Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #17995 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

spejjeż minħabba l-kaċċa fir-Rebbiegħa

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16559 u ċioe: B'referenza għall-kawżi li l-Unjoni Ewropea għamlet lil Malta rigward il-kaċċa fir-rebbiegħa, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-gvern Malti kemm fl-ispejjeż li kellu jħallas lill-Qorti Ewropea, kif ukoll dawk l-ispejjeż lill-avukat barrani u spejjeż b'konnessjoni ma' biljetti tal-ajru u akkomodazzjoni lid-delegazzjoni Maltija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari numru 16559

irġiel/ġuvintur li jixtiequ jinġabru f'xi home

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hawnx xi post fejn irġiel/ġuvintur jkunu jistgħu jinġabru f'xi home jekk iħossu li ma jistgħux jibqgħu jgħixu waħedhom u għandhom bżonn l-għajnuna? Jekk iva, x'inhuma l-kriterji? Veru li xi ħadd li għandu inqas minn 60 sena ma jista' jidħol fl-ebda home tal-gvern anke jekk dan ikun jixtieq li jagħmel dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ il-Ministru tas-Saħħa u Kura fil-Komunità.

spiza tal-gvern bħala dipartiment fis-servizzi fil-komunita

Question

Tista l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiza tal-gvern bħala dipartiment fis-servizzi fil-komunita fil-2009 u kemm beħsiebu jonfoq fl-2010, 2011 u 2012 fl-istess servizzi? Jekk is-somma hija iktar, f'liema servizzi ġodda se jagħmel din in-nefqa? Jekk in-nefqa hija iktar, għal liema fatturi hija relatata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Serqiet u reati kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm serqiet u reati kriminali oħrajn rapportati lill-pulizija matul is-sena 2009? Jista' jgħid kemm minn dawn ir-reati saru fuq persuni li għandhom iktar minn 60 sena?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2009 in-numru ta' reati kriminali rapportati lill-Pulizija kien jammonta għal 11,953 li minnhom kien hemm 6,843 fuq serq. Infurmat ukoll illi kien hemm 1,469 rapport li kienu jikkonċernaw persuni ta' sittin sena jew aktar li allegatament sfaw vittma ta' reat kriminali.

studji biex jaraw il-minimun wage għadhiex adegwata għall-bżonnijiet tal-lum

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux xi studji biex jaraw jekk il-minimun wage għadhiex adegwata għall-bżonnijiet tal-lum u jekk persuna tkun qed taħdem u taqla' din il-paga hijiex biżżejjed biex ma tgħix f'riskju ta' poverta? Xi pjanijiet għandu l-gvern biex dawk li jaqilgħu din il-paga ma jibqgħux f'dan ir-riskju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma sarx studju speċifiku dwar il-minimum wage madankollu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika (NSO) jiġbor informazzjoni u statistika dwar id-dħul u l-infiq tal-familji. Il-Gvern jagħti diversi miżuri fiskali, benefiċċji, xogħol u opportunitajiet oħra li jgħinu lil persuni u familji li d-dħul tagħhom huwa baxx.

Art fil-Mosta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li hemm inti u dieħel lejn il-Mosta, kif taqbeż il-Knisja ta' San Silvestru fuq in-naħa tax-xellug, li kienet qisha tagħmel parti mill-housing estate tal-Blata l-Għolja imma hija parti maqtugħa minnu u ma ġietx mibnija, hijiex proprjetà privata jew tal-gvern? Jekk din l-informazzjoni ma tistax tingħata, minn fejn tista' tiġi miksuba?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Magazine Style — artiklu fuq nies li jużaw persuni vurnerabli

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-pulizija Maltija fuq it-tagħrif li żvela l-magazine bil-isem ta' Style on Sunday Issue 07, June 2010, fejn Malta ġiet imsemmija bħala post li fih jiġu użati persuni vulnerabli minn persuni oħrajn għal skjavitu tas-sess, fejn ukoll isemmew diversi każijiet u eżempji ta' din l-kriminalità magħrufa aħjar bħala human trafficking?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi dwar il-każijiet imsemmija mill-Uffiċċjal tal-Pulizija intervistat mill-artikolista, l-Pulizija Maltija kienet għamlet l-investigazzjonijiet. B’riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet kienu ittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti. Infurmat ukoll illi f’każ minnhom żewġt irġiel ġew mogħtija sentenza ta’ priġunerija u mara ġiet mogħtija sentenza ta’ ħabs sospiża filwaqt li fil-kaz l-ieħor hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Kriminali kontra erbat irġiel u mara.

Ħlas lil sidien ta' bajjiet privati biex jorbtu l-opri tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed iħallsu lill-gvern jew lil xi awtorità oħra tal-gvern dawn is-sidien il-ġodda li qed jingħataw jew li se jingħataw bajjiet bħal dik tal-Fekruna biex delettanti tal-opri tal-baħar jkunu jistgħu jibdew jorbtu mal-mollijiet jew bagi li jipprovdi dan il-kuntrattur u mhux ma' dawk li mdorrija jagħmlu huma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sal-lum ma ġie ffinaliżżat l-ebda kuntratt għall-immaniġġjar ta' rmiġġi (organised mooring areas).

Bajjiet u portijiet fejn jintrabtu l-opri tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bajjiet u l-portijiet kollha humiex se jingħataw lill-privat biex dan jagħmel negozju minnhom ħalli delettani u persuni privati li għandhom qxur tal-baħar ikollhom bilfors jagħmel użu mis-servizzi li jagħtu dawn il-kuntratturi u mhux jagħmlu huma il-mażżra u l-baga li jorbtu il-qxur tal-baħar magħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18349.

Kundizzjonijiet lill-kuntratturi dwar irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jagħti tagħrif dwar il-kondizzjonijiet tal-kuntratt li huwa bħala gvern jew xi awtorità f'ismu qed tagħmel ma' dawn in-negozjanti l-ġodda li qed jieħu bajjiet sħaħ ħalli jagħmlu irmiġġi għal dawk id-delettanti li jkunu jridu jagħmlu użu minnhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-negozjati mal-operaturi li ġew identifikati sabiex jorganiżżaw żoni marittimi għall-irmiġġ għadhom mhux konklużi.

Opportunità biex dilettanti jorbtu l-qxur tal-baħar tagħhom mal-irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jagħti opportunità lid-delettanti li s-soltu jorbtu l-qxur tal-baħar tagħhom ma' irmiġġi li jieħdu ħsieb kollox huma għall-ispejjeż tagħhom, li dawn jinġabru f'xi bajja partikolari u jkunu jistgħu jkomplu jagħmlu l-istess prattika li għal snin sħaħ ilhom jagħmlu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-prattika li jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hi permessibbli u possibbli.

proġetti infrastrutturali ppjanati li jsiru

Question

Jista' l-Ministru jelenka l-lista ta' proġetti infrastrutturali li għandu ppjanati li jsiru bejn Ġunju u Settembru 2010?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-proġetti kapitali ta’ dan il-Ministeru huma proġetti pjuttost kbar, ix-xogħol fuqhom ikun jestendi ħafna aktar mit-tliet xhur li semma l-Onor. Interpellant.

ċentru tar-riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux f'moħħu li jsir ċentru tar-riabilitazzjoni li jservi ħalli jgħin lil pazjenti li jkunu għaddew minn xi operazzjoni kbira bħal Coronary Artery Bypass Grafting eċċ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li diġa jeżisti servizz ta' riabilitazzjoni għall-pazjenti li jkunu għadhom kemm għaddew minn xi intervent kardjo vaskulari. Dan is-servizz jiġi offrut lil dawk il-pazjenti li jgħaddu minn bypass surgery u huwa provdut permezz ta’ infermiera u psikoterapista. Dan is-servizz jagħti riżultati pożittivi ħafna u hemm il-ħsieb li jiġi estiż ukoll għal dawk il-pazjenti li jkollhom Myocardial Infarction u dawk li jgħaddu minn Angioplasty meta r-riżorsi meħtieġa, fosthom infermiera, ikunu disponibbli. Apparti minn hekk, inbdiet Cardiac Failure Clinic , li titmexxa mit-tobba u l-infermiera tal-Cardiac Lab. Din il- clinic toffri servizz lil aktar minn 100 pazjent.

intervista dwar il-kundizzjoni Alzheimer

Question

Jista' l-Ministru jispjegali l-anamolija bejn ir-risposta li tani fuq in-National Dementia Strategy Group, fejn qed jgħid li dan għadu fi stat bikri, u intervista li ta ċ-chairperson tal-grupp lil Alzheimer’s Europe u li qiegħda online fuq il-website tal-Alzheimer Europe, fejn dan qed jgħid li l-istrategija ġiet ippreżentata lill-awtoritajiet tas-saħħa f-Jannar 2010, u f’intervista lil Cynthia Busuttil ta’ The Times u li ġiet ippublikata fl-17 ta’ Marzu 2010 jgħid li waħda mill-għaxar rakmandazzjonijiet ta' grupp hija li tingħata l-kura b’xejn għall-Alzheimer’s?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-National Dementia Strategy Group issottometta dokument bi proposti li ġew ippreżentati lill-awtoritajiet tas-Saħħa f’Jannar 2010. Dawn il-proposti qed jiġu ikkunsidrati u evalwati bil-għan li jiġu nkorporati fi strateġija u pjan ta’ implimentazzjoni.

X-Ray Machines — screening tests

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed isiru screening tests permezz tal-X-ray Machines bħal mammografija u jsemmi xi testijiet oħrajn, jekk isiru u għalhekk kemm saru matul Jannar, Frar, Marzu, u Mejju tal-2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li l-figuri huma kif jidhru hawn taħt. Testijiet oħra jinkludu Paddle Views u X-rays addizjonali, testijiet tal-Ultrasound, testijiet bil-labar għas-cytology jew għall-core biopsy, kemm bil-mammografija u kemm bl-ultrasound. Dawn il-proċeduri jsiru Breast Screeing Centre, Lascaris u jintagħżlu fuq bażi ndividwali skont il-ġudizzju tal-esperti professjonali u l-consensus li jintlaħaq mit-tim multidixxiplinarju. Xahar 2010 Numru ta’ Mammografiji (L-ewwel vista) Persentagg ta’ nisa li kellhom bzonn testijiet ohra % Jannar 488 8.4 Frar 453 8.6 Marzu 221 19.9 April 454 12.7 Mejju 586 9.6

Testijiet tal-Iscreening tal-mammografija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jirrapporta t-testijiet tal-iscreening bħal mammografija jekk huwiex jitħallas bil-każ jew jekk għandux paga fissa? Jista' jgħid jekk min jagħmel dan ix-xogħol huwiex impjegat mad-Dipartiment tas-Saħħa jew jekk dawn humiex qed isiru minn tobba fil-privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ir-radjoloġisti li jirrapurtaw it-testijiet tal-iscreening (mammografija) jitħallsu fuq bażi ta’ sessjonijiet bħalma indikat fl-Agreement tal-2007 bejn il-Gvern u l-Assoċjazzjoni Medika Maltija. Ir-radjoloġisti mpjegati biex jagħmlu dan ix-xogħol jistgħu jiġu minn kwalunkwe qasam sakemm ikollhom il-kwalifiki u t-taħriġg speċjalizzat li jipprovdi l-Gvern tramite il-Programm Nazzjonali għall- Breast Screening . Bħalissa dan is-servizz qed jingħata minn radjoloġisti li huma ukoll impjegati mad-Dipartiment tas-Saħħa.

Kiri ta' apparat, sodod u interventi mediċi

Question

Jista' l-Ministru jiċċara x'politika għandu dwar il-kiri ta' apparat, sodod u interventi mediċi fuq pazjenti privati li jsiru fl-isptar pubbliku? Veru se jibdew isiru operazzjonijiet fuq pazjenti privati u jintuża l-isptar pubbliku? Veru dawk il-pazjenti li jkunu ġejjin anke minn barra l-pajjiż jibdew iħallsu għal dan is-servizz li se jibda jingħata? Veru li allura biex jsiru dan l-interventi jkun hemm iktar xogħol fit-teatri u swali tal-operazzjonijiet? Allura veru li dan is-servizz se jiftaħ it-triq għat-turisti mediċi u permezz ta' hekk jibda jkun hawn dħul ta' flus barranin fl-ekonomija tagħna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Mater Dei mhuwiex applikabbli t-terminu ‘pazjent privat’. Issir distinzjoni bejn pazjenti li huma intitolati li jieħdu s-servizzi b’xejn u pazjenti li m’humiex intitolati. Il-pazjenti li m’humiex intitolati, jħallsu għas-servizzi li jingħataw skont l-iskeda tat-tariffii uffiċċjali maħruġa fl-Avviż Legali Nru 201/2004. Meta jkun hemm domanda minn pazjenti minn barra l-pajjiż biex jagħmlu intervent bi ħlas ġewwa l-Isptar Mater Dei, dan isir biss jekk ma jkunx hemm lista ta’ stennija għal dak l-intervent.

Bajja tal-Fekruna — Qxur tal-baħar

Question

Jaf il-Ministru kemm se jħallsu d-delettanti li għandhom il-qxur tal-baħar fil-bajja tal-Fekruna, x-Xemxija issa li din il-bajja se tittieħed mill-privat? Jista' jagħti l-prezzijiet ta' kemm se jħallas kull sid ta' kull qoxra skont il-kobor tal-qoxra tal-baħar tiegħu u għal kemm żmien?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 18793.

Opri tal-baħar reġistrati ma' operaturi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jintgħażlu l-operaturi l-ġodda li qed jingħataw bajjiet sħaħ biex jorganizzaw u fl-aħħar mill-aħħar jekk ma tkunx miktub magħhom biex torbot id-dgħajsa jew qoxra tal-baħar tiegħek mhux se tingħata l-opportunità li tagħmel dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-operaturi tas-siti għall-irmiġġ temporanju qegħdin jintgħażlu wara li saru sejħiet pubbliċi għall-offerti. Ta’ min jinnota li dawn is-sejħiet qegħdin isiru għall-operat ta’ siti żgħar ġewwa xi bajjiet u mhux għall-operat ta’ bajjiet sħaħ kif ġie indikat fil-mistoqsija. L-operaturi magħżula se jkunu responsabbli miż-żona indikata lilhom u irmiġġi mhux awtoriżżati mhux se jitħallew jitqegħdu.