Jista' l-Ministru jgħid kif min qed imexxi l-car park tal-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei wasal għall-konklużjoni li għandu s-setgħa u poter li jħarrek u jimmulta lill-istess ħaddiema jekk dawn ikunu pparkjati ħażin, is-somma ta' €69.88 u jekk min jaqla' l-multa jkun bravu u ma joffendix lil min tah il-multa/ċitazzjoni u jħallas fil-ħin jingħata discount ta' 50% tal-istess multa, qisna qegħdin fuq il-monti nilagħbu bil-prezzijiet tal-multi skont kif ikun jaqbel lill-istess negozjant li jkun qed imexxi l-istabbiliment?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kuntrattur huwa marbut b’kuntratt mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għall-provediment ta’ serviżż ta’ immaniġġjar tat-traffiku u parkeġġ ġewwa l-isptar Mater Dei. Ir-rati tal-pagament fuq parkeġġ irregolari, li huwa ta’ €69.88, jirrispetta l-ftehim milħuq fil-‘Ħtiġijiet Tekniċi’ tal-kuntratt. Dawn huma ibbażati fuq termini validi u legali.
Ir-roħs fuq il-miżata tal-ikklampjar għal dawk li jħallsu b’mod immedjat ġiet deċiża mill-kuntrattur stess u l-awtoritajiet tal-isptar ma kellhomx x’ jaqsmu ma’ din id-deċiżjoni. Madankollu l-awtoritajiet tal-isptar ma jsibu l-ebda oġġezzjoni għal dan ir-roħs fit-tariffi. L-awtoritajiet tal-isptar joġġezzjonaw biss jekk il-miżata titla’ għal aktar minn €69.88 kif ġie miftiehem.
problema ta' parking għall-ħaddiema tal-Isptar Mater Dei
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'ippjanar sar u kif se jsibu parking dawk il-ħaddiema li sal-lum qed jipparkjaw fl-għalqa li hemm il-ħsieb li tinbena fil-ġranet u x-xhur li ġejjin? Jista' jippubblika dawn il-pjanijiet u jibgħathom lill-ħaddiema konċernati? Jista' jgħid kemm hemm ħaddiema tal-Isptar Mater Dei li b'mod regolari jipparkjaw f'dan il-post?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li saru arranġamenti biex l-impjegati ta’ l-Isptar Mater Dei li kienu jipparkjaw fl-area fejn se jinbena ċ-Ċentru tal-Onkoloġija jibdew jipparkjaw fil-parkeġġ ta’ l-isptar bl-istess kunduzzjonijiet li kellhom, bid-differenza li se jipparkjaw f’parkeġġ b’saqaf. L-impjegati kienu infurmati uffiċċjalment b’ċirkulari. In-numru ta’ impjegati tal-isptar li kienu jipparkjaw f’din l-area ivarja bejn mija u mija u ħamsin kull filgħodu fil-ġranet normali tax-xogħol.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15899 u jgħid kemm-il kumpanija responsabbli mill-provvista tad-dawl u l-ilma bagħtet lill-ħaddiema tagħha biex jaqtgħu d-dawl jew l-ilma lil residenti partikolari wara li dawn ikunu naqsu milli jħallsu l-kont tad-dawl u l-ilma bejn Jannar u Diċembru 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15899.
anzjoni li joħorġu mill-homes biex jagħmlu xi qadi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani f'homes, home b'home jew residenzi, li joħorġu biex jagħmlu l-qadi personali tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-dettalji dwar anzjani f’homes li joħorġu jagħmlu l-qadi personali tagħhom huwa kif jidher fit-tabella hawn taħt:
Dar tal-Anzjani
Numru ta’ Anzjani
Mellieħa Home
60
Mosta Home
24
Gżira Home
6
Msida Home
37
Bormla Home
35
Żejtun Home
64
Floriana Home
10
Mtarfa Home
15
Fir-Residenza San Vinċenz de Paule ma jinżammux dettalji dwar kemm hemm residenti li joħorġu jagħmlu l-qadi tagħhom. Iżda r-residenti kollha li huma indipendenti kemm fiżikament u kemm psikoloġikament jistgħu joħorġu sabiex jagħmlu l-qadi personali tagħhom. L-amministrazzjoni tirrispetta tali dritt kif ukoll il-libertà tal-individwu. L-amministrazzjoni tesiġi biss li r-resident jinforma lil min ikun inkarigat mis-sala fejn ir-resident ikun joqgħod li jkun se joħroġ.
Jista' l-Prim Ministru jara li Triq il-Waqqafa, fil-Mosta jsirilha l-wiċċ neċessarju li għandha bżonn għaliex tinsab fi stat ħażin ħafna u qed toħloq inkonvinjent kbir għar-residenti u ħsarat fil-karozzi tagħhom? Jista' jgħid min hu responsabbli li jara li din it-triq isirilha dan ix-xoghol fuqha għax f'20 sena din qatt ma ngħatat wiċċ tarmak sew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-parti tat-triq bejn Triq il-Mitħna u Triq l-Alwetta kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Gvern u ngħatat wiċċ tarmak kif kien meħtieġ. Infurmat ukoll li l-parti tat-triq bejn Triq l-Alwetta u Triq il-Ħuttafa ma tistax tingħata t-tarmak qabel tkun żvillupata kollha.
Dwar il-kumplament tat-triq, din hija responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Id-Dipartiment tal-Gvern Lokali talab ir-reazzjoni tal-Kunsill u r-risposta li rċieva kienet li “Dan ix-xogħol jista jsir skont il-programm ta’ prioritajiet għat-toroq imħejji mill-Kunsill Lokali u meta l-finanzi tal-Kunsill jippermettu.”
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-courses ta' taħriġ li offriet l-Institute of Health Care tal-Università ta' Malta matul is-snin 2007/08/09? Ta' liema livell kienu dawn il-korsijiet u jekk jistgħux jitkejlu jew jiġu komparati ma' livelli oħrajn bħal ngħidu aħna Livell Avvanzat jew xi diploma jew degree oħrajn fl-Ingilterra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista' l-Ministru jgħid liema korsijiet huma ppjanati li jiftħu f'Settembru /Ottubru tal-2010 mill-Institute of Healthcare u kemm sejrin jaċċettaw studenti f'kull kors?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk intlaħaqx il-full complement fiċ-Ċivil f'Mejju 2010? Jekk le, kemm hemm bżonn ta' iktar ħaddiema u f'liema grad huma? Meta beħsiebu jdaħħal iktar ħaddiema biex jimtlew dawn il-postijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li tweġiba għal din il-mistoqsija Parlamentari diġà ngħatat permezz tat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet Parlamentari numri 17783 u 14135.
żgħażagħ li m'għandhomx 18 il-sena li jiffrekwentaw bars
Question
Jista' l-Ministru jagħti linji gwida lill-persuni li għandhom bars li jiġu frekwentati minn żgħażagħ li m'għandhomx 18 il-sena, għax iż-żgħażagħ li jiffrekwentaw dawn il-bars anke mingħajr ma jixorbu alkoħol, xorta jkunu qed jiksru il-ligi, anke jekk ma jkunu qed jagħmlu xejn ħażin? Jista' jgħid jekk din l-attività hijiex marbuta ma' xi ħinijiet ukoll, per eżempju li żgħażagħ taħt 18 il-sena jistgħu jifrekwentaw bars sal-11.00 pm, imma wara mhux permessibbli?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi persuna li tidħol ġewwa bar ta' liema eta' tkun, ma tkun qed tikser l-ebda liġi. Il-ligi tipprojbixxi li jkun servut xorb alkoħoliku lill-persuni taħt is-sbatax-il sena.
Huwa d-dħul ta’ persuni taħt l-età ta’ sbatax-il sena f’postijiet ta’ divertiment, skont kif deskritt fir-Regolamenti biex jinżamm il-Bon Ordni f’lokalitajiet ta’ divertiment, li huwa pprojbit bl-istess regolamenti. Sabiex persuni taħt is-sbatax-il sena jkunu jistgħu jitħallew jidħlu ġo postijiet ta' divertiment, il-proprjetarju tal-post irid japplika mal-Awtorità tat-Turiżmu li ser jorganizza attivita' għall-persuni ta' taħt is-sbatax-il sena. F'dik l-attività l-ebda xorb alkoħliku m'għandu jitħalla jidher, jinbiegħ, ikkunsmat jew servut. Ma hemm l-ebda liġi li tirregola sa x'ħin żgħażagħ ta' liema età jkunu jistgħu jifrekwentaw
bar.
Studji dwar l-impatt u l-effett tal-ispleeping policeman
Question
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17125 u jgħid jekk jeżistux xi studji li l-gvern u l-awtoritajiet konċernati jużaw biex jaraw l-impatt u l-effett ta' meta titwaħħal sleeping policeman ġewwa triq partikolari? Jekk l-inkonvenjent li toħloq għar-residenti bl-istorbju li jiġi kkawżat kull meta jgħaddu l-vetturi minn fuqha jiġix meħud in konsiderazzjoni jew le?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li meta Transport Malta tapprova li ssir road hump, tali approvazzjoni ssir bi speċifikazzjonijiet preċiżi ta' kif għandha ssir u m'għandhiex tikkawża storbju meta karozza tgħaddi minn fuqha bl-ispeed xieraq.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17170 li saret lill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u saret lill-Ministeru għal Għawdex respettivament, u issa ġiet riferuta lilu, jista' jgħid kemm għamlet qligħ il-Gozo Channel matul l-2007, 2008 u 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi peress illi l-mistoqsija hija waħda ta’ natura strettament kummerċjali, l-kumpanija tħoss li m'għandhiex tagħti din it-tip ta’ informazzjoni fil-mument.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15009 li saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u 17172 li saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa qed jiġu riferuti lilu u jgħid kemm inġarru passiġġieri mill-Gozo Channel, vetturi bi tnejn u b'aktar roti eżempju 4, 6 u 8 bejn Malta u Għawdex bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Diċembru 2007, 2008 u 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi peress illi l-mistoqsija hija waħda ta’ natura strettament kummerċjali, u li hi marbuta mal-fatt li jidher li wasal li joħroġ it-tender għal PSO, il-kumpanija tħoss li m’għandhiex tagħti risposta fil-mument.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-kapaċità ta' residenti li jista' jiflaħ u kemm attwalment qed jidħlu fl-Isptar San Vincenz de Paule u f'liema swali qegħdin, sala b'sala?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fadal persuni li jixtiequ jgħixu f'home residenzjali u bħalissa ma jistgħux għaliex il-postijiet huma kollha okkupati? Kemm minn dawn huma nisa u irgiel, kemm għandhom żmien u minn liema postijiet ġejjin?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pilloli , medicini , creams, ħrieqi u affarijiet li għamlu użu minnhom kuljum ir-residenti tar-Residenza San Vincenz de Paule matul x-xhur ta Jannar sa Mejju 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Residenza San Vincenz de Paule — Xogħlijiet fuq is-swali
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi xogħlijiet għaddejjin fuq xi sala/swali partikolari ġewwa r-Residenza San Vincenz de Paule? Jista' jgħid kemm ilhom għadejjin x-xogħlijiet fuq dawn l-iswali, kemm ġew jiswew s'issa u meta huwa ppjanat li dawn is-swali jiftħu biex jerġgħu jibdew jircievu r-residenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule fix-xhur li għaddew kienu għaddejin xogħlijiet ta’ refurbishment fil-ward li fiha s-swali numru 7 u 8.
Ix-xogħol beda f’Mejju tal-2009. Is-sala ġiet maqsuma minn nofs, sabiex ir-residenti ma jkunux affetwati mill-inkonvenjent tax-xogħlijiet. Ir-
refurbishment
f’din is-sala huwa hekk:
· bdil tas-sistema tal-arja kundizzjunata;
· tisbieħ struttarali tal-kmamar tar-residenti;
· sistemi ġodda tad-dawl, illuminazzjoni u televiżjoni;
· installazzjoni ta’
vinyl
u kmamar tal-banju ġodda li huma
dementia friendly
;
· aperturi u sollijiet ġodda;
· għamara u purtieri ġodda;
· kamra tal-ikel ġdida.
Ix-xogħlijiet qed isiru kemm minn kuntratturi privati u kemm minn ħaddiema ta’ San Vinċenz de Paule. Il-kuntratturi privati ġew ingaġġati wara li nħarġu
tenders
għax-xogħlijiet rispettivi skont ir-regolamenti tax-xiri minn finanzi pubbliċi.
L-istima tax-xogħlijiet hija ta’ €397,088. L-ispiża sa issa laħqet l- €173,212.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17130 u jgħid kemm ilu mwaqqaf is-servizz tal-home help? X'kien l-iskop oriġinali tiegħu? Kemm ilu ma jsir studju biex jara jekk l-iskop oriġinali ta' dan is-servizz intlaħaqx? Kemm intlaħaq jew kemm ma ntlaħaqx?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Is-Servizz tal-Home Help ilu mwaqqf mill-1988. Dan beda bħala proġett pilota.
L-iskop oriġinali ta’ dan is-servizz kien li anzjani li għalqu 60 sena jew persuni b’diżabilità speċjalment dawk li jgħixu weħidhom u għandhom problemi ta’ saħħa jkollhom persuna (Part-Time Social Assistant) li tmur iżżurhom skont kif ikun approva l-Bord u tgħinhom fi bżonnijiet ta’ kuljum bħal qadi, xiri, għajnuna domestika fid-dar, għajnuna personali u kumpanija.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli għall-kura tal-anzjani ħatar team multidixxiplinarju li qed iħejji rapport biex jagħmel riforma fil-Home Help u sakemm jippermettu r-riżorsi jipprova jżid is-servizz fil-komunità.
Dan it-team għamel ir-rakkmandazzjonijiet tiegħu li qegħdin jiġu diskussi.