ewwel preferenza tingħata dejjem lill-istudenti universitarji li qed isegwu xi kors fil-fakultà tal-Edukazzjoni, imbagħad jintgħażlu dawk li jkunu ġejjin minn fakultajiet oħra u li diġà jkollhom xi esperjenza fi Skolasajf jew esperjenza simili. Jintagħżlu wkoll skond il-ħtiġijiet tal-postijiet. Min ma jintgħażilx ma jirċievix placement min-naħa tagħna. Dawn jitpoġġew fuq il- waiting list .

Mosta — telgħa ta' San Gużepp - xogħol ta' kostruzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni fit-telgħa ta' San Ġużepp aħna u deħlin minn San Pawl il-Baħar għall-Mosta fl-aħħar biċċa qabel eżatt ma taqbad dieħel fil-Mosta? Donnu li t-triq baqgħet imħarbta wara li saru xi trinek ġo fiha.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħol kollu sar u t-triq infetħet għat-traffiku fit-12 ta' Awwissu 2009.