Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta — Youth Empowerment Centre - ħaddiema full-time u voluntiera

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu ħaddiema full-time u kemm kellu voluntiera jaħdmu miegħu il-Youth Empowerment Centre tal-Mosta ? Jista' jgħid kemm kienu jattendu żgħażagħ f'dan iċ-ċentru?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Minsteru konċernat.

Youth Empowerment Centres

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha Youth Empowerment Centers madwar Malta u Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-progett ta’ Local Youth Empowerment Centres spiċċa fl-2008. Minn dakinhar bdiet ħidma biex jinħoloq in-National Youth Empowerment Programme bi programmi ta’ empowerment fuq skala nazzjonali. Il-Konkors ta’ Kitba għaż-Żgħażagħ adoloxxenti li għalih daħlu 26 manuskritt u l-Kunsill Lokali taż-Żgħażagħ li għalih applikaw xejn anqas minn 29 Kunsill Lokali minn Malta u Għawdex huma żewġ eżempji tipiċi. Bħalissa qed ikunu mfassla numru ta’ programmmi ta’ Youth Empowerment li se jkunu offruti fuq livell lokali. Matul is-sena d-dieħla l-kunsill lokali se jkunu offruti biex jippartiċipaw f’dawn il-programmi permezz ta’sħubija mal-Aġenzija taż-Żgħażagħ.

Kumpens lill-bdiewa għal ħsara fil-prodotti tagħhom — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u fejn irid japplika bidwi jekk mill-għelieqi tiegħu jgħaddu triq u ssirlu ħsara kbira fis-siġar u prodotti tal-għalqa tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ilmenti tat-tip li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant għandhom isiru lid-Direttorat tat-toroq fi ħdan l-Malta Transport.

Ħsara fl-għelieqi permezz ta' rikostruzzjoni ta' triq — applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn irid japplika bidwi wara li jkun hemm rikostruzzjoni ta' triq u din iġġiblu ħafna ħsara fil-għelieqi tiegħu peress li kull xita li tagħmel jgħaddi l-ilma kollu minn dawn l-għelieqi u jkaxkarlu l-uċuħ li jkollu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12538.

Rabat — Triq Għeriexem - sbroff ta' drenaġġ fir-raba'

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu matul dan is-sajf sabiex is-sistema tad-drenaġġ li hemm fi Triq Għeriexem ma tisbroffax iktar fir-raba' ta' taħt l-Imtarfa matul din x-xitwa, liema drenaġġ qed jispiċċa fir-riserva tal-ilma tax-xita u fl-ispiera li t-tnejn li huma għadhom jintużaw sal-ġurnata tal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tnaddaf is-sistema tad-drenaġġ ma ġenb ir-raba’ ta’ taħt l-Imtarfa.

kumpens għal kontaminazzjoni ta' ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jingħatax kumpens lil xi ħadd li jkollu l-ilma ġieri u riserva ta' ilma sostanzjali u dan ma jkunx jista' jagħmel użu minnu għaliex ikun qed jiġi kontaminat minn drenaġġ u jkollu jixtri huwa stess l-ilma biex jagħmel użu minnu għall-uċuħ tar-raba' tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-WSC tikkunsidra kull talba għall-kumpens li tirċievi u d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq iċ-ċirkostanzi partikolari tal-każ.

Talba għal kumpens lil bidwi mill-Awtorità dwar it-Trasport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bidwi jistax jitlob kumpens lill-Awtorità dwar it-Trasport wara li l-istesss Awtorità tkun għamlet gandott fir-raba' tiegħu mill-bypass tal-Imtarfa sa Wied Għeriexem li f'parti minnu għaddew il-katusi u f'parti oħra għamlu gandott wiesa' imsaqqaf bil-konkos, imbagħad telqu u ħallew kollox mikxuf u l-bidwi kellu jagħmel l-ispejjeż biex iwitti u jgħatti dawn il-gandotti bil-ħamrija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li x-xogħolijiet li qed jirreferi għalihom l-Onor Interpellant kollha saru wara qbil bejn il-bidwi, il-kuntrattur u l-uffiċjal tal-Malta Transport. Jien infurmat ukoll li fil-fatt wara li tlesta x-xogħol tat-trinek, il-ħamrija ġiet imwittija kif kienet oriġinali. Il-Malta Transport ma rċeviet l-ebda complaint dwar dan il-każ.

Dokumentazzjoni rilevanti għad-dħul tat-tonn ġo gaġeġ Maltin

Question

Jista' l-Ministru jippubblika id-dokumentazzjoni kollha rilevanti għad-dħul tat-tonn ġo gaġeġ Maltin (ċioe' l-caging declarations) għall-istaġun 2008-2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi minħabba li l-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru hija ta’ natura kummerċjali ma tistax tiġi ppubblikata.

Karozzi second hand importati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi second hand bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jgħid minn liema pajjiż ġew importati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bejn Jannar u Settembru 2009 ġew impurtati dawn il-karozzi: L-Italja 1 Il-Ġappun 1765 Ir-Repubblika tal-Korea 1 Il-Messiku 1 it-Tajwan 6 It-Turkija 1 Ir-Renju Unit 375 L-Amerka 1 Total 2151 Nota 1: Id-data tal-estrazzjoni tal-informazzjoni fit-tabella hija 23/11/2009 Nota 2: Dawn il-figuri jista’ jkun li ma jinkludux karozzi wżati mixtrija minn individwi li mhumiex reġistrati mal-VAT, u li allura mhumiex obbligati li jirrapurtaw oġġetti impurtati mill-Istati Membri tal-UE fis- Supplementary Declaration tal-Intrastat .

Muturi importati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati muturi b'żewġ roti u muturi b'erba' roti bejn Jannar u Settembru 2009? Jista' jgħid iċ-cilindraġġ ta' dawn il-muturi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bejn Jannar u Settembru 2009 ġew impurtati 810 muturi b’żewġ roti. In-numru ta’ dawn il-muturi skont iċ-ċilindraġġ huwa kif ġej: · 188 mutur b’ċilindraġġ sa 50 cm3 · 200 mutur b’ċilindraġġ aktar minn 50 cm3 sa 80 cm3 · 204 muturi b’ċilindraġġ aktar minn 80 cm3 sa 125 cm3 · 30 mutur b’ċilindraġġ aktar minn 125 cm3 sa 250 cm3 · 40 mutur b’ċilindraġġ aktar minn 250 cm3 sa 380 cm3 · 20 mutur b’ċilindraġġ aktar minn 380 cm3 sa 500 cm3 · 20 mutur b’ċilindraġġ aktar minn 500 cm3 sa 800 cm3 · 14-il mutur b’ċilindraġġ aktar minn 800 cm3 · 94 muturi oħrajn Skont l-HS Code il-muturi b’erba’ roti huma klassifikati mal-karozzi u għalhekk ma teżistix statistika separata tagħhom.

Liċenzja għall-muturi ta' 50cc — età

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jniżżel l-età tal-liċenzja tal-mutur għal dik ta' 16-il sena fuq muturi sa 50cc kif jeżisti digà f'xi pajjiżi oħra tal-Ewropa?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jirreferi għall-Avviż Legali Numru. 129 tal-2004 parti 1, Klawsola 5 (1) .

Liċenzja ta' air gun fuq target shooting

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex beħsiebu jniżżel l-età għal-liċenzja tal-air gun fuq target shooting għal dik ta' 16-il sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi s-suġġeriment tal-Onorevoli Interpellant diġà qiegħed fis-seħħ permezz tal-Artiklu 26 tal-Att dwar l-Armi (Kap 480) u r-regolamenti tal-2008 dwar Permessi għal Użu ta' Armi tan-Nar minn Minuri.

Triq il-Paroċċa u Triq il-Lunzjata fil-Mosta — Permess ta' pparkjar għar-residenti

Question

Jista’ l-Ministru jitlob lill-Awtorità dwar it-Trasport issa li għalqet Triq il-Paroċċa u Triq il-Lunzjata ġewwa l-Mosta għat-traffiku ġenerali, sabiex jingħata permess lir-residenti li jgħixu f'dawn it-toroq biex ikunu jistgħu jidħlu bil-vetturi wara l-bieb tagħhom mingħajr ma jiġu mħarrka mill-warden? Peress li l-permess li jingħata huwa li r-residenti jistgħu jidħlu f’dawn it-toroq biex jgħabbu u jħottu, jista’ jgħid kemm huwa l-ħin allokat li jistgħu idumu biex iħottu u jgħabbu ? Huwa possibbli li x-xewqa tar-residenti sseħħ u dawn ikunu jistgħu jidħlu u jipparkjaw wara il-bieb tagħhom? Jekk le, hemm xi awtorità li se ssibilhom post alteranttiv fejn jipparkjaw?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-aċċess għat-toroq in kwistjoni għandu jintalab lill-Kunsill Lokali.

Għajnuna lill-klijenti fil-komunità

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kull servizz jgħin lill-klijenti fil-komunità?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li din hija statistika tas-servizzi offruti mid-Dipartiment tal-Anzjani ta' benefiċjarji bbażata fuq din is-sena 2009: Home Care Help 3524 benefiċjarji Meals on Wheels 57,770 ikliet Handyman 961 jobs Day Centres 1416 membri Telecare 9238 subscribers Social Work 1158 każijiet Physiotherapy 5165 sessions Occupational Therapy 7595 sessions.

Residenza San Vinċenz de Paule u homes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kalkulat li tiġi tiswa kull meal li jingħataw ir-residenti tal-homes u tar-Residenza San Vinċenz de Paule, separatament?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Residenza San Vinċenz De Paule — pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pilloli out of stock ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule matul il-perjodu ta' Jannar u Settembru 2009?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-lista ta' out of stock hija suġġett għall-bidla kontinwa u għalhekk mhuwiex possibli li tingħata l-informazzjoni mitluba.

Residenza San Vinċenz de Paule — bżonnijiet f'kull sala

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi bżonnijiet oħrajn li l-NO's ta' kull sala fir-Residenza San Vinċenz de Paule talbu u li ma setgħux jingħataw dik t-talba għaliex ma kienx hemm flus jew minħabba xi ħaġa oħra?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li ma kienx hemm bżonn oġġetti oħra li l-NOs f'San Vinċenz de Paul talbu u li ma ngħatawx.

Residenza San Vinċenz de Paule — networking kompjuterizzata

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta fir-Residenza San Vinċenz de Paule sejjer jsir in-networking kompjuterizzat ħalli x-xogħol amministrattiv ikun iktar faċilitat?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li qegħdin isiru diskussjonijiet maċ-Chief Information Officer tal-Ministeru biex jinbena network biex isaħħaħ il-komunikazzjoni u amministrazzjoni bejn l-ispiżerija, l-istores u l-management tar-Residenza San Vincenz de Paule.