Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sleeping policemen — Speċifikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17124 u jgħid jekk jeżistux xi tip ta' speċifikazzjonijiet rakkmandati minn xi awtorità internazzjonali li tgħid kif għandhom ikunu l-isleeping policmen li għandhom jintużaw fit-toroq tagħna?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda speċifikazzjonijiet internazzjonali li jispeċifikaw kif għandhom isiru l-isleeping policeman li jsiru fit-toroq tagħna. L-ispeċifikazzjonijiet applikabbli għal Malta huma dawk li jinsabu fil-policy guideline maħruġ minn Transport Malta fid-dokument “ Guidelines for the Implementation of Traffic Management and Safety Measures and temporary diversions of traffic"

Fjuri fit-toroq Maltin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16681 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm intnefqu flus fil-fjuri li nżergħu madwar Malta kollha biex jagħmlu sabiħ u jtejbu l-ambjent fit-toroq Maltin matul is-sena 2010? X'tip ta' fjuri qed jintużaw għal dan il-għan u kemm huwa stmat li ddum ħajja kull tip ta' pjanta li tiġi mħawla?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-kuntratt bejn il-Gvern u l-konsorzju ELC jistabbillixxi parametri għall-manutenzjoni tat-toroq kollha u ġonna publiċi tal-Gvern . Dawn il-parametri jinkludu li l-ELC jissuplixxu b'mod regolari fjuri u arbuxxell u jmantnuhom kif titlob is-sengħa. Il-gvern ma jagħmel l-ebda ħlas lill-ELC għal kull fjura li titħawwel iżda il-kuntratt jistipula ħlas wieħed li jinkludi l-pagi tal-ħaddiema kollha u l-ispejjeż kollha inkluż il-fjuri, arbuxell, eċċ. Il-Konsorzju tal-ELC juża ħafna tipi differenti ta' pjanti fix-xogħol ta' tisbiegħ li jagħmel, fosthom il-Ġeranju, Calendula, Ġizi, Qronfol Tork, Marigolds, Gaillarda, Petunia, Surfinia, Pansies, Lobelia, Ageratum u ħafna oħrajn. Huwa stmat li kull pjanta tista iddum ħajja minn tlieta sa erba' xhur skond iż-żmien tas-sena u t-tip ta' pjanta. Fattur ieħor importanti huwa jekk fil-post li jkun mħawwel jkunx hemm id- drip irrigation jew jekk it-tisqija issirx bl-idejn permezz ta' ilma trasportat bil- bowsers . Ta' kull sena l-ELC tipprova tintroduċi pjanti ġodda u tesperimenta kif tista ittejjeb l-operat tagħha.

Sptar tar-riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16877 u jgħid fejn se jsir l-isptar tar-riabilitazzjoni? Meta huwa stmat li jiftaħ? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ir-rijabilitazzjoni hija tip ta’ kura li tingħata lill-persuni li tkun saritilhom xi operazzjoni jew dawk li jkunu rċievew kura akuta u li jkunu jirrikjedu aktar kura rijabilittattiva. Il-faċilità ta’ rijabilitazzjoni li qed tiġi ppjanata se tkun faċilità speċjalizzata f’numru ta’ servizzi ta’ rijabilitazzjoni fosthom servizzi ta’ rijabilitazzjoni post-surgical; rijabilitazzjoni għall-anzjani; u servizzi ta’ newro-rijabilitazzjoni. L-għan aħħari ta’ dawn is-servizzi huwa li persuna tintbagħat id-dar wara li l-proċess ta’ rijabilitazzjoni jkun komplut. Apparti dawn se jingħataw ukoll servizzi ta’ orthotics & prosthetics, physiotherapy, occupational therapy u day-hospital fuq bażi ta’ out-patients. Il- Medical Brief & Schedule of Accomodation, li bħal fil-każ tal-proġett taċ-ċentru tal-onkoloġija tal-Isptar Mater Dei, huwa dokument li jispjega fid-dettal is-servizzi li se jingħataw minn din il-faċilità; kif din il-faċilità se tkun mgħammra; u kif se titħaddem, issa ġie finalizzat. Issa ngħata bidu għall-proċess li jmiss li huwa il- concept design stage . Qed isiru diskussjonijiet sabiex fuq il-bażi tal- Medical Brief & Schedule of Accomodation tittieħed id-deċiżjoni ta’ fejn din il-faċilità ta’ mitejn u tmenin sodda se tinbena jew issir. Infakkar l-Onorevoli interpellant li servizzi ta’ rijabilitazzjoni tal-għola kwalità qegħdin jingħataw ġewwa l-Isptar Karin Grech. Sar ħafna xogħol ta’ refurbishment ġewwa dan l-isptar li issa laqa’ ġewwa fiħ il-pazjenti kollha li kien hemm ġewwa l-Isptar Zammit Clapp. L-Isptar Karin Grech se jkompli jservi ta’ sptar ta’ rijabilitazzjoni sakemm tittieħed id-deċiżjoni ta’ fejn se jsir l-isptar il-ġdid.

Servizz ta' riabilitazzjoni għall-pazjenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16878 u jgħid jekk għandux il-ħsieb li jdaħħal servizz ta' riabilitazzjoni għall-pazjenti li jkunu għadhom kemm għaddew minn xi intervent kardjo vaskulari? Meta se jidaħħal dan is-servizz? Kemm se jkun hemm professjonijiet involuti fih? Liema huma dawn il-professjonijiet? Kemm beħsiebu jibda jara pazjenti kuljum u kemm se jiġi jiswa kull sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li diġa jeżisti servizz ta’ rijabilitazzjoni għall-pazjenti li jkunu għadhom kemm għaddew minn xi intervent kardjo-vaskulari. Dan is-servizz jiġi offrut lil dawk il-pazjenti li jgħaddu minn bypass surgery u huma provdut permezz ta’ infermiera u psikoterapista. Dan is-servizz qed jagħti riżultati pożittivi ħafna u hemm il-ħsieb li jiġi estiż ukoll għal dawk il-pazjenti li jkollhom Myocardial Infarction u dawk li jgħaddu minn Angioplasty meta r-riżorsi meħtieġa, fosthom infermiera, ikunu disponibbli. Apparti minn hekk, inbdiet Cardiac Failure Clinic , li titmexxa mit-tobba u mill-infermiera tal- Cardiac Lab . Din il- clinic toffri servizz lill-aktar minn 100 pazjent.

manutenzjoni u kura tal-fjuri fir-roundabouts u s-central strips

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16682 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm qegħdin jiġu jiswew il-manutenzjoni u l-kura tal-fjuri fir-roundabouts u s-central strips f'Malta u Għawdex u allura kemm ġew jiswew matul is-sena 2009? Jista jagħti breakdown ta' kif qed jintnefqu dawn il-flus?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi kull sena l-Gvern u l-ELC jiffurmulaw programm ta’ xogħlijiet li l-istess ELC twettaq. Il-kura tal-fjuri fir-roundabouts u s-central strips hija biss parti mix-xogħol li twettaq l-ELC u l-Gvern iħallas ċifra waħda globali għax-xogħlijiet kollha. L-ammont allokat għall-ELC jidher fl-estimi.

Studenti li poġġew għall-eżami tal-kimika

Question

Tista' l-Ministru jgħid kif se jiġu kompensati l-istudenti li poġġew għall-eżami tal-kimika fl-livell avvanzat tas-sena 2010, li għal dan l-eżami damu ma bdew għal kwazi iktar minn sagħtejn u li meta l-istudenti talbu għal iktar solution bilkemm ingħataw? Dan id-dewmien żgur li kompla żied mat-tensjoni u eċitament li studenti jkollhom għal dan l-eżami diffiċli ħafna u li huwa ferm bżonjuż li mhux biss tgħaddi minnu imma li trid iġġib marka għolja biex tkun tista' tidħol għal kors tal-mediċina.

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudenti li qagħdu għall-eżami prattiku tal-kimika fl-4 ta’ Ġunju 2010 wara nofsinhar kienu informati b’ittra minn qabel illi l-eżami kellu jibda wara li l-laboratorji jkunu mnaddfin u rranġati wara l-ewwel sessjoni tal-istess eżami li ssir filgħodu. Bħas-soltu, il-kandidati nżammu jistennew f’sala apposta sakemm dan seta’ jsir. Din il-prattika ilha fis-seħħ għal ħafna snin u qatt ma kkawżat xi problemi lill-istudenti. Din is-sena l-eżami sar f’erba' ċentri l-istess ħin u f’kull wieħed minn dawn il-ħin li kien hemm bżonn għat-tindif u preparamenti kien differenti skont il-kobor taċ-ċentru. Il-kandidati kollha ngħataw l-istess ammont ta’ solution li kellhom bżonn u min talab għal iżjed ġie mogħti biżżejjed biex seta’ jkompli jaħdem. Minkejja li jsir minn kollox biex l-eżami jsir taħt kondizzjonijiet l-istess kullimkien, il-prattika hija li qabel ma joħroġ ir-riżultat aħħari, l-eżaminaturi jispezzjonaw ir-riżultati tal-prattiku minn sessjonijiet differenti tal-eżami u meta jkun hemm ħjiel ta’ xi problema jittieħdu dawk il-miżuri li jkunu xierqa fiċ-ċirkustanzi.

Kazijiet ta' scabies

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li fl-isptar Monte Carmeli sabu każijiet ta' scabies? Jista' jgħid kemm kien hemm minn dawn il-każijiet rappurtati u x'passi ħadu l-awtoritajiet konċernati dwar dan l-każ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fl-Isptar Monte Carmeli oriġinarjament kien hemm tmien pazjenti li kellhom l-iscabies u li kollha ġew rilaxxati. Kemm it-tobba kif ukoll l-infection control nurses ħadu l-prekawzjonijiet kollha biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Rziezet Maltin u Għawdxin — demel u drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tunellata ta' drenaġġ u demel l-irziezet Maltin u Għawdxin jipproduċu? Jista' jgħid xi proċedura qed tintuża biex id-drenaġġ u demel li jipproduċu l-irziezet Maltin u Għawdxin jiġi proċessat u jekk dan huwiex qiegħed jintuża biex jerġa' jintuża mill-biedja Maltija u Għawdxija bħala kompost? Jekk le, għal liema raġuni qed jerġa' jintuża?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kwantitajiet eżatti ta' produzzjoni ta' demel u drenaġġ jiġu maħduma skont in-numru u tip ta' bhejjem. L-irziezet kollha li qed jirċievu approvazzjonijiet ta' żvilupp mill-MEPA, kollha għandhom Manure Clamp li huwa post fejn jinħazen id-demel għal 5 xhur u nofs. Skont il-linji gwida fil-COGAP ta' Malta dan id-demel maħzun jista' jinfirex biss fir-raba mil-15 ta' Marzu sal-15 ta' Ottubru ta' kull sena. Ammont mid-demel tal-baqar u nagħag jiġi utilizzat mill-ortikoltura iżda id-drenaġġ tal-majjal jintrema fis-sistema tad-drenaġġ skont kif approvat mill-WSC.

demel u drenaġġ tal-annimali mill-irziezet Maltin u Għawdxin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jassigura li d-demel u d-drenaġġ tal-annimali mill-irziezet Maltin u Għawdxin mhux qed jispiċċa jikkontamina l-ilma li mbagħad dan l-ilma jintuża għal affarijiet oħra, fosthom għat-tisqija u x-xorb?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 18423 u nżid li l-CoGAP (Code of Good Agricultural Practice) fih diversi miżuri u prattiċi li l-bdiewa u r-raħħala għandhom jadottaw sabiex ikun imħares l-ambjent u animal welfare. Fost dawn il-prattiċi hemm miżuri obbligatorji speċifiċi, li l-bdiewa u r-raħħala għandhom jieħdu sabiex tiġi evitata l-kontaminazzjoni ta’ l-ilma, kemm dak tal-pjan kif ukoll tal-wiċċ.

Kampjuni tal-ilma biex jiġi ttestjat

Question

Jista' l-Ministru jagħti rapporti dettaljati dwar ir-riżultati li nkisbu matul is-sena 2009 li permezz tagħhom ġie deċiż li l-ilma tal-vit huwa tajjeb għax-xorb? Jista' jgħid minn fejn ittieħdu l-kampjuni tal-ilma, kemm-il darba ttieħdu u x'kienu ir-riżultati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ilma li jittella mill-ispieri/boreholes

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jiġix ittestjat l-ilma li jittella' mill-ispieri (borehole) u jekk dawn it-testijiet isirux fuq talba tal-awtoritajiet konċernati jew jekk jsirux fuq talba tal-individwu/sid il-borehole? Wara dawn it-testijiet issir xi tip ta' ċertifikazzjoni lill-borehole partikolari li tkun tajba għax-xorb jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li dawk is-sidien ta’ spieri (boreholes) li jkunu jridu jqassmu ilma mill-istess spieri bħala ilma tajjeb għal konsum mill-bniedem, iridu l-ewwel japplikaw mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali skont il-provvedimenti ta’ l-Att Legali 357 tal-2004. Biex dan l-ilma jiġi ċertifikat bħala tajjeb għal konsum mill-bniedem, l-applikant għandu jipprovdi lid-Direttorat riżultati ta’ analiżi għal dawk il-parametri kollha skont il-provvedimenti tal-Att Legali 17 tal-2009 dwar il-kwalità ta’ ilma għal konsum mill-bniedem. La darba dawn ir-riżultati jkunu konformi mal-livelli indikati fl-Att 17 tal-2009, dan is-sors jiġi ċċertifikat bħala ilma tajjeb għall-konsum mill-bniedem u s-sid ta’ dan is-sors ikun obbligat jagħmel analiżi tal-istess ilma darba kull tlett xhur. Dan il-monitoraġġ jissejjaħ ‘Monitoraġġ ta’ Sorveljanza’ u jinkludi numru ta’ parametri skont tabella ‘A’ tal-A.L. 17 tal-2009. Għandhom isiru l-analiżi kollha skont tabella ‘A’ ta’ A.L. 17 ta’ 2009, imsejjaħ ‘Monitoraġġ ta’ Awditjar’, skont il-volum tal-ilma li jittella kull sena, b’minimu ta’ darba fis-sena. Kopji ta’ dawn l-analiżi kollha jintbatu għall-informazzjoni lid-Direttorat. F’każ li l-ilma ma’ jibqax jikkwalifika mal-provvedimenti kollha tal-istess Att, iċ-ċertifikazzjoni maħruġa minn dan id-Direttorat tiġi rtirata u dan l-ilma ma’ kienx jista’ jintuża aktar bħala ilma tajjeb għal konsum mill-bniedem u mmedjatament jitneħħa mir-reġistru miżmum minn dan id-Direttorat skont il-provvedimenti tal-Att Legali. 357 tal-2004, li kopja tiegħu tinstab fuq il-paġna elettronika tad-Direttorat.

Bombi

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari16871, jista' l-Ministru jindika kemm minn dawn il-bombi saru minħabba natura ta' negozju, politika, konflitti familjari jew minħabba xi raġuni oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi mhux dejjem huwa possibbli li wieħed jistabbilixxi xi jkun il-mottiv wara każijiet ta' bombi li jistgħu jsiru għall-varjetà ta' raġunijiet u intenzjonijiet kriminali u illegali.

Human Trafficking

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' human trafficking inqabad mill-pulizija Maltija matul is-sena 2009? Jista' jgħid fejn kien il-post oriġinali ta' dawk il-persuni li kienu qed jiġu traffikati, kemm kellhom żmien, ta' liema sess kienu u jekk permezz tagħhom kienx hemm żviluppi ġodda biex jinqabdu iktar kriminali li jitraffikaw persuni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2009 il-Pulizija nvestigat 6 każi ta' traffikar ta' 39 persuna għal skop ta' immigrazzjoni. Dawk il-persuni li kienu qed jiġu ttraffikati kellhom l-età tagħhom tvarja bejn il-21 u l-50 sena u kienu mis-Somalja, Iran, Niġerja, Sudan, Costa ta' l-Ivorju, Togo, Mali, Burkina Faso, India u Guinea. Infurmat ukoll illi b'riżultat ta' dan inbdew proċeduri kriminali kontra 6 persuni.

Korp tal-Pulizija — attività kriminali ta' traffikar tan-nies

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema skwadra fil-korp tal-pulizija tieħu ħsieb li ssegwi l-attività kriminali tat-traffikar tan-nies? Jista' jgħid jekk din l-iskwadra tagħmilx dan ix-xogħol biss jew inkella għandhiex xi xogħol ieħor? Kemm hemm persuni li jifformaw din l-iskwadra u ta' liema rank huma? Hemm pjanijiet li din l-iskwadra tikber minħabba l-fatt li t-traffikar ta' bnedmin qed jiġi kkonsidrat li huwa attività kriminali li kulma jmur qed tiżdied?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta’ kontra l-Vizzji fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-iskwadra li tispeċjalizza fuq ir-reati kriminali dwar traffikar ta’ persuni bi skop ta’ prostituzzjoni jew servizzi oħra. Din l-Iskwadra qegħdha taħt is-supervizjoni ta’ Assistant Kummissarju u Supretendent, hija responsabbli ukoll għal każijiet relatati ma' prostituzzjoni u logħob illegali u taħdem ukoll mill-qrib mat-Taqsima tal-Immigrazzjoni fl-investigazzjoni ta’ traffikar ta’ persuni bi skop ta’ immigrazzjoni.

Attivitajiet Kriminali u traffikar tan-nies

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intervjeniet il-pulizija u rnexxielha taqbad attività kriminali u traffikar ta' nies matul is-sena 2005 sal-2008? Jista' jgħid minn fejn kienu dawn in-nies, kemm kellhom età u jekk sarux interrogazzjonijiet li permezz tagħhom il-pulizija ġabret biżżejjed informazzjoni li setgħet wasslet għal iktar attività kriminali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin 2005 u 2008, il-Pulizija investigat u qabdet 38 persuna li kienu involuti f'attività kriminali ta' traffikar ta' persuni. Dawn il-perusni, li l-età tagħhom tvarja bejn is-27 u l-52 sena, kienu minn Malta, Ċina, Eġittu, Etiopia, Sudan, Alġeria, Tunez, Rumanija u l-Libja. Infurmat ukoll illi minn investigazzjoni li għamlet il-Pulizija dan wassal biex dawn il-persuni tressqu kolla quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' traffikar ta' persuni għal skopijiet ta' prostituzzjoni, għixien fuq qliegħ immorali, żamma ta' burdell, twettiq, minn assocjazzjoni, ta' reati kriminali kemm f'Malta kif ukoll barra minn Malta, ksur tar-regolamenti dwar l-impieg u offiżi fuq il-persuna.

Kriminalità internazzjonali — traffikar ta' droga, armi u traffikar tal-persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija Maltija hijiex taħdem mill-qrib ma' pajjiżi u korpi tal-pulizija oħrajn fejn tidħol il-kriminalità internazzjonali bħal traffikar ta' droga, armi u traffikar tal-persuni?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi iva, l-Pulizija Maltija tieħu sehem attiv fil-ġlieda kontra il-kriminalita' internazzjonali flimkien ma' pajjiżi oħra, kemm dawk ta’ l-Unjoni Eworpea, fejn il-Pulizija Maltija anke għandha rappreżentant permanenti fil-Kwartieri Ġenerali tal-EUROPOL f’The Hague, kif ukoll oħrajn permezz ta’ l-Interpol. Sabiex tkun ikkordinata din il-ħidma, il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta għandu ukoll l-Uffiċċju tar-Relazzjonijiet Internazzjonali, li barra li jkopri l-uffiċċji nazzjonali tal-Interpol u tal-Europol, għandu fi ħdanu l-Uffiċċju tas-S.I.Re.N.E li hu miftuħ erba' u għoxrin siegħa kuljum, inklużi Ħdud u ġranet ta' festi, li jservi bħala l-ewwel punt ta’ kuntatt ma’ Pulizija Ewropew oħra fiż-żona Schengen. Barra min dan fuq bazi bilaterali, il-Pulizija Maltija għandha ukoll kuntatt u ftehim ta’ koperazzjoni ma’ diversi pajjiżi oħra barra l-Unjoni Ewropea.

persuni li jitteħdulhom partijiet minn ġisimhom mingħajr kunsens

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx xi darba tul dawn l-aħħar ħames snin il-pulizija qabdet xi każijiet fejn instabu postijiet li fihom persuni jkunu tteħdulhom partijiet minn ġisimhom mingħajr il-kunsens tagħhom u wara dawn il-partijiet jinbiegħu jew jintużaw biex jitpoġġew fuq persuni oħrajn li jkunu ħallsu ħalli dik l-operazzjoni sseħħ? Jiġifieri l-iskop tal-human trafficking jkun dak li jittieħdu partijiet u organi mingħand vittmi biex jintużaw fuq persuni li jkunu xtraw dawk il-partijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma kienx hemm każijiet hekk kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Rziezet tal-bhejjem u tat-tjur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn irziezet tal-bhejjem u tat-tjur f'Malta u Għawdex? Jista' jgħid kemm kull razzett jipproduċi laħam/ħalib u prodotti oħrajn għas-suq lokali u jekk hemmx xi prodotti minnhom li jiġu esportati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant. Irid jingħad illi minn żmien għal żmien ikun hemm esportazjoniji ta' laħam. Fl-aħħar snin kien hemm bejgh ta' prodotti fi swieq Ewropej direttament mill-produtturi.
Leg 11 PQ #16559 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

spejjeż minħabba l-kaċċa fir-Rebbiegħa.

Question

B'referenza għall-kawżi li l-Unjoni Ewropea għamlet lil Malta rigward il-kaċċa fir-rebbiegħa, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-gvern Malti kemm fl-ispejjeż li kellu jħallas lill-Qorti Ewropea, kif ukoll dawk l-ispejjeż lill-avukat barrani u spejjeż b'konnessjoni ma' biljetti tal-ajru u akkomodazzjoni lid-delegazzjoni Maltija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-ispejjeż kollha inkluż dawk tas-safar tad-delegazzjoni Maltija kienu €24,428.57.