manutenzjoni u kura tal-fjuri fir-roundabouts u s-central strips
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm qegħdin jiġu jiswew il-manutenzjoni u l-kura tal-fjuri fir-roundabouts u s-central strips f'Malta u Għawdex u allura kemm ġew jiswew matul is-sena 2009? Jista jagħti breakdown ta' kif qed jintnefqu dawn il-flus?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — vetturi u staff
Question
Jista' l-Ministu jgħid kemm huwa armat id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kemm bħala staff kif ukoll bħala vetturi? X'inhu r-rwol ta' kull staff u ta' kull vettura? Jista' jgħid kemm-il sejħa saret lil dan id-dipartiment matul is-sena 2009?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili hemm 137 ħaddiem full time, 2 studenti u 35 voluntier u għandu 78 vetturi. Infurmat ukoll li d-Dipartiment, matul l-2009, saritlu 5,164 sejħa li 176 kienu sejħiet fittizja.
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli biex jara li l-arloġġi tad-dawl jaħdmu tajjeb u li jaqraw skont kemm ikun qed jiġi kkonsmat dawl? Jeżisti dan is-servizz fil-privat u jekk jeżisti hemm xi awtorità li tapprova dan is-servizz?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Enemalta hija responsabbli li tara li l-meters tad-dawl jirrekordjaw sew il-konsum tal-elettriku. Kull konsumatur jista’ jitlob biex jiġi ċċekjat il-meter tal-dawl tiegħu u l-Enemalta tagħmel dan quddiem il-konsumatur. Dan isir wara li titħallas miżata li tiġi mgħotija lura jekk il-meter jinstab bil-ħsara. L-Enemalta ma tħallix kuntratturi privati biex jittestjaw il-meters.
Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix superviżjoni fuq il-pompi tal-petrol u diesel li jbiegħu l-istess prodott lill-pubbliku ħalli jaraw li l-meter tal-arloġġ jaqra skond kemm il-konsumatur jkun qed jieħu petrol jew diesel? Jekk jeżisti, jista' l-Ministru jippubblika kemm-il inspection saret matul is-sena 2009 u x'kienu r-riżultati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi s-superviżjoni fuq il-pompi tal-petrol u d-diesel taqa taħt ir-responsabilta tal- Malta Standards Authority u għaldaqstant nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet ħalli jaraw li l-ilma li jiġi li hu ddikjarat li huwa tajjeb għax-xorb fil-fatt ikun tajjeb għax-xorb? Jista' l-Ministru jippubblika kemm-il spezzjoni saret matul is-sena 2009? Minn liema sors ta' ilma saret u x'kienu r-riżultati miksuba?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-laboratorju fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma tiġbor u tanalizza kampjuni b’mod regolari l-ilma li qed jingħata għax-xorb fost l-oħrajn dawk minn diversi villaġġi f’Malta u Għawdex. Fl-2009 inġabru 1217 kampjuni mill-villaġġi bħala parti mill-moniteraġġ ta’ sorvelljanza u dak ta’ awditjar stabbiliti mill-att legali 17 ta’ 2009. B’kollox saru 19,830 test fuq dawn il-kampjuni.
Il-gżejjer Maltin huma mqassma f’hekk imsejjħa żoni ta’ kwalita’ ta’ l-ilma. Kull żona hija area ġeografikament li fiha ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem jiġi minn sors wieħed jew aktar u li fiha l-kwalita’ ta’ l-ilma jista’ jitqies li hu approssimament uniformi. B’kollox hemm 19-il żona ta’ kwalita’ kif elenkat fit-Tabella A li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fit-tieni kolonna ta’ din it-tabella hemm imniżżel il-lokalitajiet miġbura taħt kull żona partikolari. It-tielet kolonna mbagħad tiddefinixxi s-sors ta’ l-ilma.
Mill-analiżi li saret fuq id-diversi kampjuni msemmija, jirriżulta li ma kienx hemm problemi ta’ kwalita’ meta wieħed jikkonsidra l-maġġoranza tal-parameteri msemmija fl-att legali 17 tat-2009. Diskrepanzi kienu reġistrati fil-parametri kif muri f’Tabella B li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:Papers Laid - PQ 16567 - 1.docPapers Laid - PQ 16567 - 2.doc
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tiswija saret fil-pajpijiet tal-ilma matul is-sena 2009 f'Malta u f'Għawdex? Jista' jgħid x'jiġri meta jkun hemm ħsara ġewwa pajp li jkun qed jipprovdi l-ilma biex il-poplu jixrob? Jista' jgħid jekk jitteħdux kampjuni biex jaraw li dak l-ilma li joħroġ mill-pajp li jkun inqasam ma jkunx ikkontaminat b'xi mod?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena li għaddiet (2009), il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sewwiet 19,145 ħsara fuq pajpijiet tal-ilma tax-xorb. Minn dawn, ‘il fuq minn 95% kienu ħsarat fuq servizzi tal-ilma, bil-kumplament ikunu tiswijiet fuq mejnijiet tal-ilma.
Meta ssir tiswija ta’ servizz tal-ilma, ir-riskju ta’ kontaminazzjoni huwa zgħir ħafna, peress li l-pressa fil-kanen timbotta l-ilma l-barra u għalhekk diffiċli ħafna li xi materjal estranju jidħol ġol-kanna. Meta jinbidel servizz sħiħ, il-kanna l-ġdida tiġi “flushed out” bl-ilma li fih il-Chlorine, qabel ma din titqabbad mas-sistema eżistenti biex il-ftit riskju ta’ kontaminazzjoni jiġi eliminat.
Meta jissewwa mejn tal-ilma ukoll isir ammont ta’ “flushing out” tal-kanen fejn dan ikun possibbli. Jekk jinħass li hemm riskju ta’ xi kontaminazzjoni, jitpoġġa wkoll ftit trab tal-Chlorine biex dan jispiċċa.
Ta’ min igħid li l-Korporazzjoni toqgħod ferm attenta biex jiġu evitati kontaminazzjonijiet. Fil-fatt jittieħdu diversi kampjuni tal-ilma li jiġu analizzati mil-Laboratorju tal-Korporazzjoni biex jiġi żgurat li l-ilma huwa tajjeb għax-xorb. Fl-2009 inġabru 1,217 kampjuni mill-villaġġi bħala parti mill-monitoraġġ ta’ sorveljanza u dak ta’ awditjar stabbiliti mill-att legali 17 ta’ 2009. B’kollox saru 19,830 test fuq dawn il-kampjuni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet ħalli ċ-ċilindri tal-gass li jixtri l-poplu għall-konsum tiegħu jkunux verament mimlija bil-gass tajjeb għat-tisjir u mhux xi prodott ieħor li jtaqqal iċ-ċilindru u fil-fatt dak il-prodott ma jkunx tajjeb biex jinħaraq? Jista' jgħid minn min isiru dawn l-ispezzjonijiet u kemm saru minnhom matul is-sena 2009? Jista' jgħid x'kienu r-riżultati tal-investigazzjonijiet imsemmija? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-investigazzjonijiet isirux minn xi kumpanija indipendenti jew mill-kumpanija li tipproduċi l-gass fiċ-ċilindri jew le?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi skond il-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-liċenzja għall-importazzjoni l-importaturi huma obbligati li jaraw li l-kwalità tal-Gass Petroleum Likwefatt li jkunu impurtaw tkun tajba.
Minn Jannar 2010 l-Awtorita ta’ Malta dwar ir-Riżorsi bdiet tagħmel spezzjonijiet fuq il-kwalita tal-prodott kemm fil-Qajjenza fejn jiġi bottiljat il-gas kif ukoll f’postijiet oħra fejn jinbiegħ il-gas. Minn dawn l-ispezzjonijiet ma rriżulta l-ebda irregolarita’.
L-Awtorità tal-Istandards hi l-Awtorità responsabbli għall-kejl u l-qisien kollha f’Malta, inkluż il-kwantità tal-gass li wieħed isib fiċ-ċilindri tal-gass li jkunu għall-bejgħ u għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-parti tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma jekk l-antenni tal-mobile phones ta' fuq il-bjut li huma repeaters u l-mobile phones stess jikkawżawx cancer lil min jagħmel użu minnhom u ukoll lil dawk li jkunu fil-viċinanza tagħhom? Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jħares is-saħħa taċ-ċittadin f'dan ir-rigward? Jista' jippubblika l-istudji li qiegħed jagħmel użu minnhom ħalli jagħti t-tweġibiet tiegħu f'dan ir-rigward? Jista' jghid x'effetti għandhom ir-repeaters tal-mobile phones fuq l-ambjent ta' madwarhom ? Jista' jgħid sarx xi studju lokalment biex janalizza l-effett ta' dawn ir-repeaters fuq l-ambjent tal-madwar, fid-dawl li hemm min jista' jixhed li fil-ġnien tiegħu l-anqas għasafar m'għadhom jinżlu wara li fil-viċinanza twaħħlu repeaters tal-mobile phones?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Madliena — GHPS supply stores - items out of stock
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm items out of stock ġewwa l-Government Health Procurement Services Supply Stores tal-Madliena, matul is-sena 2009? Liema kienu dawn l-items u kemm damu out of stock? Jista' jgħid għal liema raġuni kienu out of stock?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Madliena — GHPS supply stores - items out of stock
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm items out of stock ġewwa l-Government Health Procurement Services Supply Stores tal-Madliena matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2010? Jista' jgħid għal liema raġuni dawn kienu out of stock?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-interventi ta' knee replacement u hip replacement laħqux il-massimu ta' interventi fis-sena 2009? Jista' jgħid jekk hemmx ippjanat li jiżdied in-numru ta' interventi matul is-sena 2010? Jista' jgħid jekk hux ippjanat li jiżdiedu dawn l-interventi u x'inhu dan il-pjan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jghid min kien responsabbli mitt-trasmissjoni tal-quddiesa li ċċelebra l-Papa minn fuq il-fosos tal-Furjana nhar il-Ħadd 18 ta' April 2010? Min kien responsabbli mit-trasmissjoni tax-xandir tal-ħin tat-tqarbin peress li jidher li ġab jitqarben min ried hu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Public Broadcasting Services Ltd. (PBS) kienet il-host broadcaster għaż-Żjara tal-Papa. Bħal ma jsir waqt filmati ta’ avvenimenti ta’ din il-kwalità, kien hemm diversi cameras u l-filmat li ttieħed kien dak li wera l-aktar stampa wiesgħa possibli tal-attività.
Żjara tal-Papa f'Malta — kumitat responsabbli mill-protokol
Question
Jista' l-Prim Ministru, mingħajr ma jgħid l-ismijiet tal-persuni, jgħid x'inhuma l-kredenzjali ta' dawk li kienu responsabli mill-aspett ta' protokol taż-żjara tal-Qdusija Tiegħu il-Papa li żar Malta f'dawn l-aħħar ġranet? Dan il-kumitat kien responsabbli mill-protokol ta' xi żjarat oħra ta' livell għoli bħalma kienet din iż-żjara? Xi żjarat kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kumitat Nazzjonali Organizattiv għaż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI kien responsabbli wkoll mill-aspett tal-protokoll.
F’dan il-kumitat kien hemm persuni li ilhom jaħdmu fuq żjarat simili għal diversi snin u għalhekk għandhom esperjenza vasta f’dan ix-xogħol kif ukoll oħrajn li anke għandhom esperjenza fid-diplomazija barra minn Malta u esperjenza fl-Uffiċċju tal-Protokoll f’Malta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kien responsabbli biex jorganizza l-wasla tal-Qdusija Tiegħi l-Papa l-ajruport? Kemm kien hemm mistednin għal din il-wasla? Fuq liema kriterji ġew mistiedna dawn il-mistednin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-Kumitat Organizzattiv Nazzjonali kien responsabbli għaċ-ċerimonja tal-wasla fost l-oħrajn.
Bi ftehim mal-Awtoritajiet tal-Vatikan, ġie deċiż li għaċ-ċerimonja tal-wasla jkun hemm dawn l-awtoritajiet li kellhom jilqgħu uffiċjalment lill-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI kif ukoll ammont ta’ nies oħrajn li jkunu jistgħu jsegwu ċ-ċerimonja.
Għalkemm l-istedina ħarġet mill-kumitat organizzattiv nazzjonali, il-lista tal-mistednin ġiet formulata kemm mill-Kumitat Organizzattiv tal-Gvern kif ukoll mill-Kumitat tal-Knisja u dan kif sar f’kull attività oħra fejn inħarġu inviti.
Iż-żewġ kumitati ħassew li għal din iċ-ċerimonja kellu jkun hemm persuni mill-lista tal-Protokol kif ukoll persuni li b’xi mod jew ieħor kienu involuti fl-organizzazzjoni taż-Żjara tal-Papa fost l-oħrajn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Poliklinika tal-Gżira għandhiex lift biex itella' l-pazjenti fil-berġa jew le? Jista' jgħid jekk din il-klinika titqiesx bħala aċċessibbli jew le? Jista' jgħid jekk hemmx xi klinika jew berġa oħra li mhijiex aċċessibli?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Dwar iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 16183. Peress li dan iċ-Ċentru tas-Saħħa mhuwiex aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali, dawn għandhom il-faċilità li jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana.
Iċ-Ċentri tas-Saħħa l-oħra huma kollha aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali.
Hemm diversi bereġ li jistgħu jitqiesu li m’humiex aċċessibbli. Wara li saru diversi laqgħat bejn uffiċjali tad-Dipartiment u tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilità, ġew identifikati nuqqasijiet fl-aċċessibilità. Ninsab infurmat li sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent, saret rampa tal-injam fil-bereġ tal-Birgu, Għaxaq, Qrendi, Mqabba, Żebbuġ, Dingli, Ħamrun, Santa Venera u Għargħur. Il-berġa taż-Żurrieq ġiet mibnija mill-ġdid u hija aċċessibli għal kulħadd filwaqt li s-servizzi tal-berġa ta’ Tas-Sliema ġew trasferiti għal bini aċċessibli għal kulħadd fil-kunsill lokali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn u liema huma d-Dipartimenti tal-Gvern li huma aċċessibbli u liema m'humiex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma sar ebda accessibility audit tad-dipartimenti tal-Gvern. Madanakollu, il-Gvern jesiġi li kull bini ġdid jew adattament ta’ bini eżistenti biex iservi bħala dipartiment ikun aċċessibbli. Fuq medda ta’ żmien (skont il-prinċipju ta’ progressive realisation li hemm fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità) in-numru ta’ dipartimenti tal-Gvern aċċessibbli qed jiżdied.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-servizzi li joffru l-kliniċi tas-saħħa f'Malta u f'Għawdex? Jekk hemmx il-ħsieb li dawn il-kliniċi jżidu s-servizzi li jagħtu u liema huma dawk is-servizzi li se jżidu matul is-sena 2010? Jista' jgħid jekk hemmx xi servizzi li llum qed jingħataw mill-kliniċi u li se jinġabru f'post wieħed u ċentrali?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Is-Servizzi li joffri d-Dipartiment tas-Saħħa Primarja f’Malta huma:
· Servizz ta’ tabib tal-familja fiċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ,
· Servizz ta’ infermiera,
· Servizz ta’ konsulent tal-mediċina,
· Servizz ta’ infermiera u tabib ġewwa l-iskejjel,
·
Speech Therapy
,
· Fiżjoterapija,
· Radjoloġija (
X-Rays)
,
· Servizz ta’ spiżerija,
· Klinika tal-ġinekoloġija u ta’ wara t-tqala,
· Klinika tat-trabi,
· Klinika tad-dijabete,
· Servizz ta’ optometrija (vista ta’ l-għajnejn),
· Klinika tal-glawkoma,
· Klinika tal-psikjatrija,
· Klinika tal-podjatrija (tar-riġlejn),
· Servizz ta
ECGs
,
·
Customer care
u
· Servizz ta’ taħriġ mediku għat-tobba u infermiera (
Continued Professional Development Unit
).
Matul din is-sena beda s-servizz ta’ Change of Dressing / Wound Clinic b’appuntament fiċ-ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u ta’ Raħal Ġdid. Ġiet miftuħa bħala proġett pilota Health Awareness Clinic fil-Berġa tal-Imtarfa u qed isir studju biex dan is-servizz jiġi estiż għal lokalitajiet oħra f’Malta. Is-servizz ta’
x-rays
ġie estiż bħala proġett pilota fiċ-ċentru tas-Saħħa tal-Mosta sas-7 ta’ filgħaxija. Qed isiru arranġamenti biex fil-futur qarib tiġi ntrodotta sistema ta’
x-rays
diġitali fl-istess ċentru tas-Saħħa tal-Mosta.
Sa issa ma hemm l-ebda deċiżjoni biex xi servizzi li qed jingħataw miċ-ċentri tas-saħħa jinġabru f'post wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-għases li hawn f'Malta u f'Għawdex humiex kollha aċċessibbli? Jista' jgħid kemm-il għassa tkun miftuħa kuljum? Jista' jgħid jekk hemmx għases li ma jkunux miftuħin kuljum?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlib lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11355.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni tal-ħabs illum? Kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm għandha żmien l-iżgħar persuna li hemm il-ħabs u kemm għandu eta' l-ikbar priġunier?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi sal-24 ta' Mejju 2010 il-popolazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kienet ta' 575; 536 irġiel u 39 nisa. Infurmat ukoll illi l-età tal-iżgħar persuna hija ta' 16-il sena filwaqt li dik tal-akbar persuna hija ta' 77 sena.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux courses lill-priġunieri li jkunu qed jiskontaw sentenza ta' priġunerija? Jekk hemm, kemm hemm priġunieri li qed jagħmlu kors bħalissa u f'liema istituzzjoni qegħdin, jekk hemmx in house jew fil-livell universitarju?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin isiru diversi courses kemm akkademiċi bħal per eżempju fil-lingwa Maltija u dik Ingliża, fil-Matematika u fl-ICT, kif ukoll fis-snajja bħal fl-istallazzjoni tal-elettriku, spray painting, carpentry, sheet metal xogħol ta' kostruzzjoni u fit-tisjir. Infurmat ukoll li n-numru ta' priġunieri li jattendu ivarja.