Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — funzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rowl għandha llum il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fil-qasam mediku?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li r-rwol tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi jikkonsisti fl-immaniġġjar tal-proġetti kapitali u ‘operations and facilities management’ fil-qasam tas-Saħħa.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha staff jaħdmu magħha l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, jekk is-salarju li jitħallsu bih huwiex fuq l-istess linji li jitħallsu bih għall-istess xogħol l-istaff taċ-Ċivil? Kemm għandha budget din il-Fondazzjoni għas-sena 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għandha jaħdmu magħha erba’ mija u disgħa u erbgħin impjegat (449). Minn dawn aktar minn erba’ mija jaħdmu fl-isptarijiet tal-Gvern (Zammit Clapp, Mater Dei u Monte Carmeli) u f’fergħat oħra tad-Dipartimenti tas-Saħħa. Is-salarji ta’ l-impjegati li jaħdmu direttament mal-Fondazzjoni mhumiex fuq l-istess linji taċ-ċivil filwaqt li s-salarji ta’ l-impjegati li jaħdmu fl-isptarijiet minbarra id-diretturi u l-financial controllers huma simili ħafna għal dawk taċ-ċivil ħlief għal xi differenzi li jirriżultaw mill-Collective Agreements milħuqa ma' l-unions rispettivi abbażi tal-Wages Regulations Order ta’ l-Industrial Employment Regulations Act. Il-Budget tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi hu ta' €1,200,000. Din it-tweġiba ġiet ikkoreġuta bid-dokument Nru. 4530 li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta 213 tat-3 ta' Mejju 2010.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi fil-qasam mediku tħaddimx staff magħha biex jagħtu servizz lill-pazjenti rikoverati fis-swali tal-Isptar Mater Dei u sptarijiet oħra? Jista' jgħid jekk dawn il-ħaddiema humiex impjegati b'xi kuntratt partikolari u jekk għandhomx l-istess kundizzjonijiet tal-ħaddiema fil-grad tagħhom? Jista' jgħid kif isir l-ingaġġ tal-ħaddiema mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, jekk hux b'xi sejħa pubblika? Jista' jgħid kif il-pubbliku jiġi nfurmat li tkun ħarġet sejħa sabiex jimtlew dawn il-postijiet vakanti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għandha staff magħha li jagħtu servizz lill-pazjenti rikoverati fl-isptarijiet tal-Gvern. Dawn il-ħaddiema huma impjegati b’kuntratt partikolari u waqt li wħud minnhom għandhom l-istess kundizzjonijiet tal-ħaddiema fil-grad tagħhom, oħrajn għandhom kundizzjonijiet marbuta ma Collective Agreements maqbula ma unions partikolari. Ġeneralment dawn il-kundizzjonijiet huma simili bħal dawk fis-Servizz Pubbliku għalkemm hemm xi differenzi li jirrizultaw mill Wages Regulations Order ta’ Employment Industrial Relations Act. L-ingaġġ ta’ dawn il-ħaddiema mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi jsir skont il-proċedura u r-regolamenti mħaddma mill-Korporazzjoni ta’ Xogħol u Taħriġ.

Residenza San Vinċenz de Paule — Karozza tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8477 u 7597 u jgħid kemm huma frekwenti l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn ħdejn ir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule? Dawn il-karozzi tal-linja jkunu low floor jew normali? Dawn ikunu aċċessibbli biex anzjani li jkollhom problemi ta' mobilità jkunu jistgħu jaċċessawhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li fil-preżent hemm tlett rotot li jgħaddu minn ħdejn ir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule, li huma r-rotot bin-numri 35, 38 u 138. Infurmat ukoll li r-rotta 35 għandha frekwenza ta’ kull nofs siegħa, filwaqt li r-rotot 38 u 138 għandhom frekwenza ta’ kull siegħa. Fil-preżent, uħud mill-karozzi tal-linja li joperaw fuq dawn ir-rotot huma tat-tip low floor, għalhekk mhux is-servizzi kollha illum huma huma aċċessibbli għall-persuni bi problemi ta’ mobilità. Ta’ min jinnota li bl-introduzzjoni tas-servizz il-ġdid tat-trasport pubbliku, l-vetturi kollha li jipprovdu dan is-servizz eventwalment se jkunu aċċessibli għal persuni bi problema ta’ mobilità.

Santa Margerita l-Mosta — Triq Dawret il-Wied - bus shelter

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex il-bus shelter li hemm fi Triq Dawret il-Wied fiż-żona ta' Santa Margerita l-Mosta jinbidel u jsir aktar modern u bla periklu għat-tfal tal-iskola u n-nies li jagħmlu użu minnu? Dan il-bus shelter qiegħed bil-maqlub ta' dak li hemm bżonn fejn id-daħla tiegħu tinstab fuq triq dislivellata u għalhekk mhuwiex aċċessibbli u jista' jkun ta' periklu għal min jaċċessah?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li l-modifiki meħtieġa fuq il-bus shelter in kwistjoni saru.

Sptar Mater Dei — Statistika ta' kemm ġie jiswa l-bini ta' l-isptar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 12225 u 10507 u jagħti statistika finali ta' kemm ġie jiswa finalment l-bini tal-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid jekk dawn l-ispejjeż humiex kollha imħallsin jew jekk inkella għadx fadal dejn x'jiġi imħallas? Kemm kienet oriġinarjament l-ispiża u jekk sarx studju li identifika fejn kellhom jitħallsu iktar flus għal dak li kien proġettat li ghandu jsir b'irħas? Għaliex kien hemm differenza bejn dak li kien maħsub li se jsir u fil-fatt dak li kien sar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Sakemm jiġi konkluż il-project closure agreement bejn il-Gvern u Skanska SMJV ma tistax tingħata l-istatistika finali ta’ kemm ġie jiswa l-proġett tal-Isptar Mater Dei. L-istatistika finali ta’ kemm ġie jiswa l-proġett tal-Isptar Mater Dei tkun tista’ tingħata sat-Tnejn 3 ta’ Mejju 2010.

Ċimiterji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu budget ħalli jsiru tiswijiet u arranġamenti fiċ-ċimiterji kollha ta' Malta, ċimiterju, ċimiterju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li budget għas-sena 2010 ħalli jsiru tiswijiet u arranġamenti fiċ-ċimiterji ta’ Malta jammonta għal €35,000 u dan jintuża skont il-ħtiġijiet u mhux allokat għal ċimiterji partikolari.

Ċimiterju tar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata l-ordni ħalli fiċ-Ċimiterju tar-Rabat, Malta, tibda tintuża l-parti li nbniet l-aħħar u jibdew it-tiswijiet u l-arranġamenti neċessarji fil-parti l-antika?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li xogħolijiet fiċ-ċimiterju Sta Margerita, Rabat (il-parti l-antika) nbdew fix-xahar ta’ Frar. Ix-xogħol jikkonsisti f’xogħlijiet fuq il-faċċata kif ukoll livellar u tibdil tal-kaptelli tal-qobra li qiegħdin fuq quddiem taċ-Ċimiterju. Ix-xogħol fuq il-kaptelli jista’ biss isir meta l-qobra jkunu vojta. L-estenzjoni taċ-ċimiterju tista’ tintuża meta jkun hemm il-bżonn.

Ċimiterju tar-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet li jinbena ċimiterju ġdid għar-residenti Rabtin li jkunu jridu jindifnu ġewwa ċ-ċimiterju tar-Rabat Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li preżentament m’hemm l-ebda ħsieb li jinbena ċimiterju ġdid fl-inħawi tar-Rabat, Malta. Bl-estenzjoni taċ-ċimiterju hemm biżżejjed oqbra għall-bżonnijiet tar-Rabtin. Tali deċiżjoni tista' tiġi rikonsidrata meta jinħass li jkun hemm il-bżonn.

Użu ta' krematorju

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li l-katavri tal-għeżiez tagħna nkunu nistgħu nagħmlu użu minn krematorju u mhux nidfnuhom bil-mod tradizzjonali li aħna mdorrijin bih?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li fil-pjanijiet tal-estenzjoni taċ-ċimiterju ta’ Sta Marija Addolorata hemm post allokat għall-bini ta’ krematorju iżda l-gvern m’għandux l-intenzjoni li jibni jew jamministra krematorju f’dan l-istadju. Rikjesti għal bini u amministrazzjoni ta’ krematorja privati jiġu kkonsidrati.

Proprjetà mixtrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2009 kemm inxtraw djar mingħand il-privat li sar użu pubbliku minnhom? Jekk ma nxtrax l-ebda proprjetà, tista tgħid kemm inkriet proprjetà u kemm nefaq il-Gvern fuq il-kiri ta' din il-proprjetà matul l-istess żmien?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena 2009, l-Awtorità tad-Djar la xtrat u lanqas iffirmat l-ebda kuntratt ta’ kiri ta’ appartamenti mingħand is-settur privat.
Leg 11 PQ #14132 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema maċ-Ċivil inkarigati b'mod uffiċjali

Question

Jekk ikun hemm grupp ta' ħaddiema li jaħdmu fiċ-Ċivil u ma jkun hemm ħadd minnhom inkarigat b'mod uffiċjali, jista' l-Prim Ministru jispjega min huwa responsabbli uffiċjalment ta' dak il-grupp u min irid iwieġeb bħala in charge ta' dan il-grupp ta' ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku dejjem hemm xi ħadd inkarigat, anki jekk dan ikun is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru.
Leg 11 PQ #14133 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Promozzjonijet fiċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu promozzjonijiet fiċ-ċivil matul is-snin 2008 u 2009? Jista' jgħid f'liema setturi kienu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2008 u s-sena 2009 kien hemm rispettivament 1371 u 1917 promozzjoni ta’ Uffi ċċjali Pubbliċi minn grad/pożizzjoni għal grad/pożizzjoni ogħla fis-Servizz Pubbliku fi ħdan is-Setturi kif elenkati fil-lista li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Dawn il-promozzjonijiet saru wara perjodu ta’ servizz sodisfaċenti skont id-diversi ftehim li jirregolaw kull klassi tas-Servizz kif miftiehma bejn il-Gvern u l-Unions jew b’riżultat ta’ sejħiet t’applikazjonijiet minn ġewwa s-Servizz u f’ċerti każijiet minn barra.
Leg 11 PQ #14134 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nies ġodda maċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies ġodda maċ-Ċivil matul is-sena 2009 u f'liema gradi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 14693.
Leg 11 PQ #14135 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

bżonn ta' ħaddiema maċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm bżonn iktar ħaddiema maċ-Ċivil biex ikun hemm il-full complement? F'liema karigi hemm bżonn dawn il-ħaddiema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fis-Servizz Pubbliku jimtlew dawk il-postijiet u dawk il-pożizzjonijiet ad hoc skont il-ħtiġijiet tas-Servizz u l-prioritajiet tal-Amministrazzjoni, minn żmien għal żmien, hekk kif identifikati u miftehma waqt il-capacity building fora li jsiru regolarment bejn il-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeri konċernati.

Qorti tal-Ġustizzja — każi maqtugħin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqatgħu kawżi b'mod globali mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena 2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fuq il-website http://www.mjha.gov.mt/services/courtservices u qed inqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.

Karozzi tal-Pulizija — VRT

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta ċ-ċertifikati tal-VRT tal-karozzi li jagħmlu użu minnhom il-Pulizija? Veru li hemm karozzi li jridu jużaw il-Pulizija fil-qadi ta' dmirijiethom li lanqas il-hand break ma jaħdem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull vettura tal-Korp tiġi sottomessa għall-eżami tal-VRT u kull waħda li marret għat-test ġiet debitament ċertifikata. Dan it-test isir fuq perjodu regolari. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ta’ min jispjega illi l-Korp tal-Pulizija għandu sezzjoni apposta għat-tiswijiet tal-vetturi tal-Korp. Infurmat illi din is-sezzjoni hija mgħammra bl-għodda, mezzi u faċilitajiet kollha li titlob is-sengħa, għalhekk meta vettura tal-Korp tiżviluppa xi ħsarat, huwa d-dmir ta’ min ikun qed jagħmel użu minnha sabiex jara li din għandha tiddaħħal f’din is-sezzjoni sabiex tissewwa.
Leg 11 PQ #13880 Sitting 204 2010-03-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skrivani ġodda maċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jimpjega skrivani ġodda maċ-Ċivil? Meta hemm il-ħsieb li toħroġ din is-sejħa u xi kwalifiki jrid ikollhom il-kandidati biex ikunu eliġibbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ sejħa t’applikazzjonijiet li ħarġet fil-gażżetta tal-Gvern fl-20 ta’ Novembru 2009 għall-ingaġġ ta’ Skrivani ġodda fis-Servizz Pubbliku li turi l-kriterji ta’ eliġibilità, liema kriterji huma miftiehma mal-union/s pertinenti.

Pilloli out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pilloli out of stock matul is-sena 2009? Liema kienu u kemm damu out of stock kull tip separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li meta wieħed jistaqsi fuq out of stock items dan irid jiddentifika fejn kien l-istess item out of stock. Dan minħabba, li item partikulari seta’ kien out of stock f’berġa ta’ raħal, imma in stock f’kull lokalità oħra li jitqassam minnu l-istess item. Madankollu, għall-informazzjoni tal-Onorevoli Interperlant, u għall-iskop tar-risposta qed nidentifika lista ta’ items li kienu f’xi darba jew oħra f’xi ġurnata mit-365 li kien hemm fis-sena 2009 bħala out of stock mill-Main Store. Ir-raġunijiet għaliex item kien out of stock kienu minħabba xi wieħed minn dawn ir-raġunijiet: (a) Supplier ma wassalx l -item fil-perjodu rikjest mill-Kuntratt, jiġifieri late delivery. IL-Kuntrattur identifikat qed ikun ikkontestat minn xi bidder ieħor u għaldaqstant kien hemm proċedura ta' appell u il-kuntratt il-ġdid ma ingħatax; (b) Sejħiet għall- tenders li għal raġunijiet varji m'inħarġux fil-ħin; (c) Nuqqas ta’ maniffatura ta’ item partikulari. F’dan il-każ, mhux Malta biss ma kellix min dan il-prodott; (d) Sejħiet ta’ tenders li ġew ikkanċellati minħabba raġunijiet validi inkluż li l- bidders ma ssodisfawx ir-rekwiziti meħtieġa tat- tender. Ninsab infurmat li l-pilloli li qegħdin fuq il-Formularju u li kienu neqsin mill-Istores tad-Dipartiment tas-Saħħa [Taqsima tal-Procurement] fis-sena 2009 kienu kif jidher fil-lista hawn taħt: ACETAZOLAMIDE 250MG TABLETS AMILORIDE E' HYDROCHLORTHIAZIDE AMLODIPINE 10MG TABLETS AMLODIPINE 5MG ASCORBIC ACID 100 MG TABLETS ASPIRIN 75MG TABLETS –‘no longer procured’ BENDROFLUAZIDE 5MG TABLETS BROMOCRIPTINE 2.5 MG TABLETS CALCIUM FOLINATE 15MG TABLETS CAPTOPRIL 25 MG TABLETS CARVEDILOL 6.25MG TABLETS CHLORAMPHENICOL 250 MG TABLETS CLOZAPINE 100MG TABLETS CLOZAPINE 25MG TABLETS DANAZOL TABLETS DANTROLENE 25MG DAPSONE 100MG DOXAZOSIN 1MG TABLETS DOXAZOSINE 2MG TABLETS ETHOSUXAMIDE 250MG TABLETS FERROUS SULPHATE 325MG TABLETS FRUSEMIDE 500MG TABLETS GLYCERYL TRINITRATE 500MCG TABLETS HALOPERIDOL 1.5MG HALOPERIDOL 5MG TABLETS LISINOPRIL 10MG TABLETS LISINOPRIL 5MG TABLETS MEDROXYPROGESTERONE 5MG TABLETS METHYLDOPA 250MG TABLETS NALIDIXIC ACID 500MG TABLETS NIFEDIPINE 10MG MR TABLETS OXCARBAZEPINE 150MG TABS PHENINDONE 50MG TABLETS PRAZOSIN 2MG TABLETS PRAZOSIN 500MCG TABS (HYPOVASE) PROPAFENONE 150MG TABLETS ROPINEROLE 5MG TABLETS SIMVASTATIN 10MG STILBOESTROL 5MG STILBOESTROL 5MG TABLETS SULPHADIAZINE 500MG SULPIRIDE 200MG TABLETS TOPIRAMATE 200MG TABLETS TOPIRAMATE 50MG TABLETS VENLAFAXINE 37.5MG TABLETS VERAPAMIL SR 240MG TABLETS VITAMIN A & D TABLETS Is-sistema eżistenti ma tippermettix li tinħareġ informazzjoni dwar kemm damet out of stock kull tip ta’ pillola separatament.

Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-persuna li tgħix fil-Mosta tagħmel użu miċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, Malta jew xi ċentru tas-saħħa ieħor, minkejja li fil-Mosta diġa' hemm ċentru tas-saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li f’każ ta’ urġenza, kullħadd għandu l-faċilità li jagħmlu użu miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha u mhux biss minn dik tal-lokalità tagħhom. L-istess japplika f’każijiet umanitarji basta l-pazjent ikollu permess bil-miktub mid-Direttur tas-Saħħa Primarja. Madankollu r-rikomandazzjonijiet u l-etika professjonali teżiġi li l-persuni kollha jinqdew miċ-ċentru tas-saħħa tal-lokalità tagħhom minn fejn jistgħu jiġu segwiti aħjar peress li fiċ-ċentru tas-saħħa tal-lokalità tagħhom ikun hemm l-istorja medika tagħhom, kif ukoll testijiet u riżultati oħra.