Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fish farms humiex regolarizzati b'xi tip ta' regolamenti nazzjonali, tal-Unjoni Ewropea jew internazzjonali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-
fish farms
huma regolati minn diversi entitajiet fosthom l-
Agriculture and Fisheries Regulation Division , il-Malta Maritime Authority, l-MEPA u minn rakkomandazjonijiet tal-ICCAT.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jgħid jekk huwiex veru li s-servizzi paramediċi li l-Gvern jipprovdi liċ-ċittadini jekk dawn ikunu jgħixu ġewwa d-djar privati tagħhom imma ma jiġux provduti jekk dawn l-istess ċittadini jispiċċaw jgħixu ġewwa homes privati?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità jipprovdi servizzi paramediċi lill-persuni li jgħixu fil-komunità, fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern u dawk li qegħdin fi djar tal-anzjani privati fl-iskema tal-Public Private Partnership.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizzi li jingħataw liċ-ċittadini ġewwa d-djar tagħhom jingħatawx ukoll jekk dawn iċ-ċittadini anzjani jkunu residenti ġewwa homes privati? Jista' jgħid kemm ngħataw minn dawn is-servizzi matul is-sena 2008?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li s-servizzi domiċiljarju mgħotija minn San Vincenz ma jingħatawx b'mod dirett lill residenti ġewwa djar privati (Private Community Homes) ħlief lil dawk id-djar li jagħmlu parti mill-Private Public Partnership. Indirettament jista' jkun li hemm xi anzjani li qegħdin jagħmlu użu minn dan is-servizz jekk kemm-il darba l-anzjani jkunu rreferuti minn xi aġenziji jew Entità fil-Kura Primarja.
Jista' l-Ministru jispjega l-politika tal-Gvern dwar is-servizzi li jingħataw l-anzjani fil-komunità meta dawn ikunu qed jgħixu ġewwa home privata?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li s-servizzi li jingħataw l-anzjani fil-komunità huma intenzjonati li jingħataw biex l-anzjan ikun jista' jibqa jgħix ħajja aħjar fl-istess komunità. Għal dawk l-anzjani li jkunu qegħdin fid-Djar tal-Anzjani kemm dawk tal-Gvern u wkoll dawk privati ħafna mis-servizzi huma provduti mill-istess dar. L-anzjani ġo djar Privati xorta jistgħu japplikaw għal-servizz oħrajn bħal dak tal-inkontinenza. Rigward servizzi oħrajn dawn jiġu żviluppati skond ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli.
Jista' l-Ministru jelenka x'kienu s-servizzi li l-Gvern provda fil-komunità matul il-perjodu ta' Jannar u Settembru 2009?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li dawn is-servizzi li d-Dipartiment għall-Anzjani provda fil-komunità matul il-perjodu ta' Jannar u Settembru 2009:
Home Care Help, Social Work, Handyman, Telecare, Incontinence Nappies/Pads, Meals on Wheels, Ċentri ta' Matul il-Jum, Occupational Therpay u Physiotherapy.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux studju biex jara kemm kull kategorija/grad ta' ħaddiema jħallas taxxi diretti u indiretti mill-paga tiegħu lura lill-Gvern? Jekk dan l-istudju sar, jista' jiġi pubblikat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi ma sar ebda studju ta’ kemm kull kategorija/grad ta’ ħaddiema ħallsu taxxi diretti u indiretti mill-paga tagħhom lura lill-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jispjega xi jrid jagħmel ċittadin li jkun irid jinvesti u jħaddem in-nies miegħu u meta jmur biex japplika għal permess ma jinħariġlux, meta l-bitħa tiegħu fiha 5 piedi bi 14-il pied filwaqt li bitħa ma' bitħa miegħu jkun hemm binja oħra li ngħatat permess u din għandha bitħa ta' 5 piedi bi 12 il-pied? Meta dan ċ-ċittadin mar fil-kumpanija tal-perit tiegħu biex jara x'ġara u staqsa għaliex lilu ma tawhx permess u lil dak li għandu bitħa ma' bitħa miegħu ngħata, ir-risposta kienet "dik mhux biċċa tiegħek". Jista' jgħid meta ċittadin jiġi ffaċċjat b'din l-arroganza, fejn jista' jirrikorri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant jgħaddi l-informazzjoni lil Awtorità kompetenti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'qiegħed isir biex jara kif sejjer jiġi affetwat qiegħ il-baħar ta' taħt il-fish farms? Sar xi studju dwar dan? Jista' dan l-istudju jiġi pubblikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala parti mill-proċess tal-Environmental Impact Assessment, dejjem isir studju fuq qiegħ il-baħar sabiex jiġi evalwat il-potenzjal għal ħsara ambjentali. Kull permess illi jinħareġ ikollu kundizzjoni illi jsir monitoraġġ tal-ambjent. Il-MEPA iżżomm dawn l-istudji dawn l-istudji u huma aċċessibli għal kull min għandu interess fihom. Dawn l-istudji huma wisq voluminużi biex jiġu ppublikati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ilhom joperaw il-fish farms f'Malta? Kemm żdiedu minn mindu kien hemm l-ewwel fish farm sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel fish farm beda jopera fl-1991. illum hemm ħames kumpaniji li joperaw 8 siti. Dawn ma jinkludux iż-żewġ kumpaniji illi qedgħin jerġgħu fl-akwaculture zone.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm longitudinal study dwar l-effett li jistgħu jħallu l-fish farms fuq il-baħar ta' Malta? Jekk iva, jista' jippublika dan l-istudju? Jekk qatt ma sar studju, jista' jgħid jekk huwiex bi ħsieb li jsir wieħed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull staġun isiru studji tal-effett tal-akwakultura f’kull sit. Dan jinkludi rapport illi jqabbel is-sitwazzjoni fil-preżent ma’ dik tal-passat.
N.B. Longitudinal study is a medical term for time based series observations.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern jikkonsidrax li l-industrija tal-fish farms hija importanti għal pajjiżna u jekk il-Gvern jagħtix għajnuna lil din l-industrija biex tkompli tikber?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li l-Gvern jikkonsidra l-industrija tal-akwakultura bħala mportanti ħafna. Tant hu hekk li l-Gvern qed jippjana li jfassal pjan strateġiku għas-snin li ġejjin għat-tkabbir ta’ din l-industrija b’mod sostenibbli. Għal dan is-settur, il-Gvern ivvota 1.5 miljun Ewro mill-fondi tal-UE taħt il-programm EFF.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10727 u jippubblika format li sleeping policemen jista' jkollhom fit-toroq tagħna? Jista' jgħid kemm minn dawn is-sleeping policemen għandhom il-permessi neċessarji u jgħid lokalità b'lokalità kemm-il sleeping policemen hemm?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-parti rilevanti minn dokument ta' linji gwida maħruġ mill-Awtorita' tat-Trasport ta' Malta li titratta r-road humps kif ukoll lista ta' road humps approvati mill- Awtorita' tat-Trasport ta' Malta lokalità b'lokalità.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10728 u jagħti r-razzjonal wara l-bini/twaħħil ta' sleeping policemen u x'inhuma l-kundizzjonijiet li jrid ikollok biex tikkwalifika ħalli titwaħħal sleeping policemen f'xi triq partikolari?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-parti relevanti minn dokument ta' linji gwida maħruġ mill-Awtorita' tat-Trasport ta' Malta dwar din il-materja. Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-kundizzjonijiet li jinħarġu meta tkun approvata road hump.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10722 u jgħid kemm hemm parking slots il-Belt Valletta li jistgħu jintużaw mir-residenti biss u kemm hemm parking slots li jistgħu jintużaw mill-pubbliku b'mod ġenerali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10729 u jgħid meta huwa ppjanat li jitlesta l-Port taċ-Ċirkewwa? Kemm ġie jiswa s'issa dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jitlesta l-proġett fil-Port tal-Imġarr Għawdex? Kemm ġie jiswa dan il-proġett s'issa u kemm huwa ppjanat li jiġi jiswa l-proġett kollu, jiġifieri l-parti tal-Port taċ-Ċirkewwa u l-parti tal-Port tal-Imġarr Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li d-data meta jitlesta t-terminal taċ-Ċirkewwa tkun tista' tingħata wara li jiġi determinat it-tender tax-xogħlijiet. S'issa dan il-proġett hu kalkulat li ser jiswa €18.6 miljun. Rigward il-proġett tal-port tal-Imġarr dan tlesta fis-sena 2007 u ġie jiswa €11.8 miljuni.
(ara korrezzjoni fil-
papers laid
nru 3827 li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 185 nhar it-Tlieta s-26 ta' Jannar 2010)
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10732, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk is-servizz fejn il-pazjenti jinġarru permezz tal-helicopter huwiex se jerġa' jibda? Meta hemm il-ħsieb li dan jerġa' jibda biex pazjenti gravi mill-gżira Għawdxija jew minn xi post ieħor 'il bogħod mill-Isptar Mater Dei jibdew jinġarru bil-helicopter minflok bl-ambulanza peress li t-trasport bl-ajru jaf ikun f'inqas ħin minħabba ż-żieda fit-traffiku tal-art?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li s-servizz fejn il-pazjenti jinġarru permezz tal-helicopter qatt ma ġie sospiż. Is-servizz jiġi operat bil-koperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fil-każ ta’ pazjenti mill-gżira Għawdxija, is-servizz jintalab mill-isptar t’Għawdex u mhux mill-isptar Mater Dei.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9944 u jgħid kemm kellu salarju kull ħaddiem li hemm jaħdem mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fis-sena 2008? Kemm hemm minn dawn il-ħaddiema f'kull kategorija? Jista' jikkonferma jekk din l-Awtorità għandhiex full compliment tal-istaff ? Jekk le, kemm jonqosha ħaddiema biex isir full compliment u f'liema kategorija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2008, l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellha 249 ħaddiem klerikali u tekniċi u 170 ħaddiem professionali. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika s-salarji li kellhom dawn il-ħaddiema kif mitlub.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa l-awtorità għaddejja minn eżerċizzju ieħor biex tanalizza l'i
staff complement
neċessarju meta mqabbel ma' l-
objectives
ta' l-awtorità sew fuq ippjanar kif ukoll fuq l-ambjent fil-perspettiva tar-riforma tal-MEPA.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 10219 u tgħid kemm-il skola matul Ottubru 2008 sa Mejju 2009 organizzat outings? Fejn ħadu lil dawn it-tfal skola, skola? Il-ħarġa kienet kulturali, edukattiva, sportiva jew xi ħaġa oħra? Kemm ħallas kull student u studenta għal kull ħarġa li l-iskola tagħha organizzat u kemm toħroġ flus l-iskola għal kull ħarġa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.