Legislature:
Category:
Reset
Active:

Postijiet tax-xogħol fil-Qasam tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm units /postijiet tax-xogħol fil-qasam tas-saħħa fl-Isptar Mater Dei li huma awtonomi mill-amministrazzjoni ċentrali? Meta jgħid awtonomi xi jkun qed jifhem u b'liema mod huma awtonomi? Jista' jgħid kemm hemm, jekk hemm, postijiet li huma mmexxija b'koperattiva fl-istess qasam tas-saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Units/postijiet tax-xogħol ġewwa l-Isptar Mater Dei li huma awtonomi mill-amministrazzjoni tad-Diviżjoni tas-Saħħa huma: 1. Medical School, li taqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-Università 2. Institute of Health Care, li jaqa’ taħt l-amministrazzjoni tal-Università Ta’ min jgħid li l-Post-graduate Medical Training Centre jaqa’ taħt ir-responsabbilità tad-Direttur Ġenerali, Servizzi tas-Saħħa peress li għandu responsabbilità li jikkordina t-taħriġ post graduate fl-ispeċjaliżazzjonijiet kollha u mhux biss dawk li hemm f’Mater Dei. M’hemmx postijiet li huma mmexxija b’koperattiva fl-Isptar Mater Dei.

Virus H1N1

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew rapportati nies li kellhom il-virus H1N1 matul ix-xahar ta' Diċembru? Dawn kienu Maltin jew turisti li qed jgħixu Malta? Jista' jgħid jekk it-tilqim kontra din l-influwenza huwiex sejjer kif ippjanat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li peress li f’din il-fażi tal-pandemija mhux il-każijiet kollha jiġu rrapurtati, l-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant ma teżistix. Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Diċembru kien hemm 286 każ ta' infezzjonijiet konfermati bħala A H1N1. Minħabba li n-nazzjonalità mhix relevanti għal skopijiet ta’ saħħa pubblika, il-figuri mhumiex maqsuma skond kif mitluba mill-Onor. Interpellant. Il-programm ta’ tilqim kontra l-influwenza pandemika sejjer kif ippjanat għalkemm in-numru ta’ nies li rrikorrew għat-tilqima seta’ kien akbar.
Leg 11 PQ #14131 Sitting 204 2010-03-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema maċ-Ċivil li jokkupaw kariga bħala acting

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk illum il-ġurnata Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea għandhiex regolamenti fejn jgħidu li jekk ikun hemm xi ħaddiem maċ-Ċivil li ilu jaħdem u jokkupa kariga bħala acting għal iktar minn tliet snin, issa minħabba r-regolamenti li rridu nsegwu, dak il-ħaddiem b'mod awtomatiku jieħu dak l-grad li qed jaħdem fih? Jista' jispjega kif din is-sitwazzjoni u regolamenti ġodda se jaffettwaw lill-ħaddiema taċ-Ċivil? Jekk dawn ir-regolamenti huma minnhom, fejn jrid japplika dak il-ħaddiem li qiegħed jokkupa kariga bħala acting sabiex jingħata dik il-kariga b'mod uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma hemm ebda direttiva tal-Unjoni Ewropea li tgħid li jekk ħaddiem ikun acting f’kariga għal iktar minn tliet snin, dan il-ħaddiem jieħu dak il-grad b’mod awtomatiku; u tali sitwazzjoni m’hiex applikabbli għas-Servizz Pubbliku.
Leg 11 PQ #12798 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — segretarju eżekuttiv

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi makkinarju li jara li x-xogħol li suppost ikun qed jagħmel is-segretarju eżekuttiv tal-kunsilli lokali jkun qed jagħmlu sewwa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala uffiċjal li jopera fis-Settur Pubbliku, is-Segretarju Eżekuttiv hu suġġett għall-iskrutinju ta’ diversi entitajiet li jinkludu d-Dipartiment għall-Gvern Lokali, l-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman u t-Tribunal Amministrattiv mwaqqaf riċentement. Ta’ min isemmi wkoll li għadhom kemm inħarġu regolamenti dwar it-twaqqif ta’ Bord ta’ Governanza li għandu l-poter li jevalwa u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar ilmenti ta’ amministrazzjoni ħażina fuq livell ta’ Gvern Lokali. Ta’ min iżid li s-Sindku bħala l-Kap Politiku ta’ Kunsill għandu l-obbligu li jissorvelja l-Operat kollu tal-Kunsill Lokali li jkun imexxi, u dan jinkludi l-operat amministrattiv, eżekuttiv u finanzjarju.
Leg 11 PQ #12963 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet għal turbini tar-riħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikazzjonijiet għal turbini tar-riħ ġew proċessati fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar mill-1999 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità ipproċessat tnax (12)-il applikazzjoni għal turbini tar-riħ mill-1999 sa llum. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet deċiżi li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem " turbine ", "turbina", "turbini", " wind " jew "riħ".
Leg 11 PQ #12964 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — applikazzjonijiet għat-turbini tar-riħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mill-applikazzjonijiet għat-turbini tar-riħ ġew aċċettati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ma ġewx aċċettati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta' l-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità aċċettat ħdax (11)-il applikazzjoni u rrifjutat applikazzjoni waħda (1) għal turbini tar-riħ. Din l-informazzjoni nġabret fuq applikazzjonijiet deċiżi li għandhom fil-proposta xi waħda mill-kliem " turbine ", "turbina", "turbini", " wind " jew "riħ".

sexually transmitted diseases — każijiet ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna każijiet ġodda matul is-sena 2009 ta' persuni li kellhom sexually transmitted diseases? Jista' jgħid x'kienu dawn id-diseases u jekk hemmx xi sinjali li ċertu tip ta' mard trasmess sesswalment qiegħed jiżdied?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2009 ġew irraportati 143 każ ta’ sexually transmitted diseases. Dawn kienu 61 każ ta’ Chlamydia, 63 każ ta’ Gonorrhoea u 19 il-każ ta’ Syphilis. Meta wieħed iħares lejn il-figuri ta’ dawn l-aħħar ħames snin, jinnota li kien hemm żieda fil-każijiet ta’ Chlamydia, Gonorrhoea u Syphilis .

Health Promotion Unit — kampanja edukattiva dwar mard transmess sesswalment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Health Promotion Unit li jkompli bil-kampanja edukattiva biex teduka lill-pubbliku in ġenerali dwar il-mard transmess sesswalment? Jekk iva, kemm għandhom flus dedikati biex jagħmlu dan matul is-sena 2010? Kemm hemm personnel dedikat u mħarreġ biex jagħmel dan fid-dipartiment konċernat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Health Promotion Unit għandu ppjanat li jkompli bil-kampanji edukattivi tiegħu dwar is-saħħa sesswali li jinkludi ukoll edukazzjoni dwar il-mard trasmess sesswalment. Il-budget allokat għal dan il-għan huwa total ta’ €42 000 li parti minnhom ġew minn proġett tal-Unjoni Ewropea li jiffoka speċifikament fuq l-HIV, il-Hepatitis B u l-Hepatitis C. Id-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard li fi ħdanu hemm il-Health Promotion Unit għandu ppjanat li jimpiega numru ta’ Health Promotion Officers li wieħed minnhom se jkun iddedikat biex jaħdem speċifikament fuq is-saħħa sesswali.

Studenti li m'attendewx skola

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li m'attendewx skola fl-2009 minħabba xi raġuni oħra minbarra mard?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-medja (average) ta' studenti li fallew kull ġurnata fl-iskejjel statali fis-sena 2009 hija ta' 2,304 li ma attendewx skola minħabba raġuni oħra minbarra mard. Fl-iskejjel tal-knisja kien hemm 8,712-il każ ta' tfal li m'attendewx skola minħabba raġuni oħra minbarra mard. Fl-iskejjel indipendenti kien hemm 2,783 każ ta' tfal li m'attendewx skola minħabba xi raġuni oħra minbarra mard.
Leg 11 PQ #13878 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — ECG

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-amministrazzjoni tal-Isptar ta' Għawdex għamlet arranġament ma' ħaddiema li mhumiex ECG technicians li għal kull ECG li jieħdu wara s-6.00 p.m. jingħataw time off in lieu biex jagħmel tajjeb għall-ħin li jkunu ħadmu żejjed?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li iva, l-amministrazzjoni tal-Isptar ta' Għawdex għamlet arranġamenti man-nurses. Huma jingħataw it-time off in lieu għal kull ECG li jittieħed mit-Tnejn sas-Sibt wara t-8.00pm u nhar ta' Ħadd wara s-2.00pm
Leg 11 PQ #13879 Sitting 203 2010-03-22 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — ECG

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ħinijiet jaħdmu l-ECG technicians fl-Isptar t'Għawdex? F'dan l-isptar jingħata servizz ta' 24 siegħa għal dawn it-testijiet importanti tal-ECG? Dawn it-testijiet jingħataw minn ECG technicians jew minn ECG technicians u ħaddiema oħra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ħinijiet tal-ECG technicians huma: Żewġ ħaddiema li jaħdmu mit-Tnejn sas-Sibt. Mis-7.00am sas-2.00pm u mis-1.00pm sat-8.00pm. Żewġ ħaddiema li jaħdmu fuq roster ta' DDDDO. Mis-7.00am sas-2.00pm. Fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex is-servizz tal-ECG qed jingħata 24 siegħa. Dawn it-testijiet qed jingħataw minn ECG technicians u wara t-8.00pm jingħataw min-nurses. (Nhar ta' Ħadd mis-2.00pm 'l quddiem).

Sptar Mater Dei — sistema ta' CPR

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa s-sistema ta' CPR li hemm ġewwa l-Isptar Mater Dei? Meta din is-sistema ġiet imwaħħla u meta se tkun tajba biex intuża?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-kuntratt għall-bini tal-Isptar Mater Dei kien ingħata mill-Gvern lill-Konsorzju SMJV (Skanska-Malta Joint Venture). Eventwalment il-kuntratt inbidel f’wieħed ta’ Design and Build għal somma fissa (lump sum). Mill-istess natura tagħha din is-somma mhix maqsuma f’dipartimenti jew kmamar individwali. Għalhekk l-informazzjoni dwar kemm ġiet tiswa s-sistema tas-CPR ma tistax tingħata. Is-sistema tas-CPR hija stallata fl-Isptar Mater Dei. Biex is-sistema tas-CPR tkun effettiva qed jiġi evalwat jekk għandhiex tintrabat mas-sistema tal-paging nazzjonali jew inkella ma’ forom alternattivi ta’ teknoloġija tal-kommunikazzjoni.

Mosta — xogħlijiet fuq Triq Bergamott u Triq EB Vella

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta toroq bħal Triq Bergamott u Triq EB Vella fil-Mosta sejrin jingħataw wiċċ ġdid bil-qatran?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat lix-xogħol li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant isir meta jkunu allokati l-fondi meħtieġa lil Transport Malta u skont il-prijorità ffissata.

karozzi reġistrati TFI ma jħallsux il-liċenzja tat-triq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11505 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma li kif kienet ipproponiet il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità, karozzi reġistrati TFI ma jħallsux il-liċenzja tat-triq (road licence)?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bi qbil mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità fuq vetturi mixtrija b'rabta ma' rakkmandazzjoni mill-istess Kummissjoni, mill-ewwel ta’ Jannar 2009, ma titħallasx liċenzja tat-triq għall-ewwel ħames snin mis-sena tal-manifattura, u mis-sitt sena ‘l quddiem, titħallas 50 fil-mija tal-liċenzja tat-triq applikabbli fuq karozzi petrol sa 180g/Km CO2 u karozzi diesel sa 150g/Km CO2. Titħallas il-liċenzja tat-triq kollha fuq vetturi li għandhom emissjonijiet ‘il fuq minn dawn il-livelli.

eżenzjoni tal-liċenzja tal-vettura

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentri 11507 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx xi tip ta' eżenzjoni tal-liċenzja tal-vettura? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid min hu eżentat u xi jrid jagħmel biex jikkwalifika għal din l-eżenzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 13788. L-applikazzjonijiet jiġu milqugħa għand il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabiltà.

Sptar Mater Dei — ITU

Question

Jista' l-Ministru jispjega jekk meta bħalma ġara din is-sena li l-ITU tal-Isptar Mater Dei tingħata Ġieħ ir-Repubblika, il-ħaddiema li f'dak iż-żmien kienu jagħtu s-servizz tagħhom f'din is-sala jistgħux u għandhomx dritt jibdew iniżżlu wara isimhom il-kliem M.O.M. u dan għax l-ITU mhuwiex il-bini u l-magni, imma huma l-impjegati li jagħmlu s-servizz effiċjenti u tajjeb?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Peress li din hija materja li taqa’ taħt il-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, nitlob lill-Onor Interpellant biex jagħmel din id-domanda lill-Prim Ministru.
Leg 11 PQ #13808 Sitting 201 2010-03-17 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kwalifiki għal restawratur

Question

Jista' l-Prim Ministru tgħid jekk hemmx xi liġi li tirregola x-xogħol ta' restawr li hawn f'Malta u f'Għawdex? Jekk hemm, liema hi din il-liġi? Meta daħlet fis-seħħ? Tista' tgħid x'inhuma l-kwalifiki biex persuna tissejjaħ restawratur? X'irid jagħmel individwu biex iġib dawn il-kwalifikazzjonijiet? Xi kwalifiki bażiċi jkun hemm bżonn biex tieħdu dan il-kors imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ix-xogħol ta’ restawr huwa rregolat mill-Att dwar il-Patrimonju Kulturali tal-2002. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl-2003. Skont l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali ‘ħadd ma għandu jeżerċita l-professjoni ta’ konservatur-restawratur kemm-il darba ma jkunx id-detentur ta’ warrant ’. Il-kwalifiki legali biex persuna issir detentur ta’ warrant huma definiti fl-Artikoli 21 u 23 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali. Biex individwu jġib dawn il-kwalifiki jrid jattendi għall-korsijiet ta’ Baċellerat u Masters fil-konservazzjoni u restawr. Il-kwalifiki neċessarji biex tidħol għal dawn il-korsijiet huma: rekwiżiti ġenerali għad-dħul kif speċifikat fl- Admissions Regulations ta’ l-Università ta’ Malta (Education Act (Cap. 327) – ( Admissions Regulations , 1997).

Għajnuna ta' għaġin, galettini u ikel ieħor

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa intitolot għall-għajnuna ta' għaġin, galettini, u dak kollu li jiġi mill-Unjoni Ewropea bħala għajnuna ta' ikel? Kemm fil-fatt tqassmu tunnellati jew kilogrammi ta' affarijiet matul is-sena 2008 u minn Jannar sa Settembru 2009? X'kienu jikkonsistu dawn il-prodotti u kemm-il familja bbenefikat? Jista' jgħid kif intgħażlu dawk li jqassmu dawn il-prodotti u jekk dan ix-xogħol huwiex isir volontarju jew bil-ħlas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninstab infurmat illi sabiex jibbenefikaw minn din l-iskema, l-benefiċjarji jridu jaqgħu taħt waħda jew aktar minn dawn il-kategoriji: · Persuni li m’għandhomx il-possibiltà li jmantnu lilhom infushom u/jew jaqgħu taħt il-livell ta’ għixien bażiku; · Persuni li joqgħodu f’istituzzjonijiet mhux governattivi bla ħlas bħal orfanotrofji, shelters, eċċ. · Persuni li jirċievu assistenza mhux kontributorja tas-sigurtà soċjali li jinkludu, assistenza għall-qagħad, diżabilità u benefiċċji mediċi. Biex dawn il-persuni jkunu inkużi fil-lista ta' dawk intitolati sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw, dawn għandhom jippreżentaw ċertifikat maħruġ mid-Dipartiment responsabbli mis-Servizzi Soċjali lill-Kappillan jew lill-Organizzazzjoni responsabbli mit-tqassim ta’ dan l-ikel. Fil-preżent l-organizazzjoni respopnsabbli mit-tqassim f'Malta hija il-YMCA, filwaqt għal Għawdex hemm il-Caritas. Il-prodotti mogħtija mill-Unjoni Ewrpea li tqassmu kienu żokkor, għaġin, ross, ħalib u yogurt u mill-1 ta' Jannar 2008 sa Settembru 2009 tqassmu dawn il-kwantitajiet: · 339.7 tunnellati zokkor · 57.4 tunnellati għaġin · 20 tunnellata ross · 112,500 tazza tal-yogurt Huwa stamat li f'dan l-istess perjodu ibbenifikaw madwar 20,500 persuna minn dan it-tqassim. L-amministrazzjoni ta' tqassim issir minn għaqdiet voluntarji tal-karitá u fil-bidu ta’ kull sena joħroġ avviż biex dawk l-organizazzjonijiet ta' karita li jkunu iridu jieħu sehem fit-tqassim tal-prodotti, jkun jistgħu japplikaw fl-Aġenzija tal-Pagamenti fi ħdan il-Ministeru. Għalkemm ix-xogħol isir fuq bażi volontarja, il-Gvern Ċentrali jgħin fl-ispejjeż amministrattivi biex isir dan it-tqassim billi jissussidja l-ispejjeż amministrattivi sa massimu ta’ 1% tal-valur tal-prodotti, u 4.5% fuq spejjeż tat-trasport.

permess għall-ġarr ta' mejtin bis-servizz tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni/ kumpaniji ġodda bejn Jannar u Settembru 2009 li applikaw sabiex jingħataw permess ħalli huma ukoll jibdew iġorru l-mejtin bis-servizz tal-karozzi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-Diviżjoni għall-Kummerċ (TLU) irċeviet applikazzjoni waħda għal-liċenza ta' Attiivitajiet funebri u dawk relatati, liema liċenzja ġiet mogħtija.