Legislature:
Category:
Reset
Active:

ilmenti fil-customer care ta' kumpaniji li jipprovdu dawl u ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti fil-customer care tal-kumpanija li tipprovdi s-servizz tad-dawl u l-ilma dwar il-kontijiet? Jista’ jgħid kemm kien hemm ilmenti fil-customer care tal-Ministeru tiegħu dwar kontijiet għoljin u barra minn lokhom?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

nies eżentati milli jħallsu l-kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nies li huma eżentati milli jħallsu l-kontijiet tad-dawl u ilma? Jista’ jgħid fuq liema kriterji dawn in-nies huma eżentati u kemm jistgħu jikkonsmaw dawl b’xejn kull xahar?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li ħadd mhu eżentat milli jħallas l-kontijiet tad-dawl u ilma però hemm min jingħata sussidju mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali permess ta’ ‘Energy Vouchers’. Aktar informazzjoni tista’ tingħata mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali.
Leg 11 PQ #16001 Sitting 228 2010-05-26 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Regolamenti tal-ħaddiema taċ-ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk illum il-ġurnata, Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea għandhiex regolament fejn jgħidu li jekk ikun hemm xi ħaddiem maċ-ċivil li ilu jaħdem u jokkupa kariga għal iktar minn tlett snin, issa minħabba r-regolament li rridu nsegwu, dak il-ħaddiem b'mod awtomatiku jieħu dak il-grad li qed jaħdem fih? Jista' jispjega kif din is-sitwazzjoni u regolamenti ġodda se jaffettwaw lill-ħaddiema taċ-ċivil? Jekk dawn ir-regolamenti huma minnhom, fejn irid japplika dak il-ħaddiem li qiegħed jokkupa kariga sabiex jingħata dik il-kariga b'mod uffiċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda direttiva tal-Unjoni Ewropea li tgħid li jekk ħaddiem jokkupa kariga għal aktar minn tlett snin, dan il-ħaddiem jieħu dak il-grad li qed jaħdem fih b’mod awtomatiku. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jekk jogħġbu jispeċifika aktar fid-dettal.

permess mhux maħruġ għal irdieden tar-riħ

Question

Wara t-tweġiba parlamentari li ta l-Ministru fis-seduta parlamentari tal-22 ta' Marzu , 2010 dwar irdieden tar-riħ u l-permessi relatati magħhom, fejn huwa stess qal li kien hemm applikazzjoni waħda biss li ma ngħatatx permess biex titwaħħal u tibda topera fl-aħħar sena, jista' l-Ministru jgħid għaliex u x'kienu r-raġunijiet li ġabet l-awtorità konċernata biex dan il-permess ma joħroġx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-Onor Interpellant qed jirreferi għal-mistoqsija parlamentari 12964 u għalhekk nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #16003 Sitting 228 2010-05-26 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kwalifiki għal restawratur

Question

B'referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 13808, jista' l-Minsitru jgħid il-grad ta' Mastru li għalih isir kors ta' 4 snin mill-MCAST fejn jikkwalifika fir-restawr u x'responsabiltajiet għandu quddiem il-liġi Maltija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-grad ta’ Mastru huwa l-għola grad fil-qasam vokazzjonali jasal sar-raba’ livell ta’ kwalifika skont il-European Qualification Framework. Ir-responsabbilitajiet li għandu l-Mastru quddiem il-liġi Maltija huma kif indikat fil-Cultural Heritage Act jiġifieri jista’ jaħdem fuq xogħol ta’ restawr taħt is-superviżjoni ta’ persuna li għandha l-warrant.

early school leavers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm early school leavers matul is-snin 2007,2008, 2009 ? Mil-liema skejjel kienu u jekk tista' tikkategorizza l-età li kellhom meta telqu l-iskola u kemm fallew skola qabel l-età obbligatorja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #15879 Sitting 227 2010-05-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Persuni li jagħmlu manutenzjonijiet fis-siti storiċi u mużewijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies li x-xogħol tagħhom huwa li jagħmlu manutenzjoni f'siti u mużewijiet f'Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm 22 impjegat li jaħdmu fil-manutenzjoni f’siti ta’ Heritage Malta (sitta f’Għawdex & sittax f’Malta).

benefiċċji tal-qagħad

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-benefiċċju tal-qagħad għal raġel miżewweġ u għal ġuvni jew xebba? Tista' tgħid kemm ilu ma jiġi rivedut dan il-benefiċċju? Tista' tispjega kif jinħadem u jekk b'dan il-benefiċċju b'kollox l-individwu jibqax fil-poverty line?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għas-sena kurrenti r-rata ta’ benefiċċju għall-qagħad għal ġenitur singlu jew persuna miżżewġa li qed tmantni lill-konjuġi li ma tkunx impjegata full time hi ta’ €10.85 kuljum filwaqt li għal kull persuna oħra hi ta’ €7.10 kuljum. Fejn il-persuna kkonċernata tissodisfa t-test tal-mezzi għall-intitolament għall-għajnuna soċjali, r-rata dovuta tiżdied għal €18.22 u €11.90 kuljum rispettivament. Ir-rati msemmija jiżdiedu kull sena u nikkonferma ukoll li min jirċievi l-benefiċċju imsemmi jista’ jikkwalifika wkoll għall- allowance tat-tfal u/jew għall-għajnuna supplimentari u għaldaqstant għall-benefiċċju tal-Enerġija wkoll. Il-benefiċċju tal-qagħad huwa wieħed kontributorju u għaldaqstant, jingħatax il-benefiċċju jew le, jiddependi jekk il-persuna kkonċernata ħallsitx 50 bolla matul il-ħajja tax-xogħol tagħha, u medja ta’ għoxrin bolla fl-aħħar sentejn qabel is-sena li fiha saret it-talba għall-benefiċċju msemmi. Għaldaqstant bis-saħħa ta’ dawn il-benefiċċji l-individwu ma jaqax below the poverty line .

Blue card għal nies bi bżonnijiet speċjali

Question

Tista' l-Ministru tispjega xi trid tagħmel persuna bi bżonnijiet speċjali li jkollha l-card il-blu għal żmien twil u f'daqqa waħda titteħdilha? Tista' tgħid minn min huwa kompost il-bord li quddiemu jidhru l-pazjenti, li liema bord jiddeċiedi jekk iġeddidx il-kartuna l-blu jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità (KNPD) jibgħat ittri lill-persuni b'diżabilità li jkollhom il-Blue Sticker skaduta u ma talbux biex din tkun imġedda. Dawn il-persuni jingħataw data sa meta jridu jew jirritornaw l-Blue Sticker il-qadima (jekk m'għadx għandhom bżonnha) jew japplikaw għaliha mill-ġdid sabiex jarahom it-tabib tal-KNPD fuq il-kriterji li jintużaw għall-iskema Ewropea tal-Blue Sticker (ara d-dokument mehmuż). Dawk il-persuni b'diżabilita' li ma jinfurmawx bl-għażla tagħhom sad-data li tingħatalhom (li tkun madwar 15-il ġurnata), jintbgħatu d-dettalji tagħhom lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jieħdu ħsieb jinġabru mill-pulizija tad-distretti rispettivi, minħabba li l- Blue Sticker hu dokument li joħroġ mill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-KNPD jkollu persuni b'diżabilità li ma jikkwalifikawx. Għaldaqstant il- Blue Sticker l-antika tkun trid tiġi rritornata lill-KNPD. Kull persuna b'diżabilità tista' tappella għad-deċiżjoni tat-tabib. Il-Bord tal-Appelli huwa mmexxi mill-Kummissarju tal-Pulizija. Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kriterji li jintużaw għal din l-iskema.

servizz tad-dentisti

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jew jiċħad jekk is-servizz tad-dentisti huwiex se jitħeħħa mill-bereġ u jibda jingħata minn ċentru wieħed biss? Jista' jispjega r-razzjonal wara dan kollu? Jaħseb li permezz ta' hekk is-servizz tad-dentistrija se jsir iktar effiċċjenti jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizzi tad-dentistrija fid-Dipartiment tas-Saħħa Primarja qatt ma kienu jingħataw mill-bereġ imma miċ-Ċentri tas-Saħħa. Sabiex jintlaħqu l-istandards stipulati minn direttivi tal-Unjoni Ewropeja, jeħtieġ li jsir titjib fl-apparat li jintuża biex jiġi provdut dan is-servizz mid-dipartiment tas-Saħħa Primarja. Għalhekk sakemm isir it-tibdil indikat fiċ-Ċentri tas-Saħħa, is-servizz tad-dentistrija qiegħed jingħata temporanjament mill-Isptar Mater Dei. Din mhix kwistjoni ta’ effiċjenza, imma pass meħtieġ sabiex is-servizz tad-dentistrija jingħata skont l-istandards spipulati fid-direttivi tal-Unjoni Ewropeja.

servizzi fil-bereġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jingħataw servizzi fil-bereġ/polikliniċi, kemm jattendu nies għal kull servizz u f'liema berġa/poliklinika jingħataw dawn is-servizzi? Jista' jagħti l-lista ta' servizzi ġodda li beħsiebu jdaħħal f'kull berġa/poliklinika fil-perjodu ta' Jannar u Diċembru 2010? Jista' jsemmi jekk għandux f'moħħu li jneħħi xi servizz ieħor mill-bereġ u jagħtih f'xi post ieħor bħalma ġara fil-każ tad-dentistrija?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nixtieq ninforma lil-Onor Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

qtugħ tad-dawl u l-ilma minn kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija responsabbli mill-provvista tad-dawl u l-ilma bagħtet lill-ħaddiema tagħha biex jaqtgħu d-dawl jew l-ilma lil residenti partikolari wara li dawn ikunu naqsu milli jħallsu l-kont tad-dawl u l-ilma bejn Jannar u Diċembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #15837 Sitting 226 2010-05-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar Mater Dei — ITU

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13790 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega jekk meta bħalma ġara din is-sena li l-ITU tal-Isptar Mater Dei tingħata Ġieħ ir-Repubblika, il-ħaddiema li f'dak iż-żmien kienu jagħtu s-servizz tagħhom f'din is-sala jistgħux u għandhomx dritt jibdew iniżżlu wara isimhom il-kliem M.O.M. u dan għax l-ITU mhuwiex il-bini u l-magni, imma huma l-impjegati li jagħmlu s-servizz effiċjenti u tajjeb?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika ġiet mogħtija lit-Taqsima għall-Kura Intensiva skont Artikolu 9 tar-Regoli dwar Unuri, Għotjiet u Dekorazzjonijiet (L.S. 251.01) li kopja tiegħu qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Tajjeb infakkar lill-Onorevoli li qabel ma saret l-emenda fis-sena 2009 rikonoxximent lil grupp f’salt ma kienx possibbli. Fil-motivazzjoni li ġiet ippreżentata waqt iċ-Ċerimonja tar-Repubblika ntqal li l-Midalja ġiet mogħtija bħala rikonoxximent u apprezzament għall-kontribut mogħti mit-Taqsima għall-Kura Intensiva lejn il-pajjiż. Il-Midalja u l-ittri huma simbolu u f’dal każ ma jingħatawx “ad personam” tant li l-President ma jlibbisx il-midalja lil min jirrapreżenta lill-grupp fiċ-Ċerimonja tat-13 ta’ Diċembru.
Leg 11 PQ #15875 Sitting 226 2010-05-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lista' ta' siti storiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tas-siti storiċi li jaqgħu taħt il-patrimonju u l-ħarsien pubbliku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-siti storiċi kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #15876 Sitting 226 2010-05-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Manutenzjoni tal-patrimonju storiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jiġi jiswa lill-kaxxa ta' Malta ż-żamma u l-manutenzjoni tas-siti, mużewijiet u dak kollu li jaqa' taħt il-patrimonju u l-ħarsien storiku?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Heritage Malta, l-Aġenzija Nazzjonali responsabbli miż-żamma tas-siti Storiċi, mużewijiet u kollezzjoni nazzjonali tirċievi fondi mingħand il-gvern ta’ €3,300,000. Il-gvern kien iddeċieda li din l-aġenzija iżżomm ukoll id-dħul mill-biljetti ta’ entratura liema qliegħ ilaħħaq madwar €3,900,000 u qliegħ ieħor li jaqbeż il-€500,000. Minbarra dan il-gvern peress tas-Sezzjoni tar-Restawr jagħmel interventi fuq binjiet storiċi partikularment fuq is-swar. Ta’ min isemmi li l-Gvern permezz ta’ proġetti ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea qiegħed iwettaq numru ta’ proġetti ta’ restawr u konservazzjoni fuq is-swar u siti ta’ tempji neolitiċi.
Leg 11 PQ #15877 Sitting 226 2010-05-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dħul ta' biljetti ta' dħul ta' viżitaturi li jżuru mużewijiet u siti storiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern bejn Jannar u Diċembru 2009 mill-miżata li tiġi mħallsa mill-visitaturi li jżuru mużewijiet u siti storiċi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bejn Jannar u Diċembru 2009, Heritage Malta daħlet Euro 3,923,484 mill-biljetti mħallsa mill-viżitaturi li jżuru mużewijiet u siti storiċi.
Leg 11 PQ #15878 Sitting 226 2010-05-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Siti li jaqgħu taħt il-patrimonju dinji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn siti li jaqgħu taħt il-partimonju dinji kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Malta għandha tliet iskrizzjonijiet fil-lista ta’ Partimonju Dinji tal-UNESCO. Dawn huma: 1. Il-Belt Valletta (1980) 2. L-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni (1980) 3. It-Tempji Megalitiċi (1980 / 1992). Din l-aħħar iskrizzjoni tiġbor fiha sitt tempji preistoriċi: Ħaġar Qim u l-Imnajdra – il-Qrendi, Ħal Tarxien – Tarxien, il-Ġgantija – Xagħra, Għawdex, Skorba u Ta’ Ħaġrat – l-Imġarr, Malta).

Mosta — manutenzjoni neċessarja fuq Triq id-Dawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir il-manutenzjoni neċessarja fi Triq id-Dawr, Mosta, liema triq tinsab fi stat ħażin ħafna u l-ħsara li fiha qed tikkawża ħafna ħsarat fil-vetturi tar-residenti li jagħmlu użu minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li peress li t-triq in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbiltà ta' Tranport Malta nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

National Dementia Strategy Group — inklużjoni tal-mediċini għal Alzheimer's Disease

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu r-rakkmandazzjonijiet tan-National Dementia Strategy Group fir-rigward tal-inklużjoni tal-mediċini għal Alzheimer's Disease fil-lista tal-mard fis-Schedule V?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-Istrateġija Nazzjonali fuq id-Dimenzja għadha fi stadju bikri u għalhekk ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.