Legislature:
Category:
Reset
Active:

kura fil-komunità — servizzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10715 u jgħid jekk għandux fil-pjan tiegħu li jżid aktar servizzi biex isaħħaħ il-kura fil-komunità?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li hemm pjan li jżid is-servizz tan-Night Shelter u ukoll proġett pilota ta' servizz ta' kura personalizzata fil-komunità.

Belt Valletta u Furjana — passiġieri - Park and Ride

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10724 u jgħid kemm inġarrew passiġġieri bejn il-Furjana u l-Belt Valletta bit-trasport li huwa provdut fil-park and ride bejn Awwissu 2008 u Awwissu 2009?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-total ta’ passiġġieri bejn Awwissu 2008 u Awwissu 2009 kien dak ta’ 1,073,528. Dawn jinkludu vjaġġi bejn il-Park and Ride u l-Belt, u lura, imma jeskludu n-numru ta’ passiġġieri li ghamlu użu mis-servizz ta’ trasport pubbliku bir-rotta 198.

Ħwienet u negozji li għalqu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għalqu ħwienet u negozji bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jgħid dawn in-negozji f'liema mestier kienu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ewwel lista tirrigwardja liċenzji li ġew ikkanċellati u t-tieni waħda tinkludi liċenzji li ġew trasferiti.

ħaddiema li telqu mit-tarzna — impjieg ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10524, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk il-ħaddiema li telqu mit-tarzna u ġew impjegati, ġewx impjegati f'settur relatat mas-sengħa li kellhom jew inkella sabux xogħol f'xi sengħa differenti?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li kien hemm 1493 ħaddiema li telqu mit-tarzna. Minn dawn, 913 (61%), sabu xogħol u sal-lum għadhom qed jaħdmu. 10% (155) min dawk li sabu xogħol qegħdin f’impjieg li jidher li huwa relatat mas-sengħa tax-xogħol li kellhom it-Tarzna, filwaqt li 39% (758), sabu xogħol f’setturi ġodda. Għal aktar dettal wieħed/waħda jista’/tista’ jirreferi/tirreferi għal Fig. 1 , 2 u 3 ,li ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, li juru in-numru ta’ ħaddiema li kienu jaħdmu f’ċertu xogħlijiet it-Tarzna kif ukoll ix-xogħlijiet li qegħdin fihom illum.

Sptar Mater Dei — Statistika ta' kemm ġie jiswa l-bini ta' l-isptar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10507 u jagħti statistika finali ta' kemm ġie jiswa' finalment l-bini tal-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid jekk dawn l-ispejjeż humiex kollha imħallsin jew jekk inkella għadx fadal dejn x'jiġi imħallas? Kemm kienet oriġinarjament l-ispiża u jekk sarx studju li identifika fejn kellhom jitħallsu iktar flus għal dak li kien proġettat li ghandu jsir b'irħas? Għaliex kien hemm differenza bejn dak li kien maħsub li sejjer jsir u fil-fatt dak li sar?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Riforma fiċ-ċentri tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10633 u jgħid jekk huwiex beħsiebu jwettaq xi riforma ħalli ċ-ċentri tas-saħħa jitjiebu iktar fis-servizzi li jipprovdu u jżidu aktar minn dawn is-servizzi matul is-sena 2009?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern sejjer dalwaqt jibda konsultazzjoni estensiva dwar ir-riforma fis-saħħa primarja f'Malta u Għawdex. Din ir-riforma se jkollha impatt dirett fuq is-servizzi li jingħataw miċ-ċentri tas-Saħħa.

Studju dwar iċ-ċentri tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10632 u jgħid jekk sarx xi studju fejn wera li ċ-ċentri tas-saħħa jistgħu jnaqqsu mill-pressjoni li hemm fl-emerġenza ta' l-Isptar Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li għalkemm ma sarux studji formali u xjentifiki, ġew esplorati diversi soluzzjonijiet biex intaffu l-pressjoni li hemm fl-emerġenza.

riforma fis-sistema ta' l-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10631 u jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jagħmel riforma fis-sistema ta' l-emerġenza ħalli tkun aktar effiċjenti?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija numru 12227.

Turbini tar-riħ madwar il-gżejjer Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hawnx diġà turbini tar-riħ li qed jintużaw bħala mezz li jipproduċu l-enerġija? Jekk diġa' hawn minnhom, kemm hawn imwaħħlin madwar il-gżejjer tagħna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fil-preżent hemm tliet sistemi li jagħmlu użu mill-enerġija tar-riħ u li huma notifikati mal-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi. Sistema minnhom hi tal-Korporazzjoni Enemalta u tinsab installata fil- Vendom Distribution Centre fl-Armier . Sistema oħra hi tal-WasteServ u hi nstallata fis- Civic Amenity Site fl-Imrieħel. It-tielet sistema hi waħda privata u hi nstallata fix-Xagħra, Għawdex. Pero’ tajjeb li jingħad li hemm sistemi sperimentali jew għal skopijiet ta’ riċerka u għalhekk m'humiex notifikati.

Għajnuna lill-individwi li jinvestu f'turbina tar-riħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jagħtix għajnuna lill-individwi li jkunu jridu jinvestu biex jibnu turbina tar-riħ bħala ġeneratur għad-dawl għall-użu privat? Jekk le, il-Gvern ma jaħsibx li din tista' tkun metodu kif l-individwu jiġi inkoraġġit biex jagħmel uzu mir-riħ għall-produzzjoni tal-elettriku? Hemm il-ħsieb li tingħata għajnuna lil dawk li jkunu jridu jinvestu f'turbina tar-riħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li bħalissa diġà teżisti skema fejn individwi li jistallaw turbini tar-riħ privati jingħataw għajnuna ta’ €230 suġġett għall-permess tal-MEPA. Tajjeb li jingħad ukoll li l-Gvern, permezz tal-Malta Enterprise diġà qed joffri lill-Kumpaniji, nċentivi għall-installazzjoni ta’ turbini tar-riħ taħt l-iskema Energy Efficiency and Renewable Energies. Barra minnhekk, taħt Miżura 121 tal-Pjan għall-Iżvilupp Rurali, l-bdiewa huma ntitolati għall-għajnuna għall-istallazzjoni ta’ turbini tar-riħ meta dan ikun jifforma parti minn investiment iktar wiesgħa.

għajnuna lil nies li jinvestu f'sistema solari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkompli jagħti għajnuna matul is-sena 2010 lil dawk li jkunu jridu jinvestu f'sistema solari ħalli jipproduċu l-enerġija u permezz ta' hekk ikollhom domanda inqas fuq id-domanda li s-soltu jieħdu? Jekk iva, għal kemm beħsiebu jkompli jagħti din l-għajnuna u kif sejra tkun mogħtija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Membru għad-diskors tal-budget.

Protocols u trattati li ffirmat Malta fuq l-enerġija fil-pajjiż

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema protocols u trattati ffirmat Malta li permezz tagħhom intrabtet li tbiddel il-mod kif tiġi maħluqa l-enerġija f'dan il-pajjiż? X'beħsiebu jagħmel il-Gvern biex dawn it-trattati u l-protocols jiġu fis-seħħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-Onor Membru li f’Diċembru tal-2008, Malta rratifikat il-pakkett tal-klima u l-enerġija tal-Unjoni Ewropea li għandu l-miri li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’20% tal-livelli tal-1990 sal-2020, kif ukoll li sal-2020, 20% tal-enerġija kollha tal-UE tkun prodotta minn sorsi ta' enerġija li tiġġedded. Malta ntrabtet li sal-2020, 10% tal-enerġija meħtieġa tkun ġejja minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u li tal-inqas 10% tal-enerġija li tintuża’ mis-settur tat-trasport tiġi minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu. Skont dan il-ftehim Malta hi mpenjata wkoll biex sal-2020 ma żżidx l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mis-setturi (non-EU ETS) li ma jaqgħux taħt l-iskema tal-kummerċ tal-konċessjonijiet għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra b’aktar minn 5% fuq il-livelli tal-2005. Fil-każ tal-enerġija minn sorsi li jiġġeddu qed issir pjan tat-twettiq bil-għan li jintlaħqu l-miri miftehma. L-implikazzjonijiet tal-miżuri kollha li jridu jittieħdu fil-qasam tal-enerġija minħabba dawn l-obbligi jridu jkunu investigati.

Produzzjoni u esportazzjoni ta' ħut mill-fish farms

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10734, li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm pproduċew u esportaw tunnellati ta' ħut l-fish farms li hawn madwar Malta u Għawdex bejn Awwissu 2008 u Awwissu 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #12223 Sitting 178 2010-01-11 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impact assessment dwar l-inħawi li nbnew il-fish farms

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10738, li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid x'impact assessment sar dwar l-inħawi fejn inbnew il-fish farms? Jista' jippubblika r-rapporti li ġew miġbura bħala riżultat tal-impact assessment wara li nbnew il-fish farms?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala parti mill-proċess tal-Environmental Impact Assessment, dejjem isir studju fuq qiegħ il-baħar sabiex jiġi evalwat il-potenzjal għal ħsara ambjentali. Kull permess illi jinħareġ ikollu kundizzjoni illi jsir monitoraġġ tal-ambjent. Il-MEPA iżżomm dawn l-istudji, u huma aċċessibbli għal kull min għandu interess fihom. Dawn l-istudji huma wisq voluminużi biex jiġu ppublikati.

negozjati dwar manutenzjoni tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati dwar li jkun hemm ċentru wieħed li jieħu ħsieb it-tiswijiet u l-manutenzjoni tat-toroq kollha ta' Malta, liema suġġeriment u proċedura kien tkellem fuqhom hu stess fil-Parlament?

Response (GATT, AUSTIN)

L-Onor Interpellant hu mitlub jispjega x'ifisser bil-kelma "ċentru" għaliex fil-Gvern ma hemm l-ebda organizazzjoni ta' dan it-tip.