Jista' l-Ministru jgħid x'kien ir-razzjonal li wassal lill-istess gvern li jbiddel is-sistema tal-liċenzji tal-karozzi u għamel sistema fejn iktar ma tkun antika l-karozza iktar trid tħallas liċenzja? Jista' jgħid allura fejn u f'liema proġetti l-gvern beħsiebu jagħmel użu minn dawn il-flus?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jiġu ingaġġati l-iskrivana l-ġodda li għaddew diġà mill-eżami tal-gvern u li qed jistennew li jiġu ingaġġati? Jista' jgħid kemm għaddew minn dawn l-iskrivani li poġġew għal dan l-eżami, kemm fil-fatt poġġew għall-eżami u kemm huwa ppjanat li jidħlu skrivani ġodda mal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Parlamentari numru 19111.
Valletta — Pjazza San Ġorġ - parking għall-persuni b'diżabilità
Question
Peress li meta Pjazza San Ġorg Valletta ġiet riabilitata tneħħew iż-żewġ parkings għal persuni b'diżabilità u tqiegħdu minflokhom tnejn oħra fil-qrib, jista' jgħid fejn tpoġġew u għaliex intgħażel dak il-post?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ż-żewġ parking bays li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant ġew rilokati fi Triq l-Ifran fil-kantuniera ma' Triq l-Arċisqof. Il-post ġie magħżul bħala l-eqreb żona viċin Pjazza San Ġorġ.
Valletta — Triq Melita - parkeġġ għall-persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir miż-żewġ postijiet ta' parkeġġ għal persuni b'diżabilità li kien hemm, sa ma nqalgħet l-art fi triq Melita kantuniera ma triq id-Dejqa, Valletta? Japprezza li dawn kienu użati anke prinċipalment minn ħaddiema b'diżabiltà li huma dejjem imħeġġa li jkunu kemm jista' jkun awtosuffiċjenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-uniku parkeġġ li kien hemm fiż-żona imsemmija mill-Onor. Interpellant u li kien tneħħa temporanjament sakemm saru x-xogħlijiet ta’ pavimentar fl-istess żona, reġa’ ngħata lura u llum hu riservat għall-istess għan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm servizzi ta' first aid fix-xtajtiet tagħna matul dan is-sajf? Fejn kienu u min kien qed jara li dan is-servizz jingħata?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fis-sistema tas-saħħa tagħna għandniex personnel mediku li huwa speċjalizzat biex jindokra persuni li jkunu għaddew minn xi esperjenza wara li jkunu ħadu xi valeni permezz ta' xi ġdim minn annimali tal-art jew tal-baħar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fl-Isptar Mater Dei il-persuni li jkollhom bżonn għajnuna medika wara li jkunu ħadu xi veleni permezz ta’ gdim minn annimali tal-art jew tal-baħar, jingħataw assistenza u l-kura meħtieġa mill-professjonisti tad-Dipartiment tal-Emerġenza bis-support fundamentali tal-Inpatients Pharmacy li għandha sezzjoni speċifika għal dan il-għan. B’hekk tkun tista’ tingħata attenzjoni sħiħa għall-komplikazzjonijiet mediċi li jkollu l-pazjent.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi normalment jittieħdu mill-awtoritajiet Maltin biex jissolva każ ta' persuna li tkun ġiet frodata flus minn fuq l-internet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi meta l-Pulizija jkollha rapport dwar xi każ ta' frodi permezz ta’ l-internet, tagħmel l-investigazzjonijiet tagħha bl-assistenza ta’ l-organiżżazzjonijiet internazzjonali tal-Pulizija, bħalma huma l-Europol, l-Interpol u anke’ permezz ta’ ittri rogatorji meta jkun il-każ. Ta’ min iżid illi dawn l-investigazzjonijiet huma komplessi, anke minħabba l-fatt illi ħafna pajjiżi għandhom treshold ta’ ammont frodat (madwar €5,000) sabiex jinvestigaw. Minħabba dan huwa ferm diffiżli sabiex il-Pulizija tagħlaq każ ta’ dan it-tip ta’ frodi.
Jista' l-Ministru jgħid liema sezzjoni/awtorità/dipartiment huwa responsabbli biex jinvestiga u jsolvi każijiet li jkun hemm rapport ta' frodi ta' Maltin minn persuni fuq l-internet? Kemm-il każ ġie solvut matul is-snin 2007, 2008, 2009 u 2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-Taqsima ta’ kontra l-Frodi flimkien mas-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-Iskwadra li hi nkarigata mill-investigazzjoni ta' reati kriminali dwar każijiet ta’ frodi permezz ta’ l-internet. Kif ġa spegajt fit-tweġiba preċedenti, dawn l-investigazzjonijiet huma komplessi, u s’issa, mis-sena 2007 l’hawn, kien hemm każ wieħed li ġie riżolt..
rapporti ta' abbużi mill-internet fuq persuni minorenni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jiġux investigati rapporti ta' abbużi minn fuq l-internet fuq persuni minorenni? Jista' jgħid jekk l-abbuż iridx jiġi rappurtat mill- vittma jew qraba tal-vittma jew jekk isirux investigazzjonijiet indipendenti li jkunu jistgħu jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tinvestiga kull rapport li jaslilha, isir minn min isir, ta’ reati li jsiru fuq minorenni permezz ta’ l-internet. Mhux neċessarjament li r-rapport isir mill-vittma jew qraba tal-vittma. Fil-fatt każijiet investigati mill-Pulizija kienu ġew irrapurtati minn diversi sorsi li jinkludu vittmi, ġenituri jew qraba, awtortajiet edukattivi, entitajiet governattivi, awtoritajiet tal-pulizija barranin, jew ukoll ikunu ġew osservati mis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija.
Sezzjoni li tinvestiga l-abbuz ta' frodi fuq l-internet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija kbira s-sezzjoni/awtorità/dipartiment li jinvestiga l-abbuż ta' frodi minn fuq l-internet vis-a-vis human resources u apparat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Kif diġa' spegajt fi tweġiba preċedenti t-Taqsima ta’ kontra l-Frodi flimkien mas-Cyber Crime Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija, hija l-Iskwadra nkarigata mill-investigazzjoni ta' reati kriminali dwar każijiet ta’ frodi permezz ta’ l-internet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-kaz li persuna li tixtri karozza antika u għalhekk tibda tħallas liċenzja għolja, jekk din l-istess persuna tbiddel il-magna li allura tniġġes inqas, din il-persuna tikkwalifika biex tibda tħallas inqas liċenzja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li meta vettura bil-mutur, li tkun diġà rreġistrata ma’ Transport Malta, tinbidlilha l-magna b'waħda ġdida jew użata, din il-vettura tikkwalifika għal ħlas ta’ liċenzja ta’ ċirkolazzjoni applikabbli skont is-CO2 jew tal-Particulate Matter ta’ dik il-magna.
Jekk il-klijent jipprovdi ċertifikat ta’ emmissionijiet ta’
CO
2
jew
Particulate Matter
inqas mil-magna oriġinali u dan iċ-ċertifikat ikun maħruġ minn eżaminatur awtorizzat jew faċilità tal-ittestjar akkreditata din il-vettura tkun tikkwalifika għal ħlas ta’ liċenzja mnaqqas.
Jista' l-Ministru jgħid kif meta jogħlew prezzijiet, bħal per eżempju dak tal-fuel, diesel, petrol u pitrolju allavolja l-fuel li jkun hemm għand tal-pompa jkun ilu mixtri, il-pompi tal-petrol jgħolluh mill-ewwel, filwaqt li għaliex raħsu l-prezzijiet ta' xi pilloli l-poplu jrid jistenna sakemm jispiċċa l-istokk li għandhom? Ma jaħsibx li mhuwiex konsistenti fil-politika tiegħu u allura sitwazzjoni bħal din tnaqqas il-kredibiltà tiegħu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li bħalma l-prezz tal-fuels fil-pompi jinbidel immedjatament meta jogħla, l-istess jiġri meta jitħabbar roħs fil-prezzijiet tal-fuels. Rigward il-prezzijiet tal-mediċini, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kif se jassigura li l-prezzijiet tal-pilloli li semma li se jorħsu, jara li attwalment jorħsu? X'se jkun il-makkinarju li se juża biex jagħmel dan peress li dan qed ngħidu fid-dawl li fl-introduzzjoni tal-VAT ukoll kellhom jorħsu 40,000 prodott, skont l-ex Ministru Dalli, imma l-poplu kollu jaf kemm-il 40,000 prodott raħas?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jippubblika s-social impact assessment li sar biex jara kif se jolqot lill-poplu Malti u Għawdxi speċjalment lill-anzjani tagħna qabel ma r-regolatur ippermetta li jħalli l-prezz tal-gass jiżdied b'mod fenominali, kif tħalla jiżdied?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-Impact Assessment summary analysis għas-settur residenzjali ilu ppubblikat minn Ġunju ta' din is-sena, jiġifieri minn meta L-MRA ħabbret il-mekaniżmu ta’ kif jinħadem il-prezz ta’ ċilindru tal-Liquid Petroleum Gas. L-istudju jinsab fuq il-website tal-MRA www.mra.org.mt. Għall-benefiċċju tal-Onor Interpellant qiegħed inpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma il-family friendly measures (FFM) li jistgħu japplikaw għalihom il-ħaddiema tal-gvern? Jista' jgħid kif iridu japplikaw għalihom dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid jekk hemmx xi ċirkostanza li minħabba fiha dawn ma jkunux jistgħu japplikaw għall-FFM? Min jiddeċiedi jekk ħaddiem jistax japplika biex jingħataw lilu/ha dawn il-FFM, jew le? Jekk ħaddiem jiġu rifjutati lilu l-FFM, fejn jista' jagħmel l-appell tiegħu jekk hemm post għal dan? Kemm hemm ħaddiema li ingħataw lilhom dawn il-FFM matul l-ewwel 6 xhur tas-sena 2010? F'liema kategoriji jinsabu jaħdmu u ma' liema dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hemm numru ta’ miżuri favur il-familja li bħalissa huma implimentati fl-Amministrazzjoni Pubblika. L-FFM huma applikabbli għall-ħaddiema kollha kemm fis-Servizz kif ukoll fis-Settur Pubbliku u huma elenkati f’Kapitlu 5 tal-Public Service Management Code (PSMC). Hemm ukoll manwal dwar il-family–friendly measures li jiġbor flimkien il-miżuri kollha. L-impjegati kollha huma nfurmati bil-miżuri favur il-familja permezz ta’ dawn il-pubblikazzjonijiet li huma aċċessabbli fuq l-internet kif ukoll permezz ta’ ċirkularijiet. Kemm Kapitlu 5 tal-PSMC, kif ukoll il-manwal jagħtu dettalji dwar kif l-impjegati għandhom japplikaw għal dawn il-miżuri, min japprova u ċ-ċirkostanzi meta l-FFM ma jkunux applikabbli. Għall-benefiċċju tal-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-lista tal-miżuri favur il-familja (Appendiċi ‘A’), il-Family-Friendly Measures Handbook (Appendiċi ‘C’).
F’każ li ħaddiem jiġu rrifjutati lilu l-FFM, il-proċess t’appell huwa stabbilit permezz taċ-Ċirkulari tal-MPO Nru 36/2010. Kopja ta’ din iċ-Ċirkulari qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra bħala Appendiċi ‘D’.
Fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2010, kien hemm 2608 ħaddiema fl-amministrazzjoni pubblika li ngħataw FFMs. L-informazzjoni dwar il-kategorija u dipartimenti ta’ dawn il-ħaddiema qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra bħala Appendiċi ‘E’.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhija l-medja ta' pensjoni li għandhom il-pensjonanti Maltin kull xahar? Kemm hemm min jaqla' iktar minn din il-pensjoni u kemm hemm persuni bħala numru li jaqilgħu inqas?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-medja ta’ pensjoni kontributorja tal-irtirar li jirċievu pensjonanti Maltin kull erba’ ġimgħat tammonta għal €501 u n-numru ta’ pensjonanti li jaqilgħu iżjed huwa ta’ 25,416 filwaqt li n-numru ta’ pensjonanti li jaqilgħu inqas hu ta’ 27,597.
Tajjeb nispjega li hemm diversi raġunijet għaliex hemm numru ta’ pensjonanti li jriċievu inqas mill-medja ta’ pensjoni msemmija, fosthom:
1. Il-pensjonant ikun qiegħed jirċievi pensjoni tas-servizz;
2. Il-pensjonant ikun qiegħed jirċievi pensjoni minn xi pajjiż barrani li Malta għandha ftehim bilaterali miegħu fuq is-Sigurtà Soċjali jew minn xi stat membru fl-Unjoni Ewropeja;
3. Il-pensjonant ma jkunx ħallas il-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta’ Soċjali u għaldaqstant ma jissodisfax it-test tal-kontribuzzjonijiet kif stabbilit mill-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Inżid ukoll u nagħmilha ċara li dawk il-pensjonanti li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux ħallsu il-massimu ta’ kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali u għaldaqstant jirċievu pensjoni kontributorja baxxa, ikollhom dritt ukoll għal rata ta’ pensjoni tal-età mhux kontributorja.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla ix-xogħol fuq it-Triq Patri Avertan Fenech il-Mosta u li kienet fuq il-lista ta' toroq li kienet għamlet l-Awtorità dwar it-Trasport u li kellhom isiru bejn l-2006 u l-2008? Meta se jitkompla ix-xogħol fuq din l-imsemmija triq?
Jista' l-Ministru jindaga jekk huwiex minnu li fil-Floriana Home hemm lift importanti għall-użu tal-anzjani li ilu iktar minn sena bil-ħsara u għalkemm hemm lift ieħor, dan huwa żgħir wisq u min jimxi bil-walking aid jew wheelchair ibati biex jagħmel użu minnu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara li saru x-xogħolijiet meħtieġa fuq il-ħsarat li kellu l-panoramic lift tad-Dar tal-Anzjani tal-Floriana, dan il-lift reġa’ beda jaħdem u jintuża mir-residenti fid-29 t’ Ottubru, 2010.