Legislature:
Category:
Reset
Active:

Servizz ta' riabilitazzjoni għall-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jdaħħal servizz ta' riabilitazzjoni għall-pazjenti li jkunu għadhom kemm għaddew minn xi intervent kardjo vaskulari? Meta se jidaħħal dan is-servizz? Kemm se jkun hemm professjonijiet involuti fih? Liema huma dawn il-professjonijiet? Kemm beħsiebu jibda jara pazjenti kuljum u kemm se jiġi jiswa kull sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Skejjel li se jingħalqu

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-iskejjel li se jingħalqu? Għaliex se jingħalqu u x'inhuwa l-ħsieb li jintużaw dawn il-binjiet meta mhumiex se jibqgħu jintużaw bħala skejjel? Veru li fost l-iskejjel li se jingħalqu hemm dik tal-Imtarfa u oħra fir-Rabat Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru għandu pjan għall-bini ta’skejjel ġodda li qiegħed iwassal għal ċaqlieq ta’ studenti. Id-deċizjonijiet jittieħdu b’mod għaqli mingħajr ma jħarbtu l-ħajja skolastika tal-istudenti. Kull sena d-Direttorat jieħu deċizjonijiet dwar liema skejjel sejrin jibqgħu jiffunzjonaw b’mod normali fis-sena skolastika li tkun tmiss. Skola tingħalaq meta d-Direttorat ikun f’pożizzjoni li joffri faċilitajiet edukattivi aħjar għall-istudenti tagħha. Ħafna mill-binjiet se jintużaw għal servizzi amministrattivi u appoġġ lill-iskejjel stess. L-iskejjel sekondarji tal-Imtarfa u tar-Rabat se jingħalqu fis-snin li ġejjin.

Pazjenti fil-bereġ, outpatients, u fl-Isptar

Question

Jista' l-Ministru jikkategorizza l-ammont ta' pazjenti li jmorru fil-bereġ, outpatients u fl-isptar innifsu u jgħid kemm minn dawn il-pazjenti ddaħħlu l-isptar u għamlu użu minn dawn is-servizzi minħabba problemi respiratorji, kardjo vaskulari, pressjoni għolja u ċirkolazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kampanji edukattivi biex in-nies jieklu dieta aħjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-budget tal-gvern għas-sena 2010 biex jagħmel kampanji edukattivi biex in-nies jieklu dieta aħjar? Meta se jibdew dawn il-kampanji u lil min se jipprovaw jilħqu permezz tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Il-kampanja nazzjonali kontra l-obesita’ hija mmirata li tilħaq lill-poplu kollu ta’ Malta u Għawdex. Il-budget allokat għas-sena 2010 huwa ta’ €150,000. Din is-somma tkopri kampanja għal ikel tajjeb għas-saħħa, għażliet għaqlin, id-daqs tal-porżjonijiet, l-attivita’ fiżika u servizzi (weight management classes u aerobics) għal min għandu piż żejjed Il-kampanja diġa bdiet u qiegħda tiġi mqassma matul is-sajf kollu u titkompla sa Novembru 2010

Tqassim ta' frott fl-iskejjel tal-istat

Question

Tista' l-Ministru tgħid il-kampanja tat-tqassim ta' frott fl-iskejjel tal-istat fiex waslet? Kemm qegħdin jitqassmu frott fil-ġimgħa? X'kien l-iskop ta' din l-kampanja? Dan l-iskop qiegħed jintlaħaq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet jistgħu jingħataw mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali bħala paying agents li qed jagħmlu moniteraġġ tal-iskema u l-punti mressqa jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja qiegħed involut biss fil-ġbir ta’ informazzjoni mingħand l-iskejjel u kif l-iskema tista’ tidħol fil-Kurrikulu tal-iskola.

Bombi

Question

Jista' l-Ministu jgħid kemm kien hemm każijiet rapportati ta' bombi li splodew u oħrajn li ma splodewx imma tpoġġew wara bibien in-nies jew ma' xi bini pubbliku matul is-snin 1970-1980, 1980-1990, 1990-2000, 2000-2010? Kemm minn dawn il-każijiet ta' bombi ġew solvuti u min bagħat il-bomba inqbad? Kemm għad hemm każijiet minnhom pendenti u li min bagħat jew għamel il-bomba għadu ma nqabadx?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej:- Sena Numru ta’ kazi ta’ bombi Kazi solvuti 1970 – 1980 41 2 1981 – 1990 69 3 1991 – 2000 58 5 2001 – 2010 21 2 189 12

każijiet ta' delitti mhux solvuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' delitti li kien għadhom ma ġewx solvuti sa Marzu 2010? Jista' jgħid kemm ilhom dawn il-każijiet? Kemm-il vittma kien hemm involut fihom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Rigward l-ewwel u t-tieni parti tad-domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14756. Ninsab infurmat illi f'dawn il-każijiet kien hemm involuti 44 vittma.

Żviluppi ġodda fil-każ ta' qtil

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi ġodda fil-każ tal-qtil tal-Raymond Caruana matul is-sena 2009? Jista' jgħid jekk f'dan il-każ kenux ġew interrogati nies fil-politika jew le?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li l-investigazzjoni dwar dan il-każ għadha mhix konkluża, ma nħossx li tali tagħrif għandu jiġi ppubblikat.

persuni bi problemi ta' pressjoni għolja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li għandhom problemi ta' pressjoni għolja f'Malta u Għawdex? Kemm kien hemm nies li jieħdu l-pilloli b'xejn tal-pressjoni għolja matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Skont l-informazzjoni miġbura mix-Schedule V database, bħalissa hemm 28,998 pazjenti Maltin u 3,205 pazjenti Għawdxin li għandhom problemi ta' pressjoni għolja u jieħdu l-pilloli b'xejn. Fil-mument l-informazzjoni dwar in-numru ta’ nies li jieħdu l-pilloli tal-pressjoni għolja b’xejn matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2010 għadha qed tinġabar.

Studju dwar il-problema tal-pressjoni għolja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li waqqaf kumissjoni nazzjonali biex tistudja dwar il-problema tal-pressjoni għolja fil-poplu Malti u Għawdxi? Jista' jgħid min kienu l-membri li ħadu sehem f'dan l-istudju? Jista' jgħid meta se jippubblika l-istudju u r-rapport finali ta' din l-kummissjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ma twaqqfet l-ebda Kummissjoni Nazzjonali biex tistudja dwar il-problema tal-pressjoni għolja fil-poplu Malti u Għawdxi. Il-pressjoni għolja ġiet identifikata bħala wieħed mill-fatturi ta’ riskju fl-Istrateġija għall-Prevenzjoni u Kontroll ta’ Mard li ma Jittieħedx, u għaldaqstant il-pjanijiet huma li din il-problema tiġi indirizzata f’dan l-ambitu.

statistika fuq kanċer relatat mal-problemi respiratorji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-aħħar statistika uffiċjali li għandna dwar kanċer relatat mal-problemi respiratorji? Jista' jikkategorizza dawn ir-riżultati u jgħid minn liema żona tal-pajjiż dawn il-pazjenti kienu ġejjin?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ir-rati ta’ inċidenza (kull 100,000 persuna) ta’ kanċer tal-pulmun dawn l-aħħar snin (2005-2007) skont ir-reġjuni differenti f’Malta u Għawdex hija kif tidher fit-tabella hawn taħt: Irġiel Nisa Port il-Kbir (S.Harbour) 65.63 7.57 Marsamxett (N.Harbour) 45.37 14.32 Xlokk 63.84 7.35 Punent 70.57 3.80 Tramuntana 43.71 15.06 Għawdex u Kemmuna 38.03 11.26 Total 52.22 10.06

pażjenti bi problemi kardjo vaskulari

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-problemi kardjo vaskulari li qed jifaċċja il-pajjiż b'mod ġenerali? Kemm jikkalkula li hemm pażjenti li għandhom problemi kardjo vaskulari sal-ewwel tliet xhur tas-sena 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

F’Malta ma jinżammx reġistru ta’ mard kardjovaskulari minħabba d-diffikultà biex tinġabar informazzjoni sħiħa dwar il-prevalenza ta’ dan il-mard, ġaladarba ħafna minn dawn il-pazjenti jieħdu l-kura neċessarja mingħand it-tabib tal-familja tagħhom. L-aħjar sors ta’ informazzjoni dwar din ix-xorta ta’ mard li għandu d-Dipartiment għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka huwa stħarriġ Ewropew li jsir darba kull ħames snin fuq kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni adulta ta’ Malta. Skont l-aħħar stħarriġ li sar fl-2008, dawn kienu l-persentaġġi tal-popolazzjoni li jindikaw li jbatu, jew xi darba batew, minn dan il-mard kardjovaskulari. Prevalenza Pressjoni għolja 22% Attakk tal-qalb 3% Mard koronarju 3% Puplesija 1% Sors: European Health Interview Survey, 2008

Problemi kardjo vaskulari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġi jiswa lill-Kaxxa ta' Malta f 'għajnuna u kura li l-istat jagħti li pazjenti li għandhom problemi kardjo vaskulari?

Response (CASSAR, JOSEPH)

M’huwiex possibbli li tinġabar l-informazzjoni mitluba minħabba ir-raġunijiet kif jidher hawn taħt: 1. Hemm firxa wiesgħa ta’ problemi relatati ma’ kundizzjonijiet kardjo vaskulari; 2. F’diversi każi il-problemi kardjo vaskulari huma marbuta ma’ kundizzjonijiet oħra; 3. Minbarra li pazjenti jiġu ttratati bħala inpatients, il-pazjenti bi problemi kardjo vaskulari jiġu segwiti fid-Dipartiment tal-Outpatients, fejn ma jiġux reġistrati id-dijanjożi kliniċi tad-discharge u għalhekk m'hemmx rekord ta’ attivitajiet relatati ma’ problemi kardjo vaskulari.
Leg 11 PQ #11643 Sitting 234 2010-06-08 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Sindki u Viċi Sindki

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn kienu s-sindki u l-viċi sindki li servew kemm ilhom li ġew imwaqqfa l-kunsilli lokali, lokal b'lokal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11643, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #15874 Sitting 234 2010-06-08 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inventarju ta' affarijiet storiċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jinżammx inventarju tal-affarijiet storiċi li għandna f'kull belt u raħal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-bżonn li jsir Inventarju Nazzjonali tal-propjetà kulturali f’Malta ġie stabbilit mill-Att tal-Patrimonju Kulturali. Dan l-Inventarju qed jiġi mfassal mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

perjodu itwal biex jitħallsu l-kontjiet tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li l-kontijiet tad-dawl li qed jintbagħtu għandhom window time biex jitħallsu tal-inqas f'45 ġurnata? Jekk huwa konxju, jista' jgħid x'passi ħa f'dan ir-rigward ħalli l-konsumatur jingħata dan il-perjodu sħiħ li fih ikun jista' jħallas il-kontijiet tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont ir-Regolamenti tal-Provvista ta’ l-Elettriku (ESR paragraph 66, note 3), interessi fuq il-kontijiet jittieħdu minn 15–il ġurnata li joħroġ il-kont, pero’ l-Korporazzjonijiet qed jagħtu 30 ġurnata oħra lill-konsumatur sabiex ikun jista’ jħallas il-kont (b’kollox 45 ġurnata) . Interessi ta’ 6% japplikaw fi 3 każijiet; 1) jekk kont joħroġ fuq readings attwali u ma jitħallasx fi żmien 45 ġurnata; 2) jekk kont hu għal perjodu ta’ sitt xhur, li joħroġ fuq stima, għax l-meter reader ma jkollux aċċess sabiex ikun jista’ jaqra l-miters; 3) jekk il-kont joħroġ fuq readings mogħtija mill-konsumatur u ma jitħallasx fi żmien 45 ġurnata.

palm li ngħataw kura minħabba mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn palm li matul is-sena 2009 kellhom jinħarqu/jinqatgħu jew jingħataw il-kura minħabba l-mard li ħakimhom jew minħabba xi ħaġa oħra? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet l-oħra li minħabba fihom il-palm kellu jinħaraq/jinqata' jew jingħata l-kura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi matul l- 2009 , inqalgħu madwar 776 siġra tal-palm . Dawn inqalgħu minħabba l-marda tar-Red Palm Weevil. Ma jirriżultax lid-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti li palm inqala' minħabba raġunijiet oħra.

Fjuri fit-toroq Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fil-fjuri li nżergħu madwar Malta kollha biex jagħmlu sabiħ u jtejbu l-ambjent fit-toroq Maltin matul is-sena 2010? X'tip ta' fjuri qed jintużaw għal dan il-għan u kemm huwa stmat li ddum ħajja kull tip ta' pjanta li tiġi mħawla?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.