B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18141, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma dawn it-testijiet? Liema awtorità regolatorja jew medika tirrakkmanda dawn it-testijiet u tikkonferma li dawn it-testijiet jassiguraw li jipproteġu lill-pazjent bid-dimensja mill-effetti negattivi li tali anti-psikotiċi jħallu fuq il-pazjenti bid-dimensja? Kemm hemm pazjenti istituzzjonalizzati bid-dimensja li jieħdu anti-psikotiċi, u kemm minn dawn isirulhom dawn it-testijiet b'mod regolari?
Response (CASSAR, JOSEPH)
It-testijiet li jistgħu isiru huma tax-xaħmijiet fid-demm (blood lipids), taz-zokkor (random and fasting blood glucose) u tal-hormone prolactin, fost oħrajn skont il-bżonn u l-każ individwali.
Xorta jibqa’ risku zgħir ta’ puplesija (
stroke
) mill-użu tal-
atypical
antipsychotics
fid-dimenzja iżda huwa magħruf li r-risku mhux biss bl-
atypicals
iżda anke bit-
typicals
. Madanakollu f’pazjent bid-dimenzja u psikożi flimkien xorta jibqa’ l-bżonn ghal deċizjoni klinika ta’ kemm huwa essenzjali jew indispensabbli għall-ġid tal-pazjent li jirċievi l-kura minkejja ċerti riskji żgħar. Din id-deċiżjoni ssir bejn it-tabib u l-pazjent jew/u qrabatu, minħabba d-dimenzja.
Fl-Isptar Monte Karmeli hemm 23 pazjenti (7 rġiel u 16 nisa’) li jsofru bid-dimenzja. Minn dawn hemm 17 fuq
typical
antipsychotics
u 6 fuq
atypical
antipsychotics
. Ma tinżammx informazzjoni ċentralizzata fuq kemm isiru testijiet. Din hija deċizjoni klinika tat-tabib responsabbli mill-kura tal-pazjent.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx ppjanar u jekk hemm ppjanar allura jippubblika dan il-ppjanar li hemm biex ma jsirx xogħol doppju jew triplu u toroq li jkunu tajbin ma jsirx tħaffir fihom, u wara jkollhom jerġgħu jagħtu l-wiċċ tat-triq mill-ġdid? Każ riċenti huwa meta ġewwa ż-żona taż-Żokrija fejn kellhom jerġgħu jitkissru toroq ġodda biex jitħaffer gandott wiesa' xi 50 ċentimetru u fond xi metru biex jgħaddu 2 cables ħoxni ċentimetru-il wieħed.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, madwar sentejn ilu twaqqfet unit apposta fi ħdan Transport Malta sabiex tikkordina l-interventi kollha li jkunu se jsiru fit-toroq. Barra min hekk waħda mill-miri prinċipali ta’ din il-unit hu li qed ikun imfassal pjan ta’ xogħlijiet li jkunu se jsiru fin-network tat-toroq ta’ pajjiżna. Dan il-pjan jiġbor fih xogħlijiet tas-servizzi bħal Enemalta u l-Water Services Corporation kif ukoll pjan tat-toroq li jkunu se jinbnew u/jew ikun se jsirilhom xi intervent fuqhom. Minħabba li dan il-pjan hu wieħed attiv u x-xogħlijiet jinbidlu fuq bażi regolari mhux possibli li jkun ippublikat, però meta wieħed ikun se jagħmel intervent fit-triq jista’ jkun jaf minn qabel x’interventi hemm ippjananti u meta se jsiru.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, jien infurmat li x-xogħol imsemmi kien bżonnjuż sabiex tissaħħah il-provvista ta’ l-elettriku għall-iskola ġdida li nfetħet fiz-zona taż-Żokrija fil-Mosta. It-toroq li għaddew it-trinek minn ġo fihom jinkludu toroq li ġew asfaltati aktar minn tmien snin ilu u toroq oħrajn li għadhom ma' ġewx iffurmati. Infakkar l-Onor. Interpellant li filwaqt li l-koordinazzjoni ssir ma’ kull entità li tintervjeni fit-toroq, hu impossibli li wieħed jipprevedi xi emerġenzi li jinqalgħu minn żmien għall-ieħor.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir pjanar biex tinbidel is-sistema u ma nibqgħux bil-prattika adottata illum li jsir tħaffir fit-toroq u wara li jgħaddu s-servizzi dan it-tħaffir u l-gandotti jerġgħu jintradmu sakemm xi ħadd jerġa' jiftillu li jrid jgħaddi xi servizz ieħor? Meta sejra tibda titħaddem is-sistema biex dawn il-gandotti jsiru darba u li minnhom jgħaddu is-servizzi kollha, xi ħaġa li konna rajna bdiet issir f'ċertu toroq imma bħal donnha waqfet ħesrem u ma għadiex tintuża? Għaliex din is-sistema li saret fil-by pass, ring road tal-Mosta għan-naħa ta' San Giuseppe ma baqgħetx ssir?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sistema li qed jirreferi għaliha ilha titħaddem għal dawn l-aħħar sentejn wara li twaqqfet unit apposta fi ħdan Transport Malta. L-għan prinċipali ta’ din il-unit hu sabiex jassigura li l-interventi kollha li jsiru fit-toroq ikunu ppjanati u kkordinati qabel ma jkunu mplimentati. Għal dan il-għan il-Ministeru addotta policies ċari li huma miġburin f’dokument li daħal fis-seħħ fi Frar 2009 u li permezz tal-mistoqsija parlamentari 10488 kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu maċ-Ċivil fl-1 ta' Jannar 2010? Kemm minn dawn il-ħaddiema għandhom dħul ta' minimum wage u kemm hemm allura nies f'din l-iskala mill-ħaddiema kollha tal-gvern? Jista' jgħid kemm hemm ħaddiema oħrajn li qedin fi skali differenti, kemm hemm attwalment ħaddiema f'kull skala u kemm jaqilgħu skala, skala?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fl-1 ta’ Jannar 2010 kien hemm 28,877 impjegati fis-Servizz Publiku. L-ebda impjegat minn dawn ma kellu salarju ta’ Minimum Wage. L-impjegati kollha kellhom salaraji ogħla.
Attwalment hemm 28,627 impjegati fis-Servizz Publiku, li 28,126 minnhom għandhom is-salarju tagħhom abbinat mad-diversi skali ta’ salarji.Informazzjoni ta’ kemm hemm impjegati f’ kull skala tinsab fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Apparti dawn, hemm ukoll 415 impjegati mħallsin skond in-numru ta’ sigħat li jaħdmu, liema rati mhumiex komparabbli ma’ skala partikolari, kif ukoll mhijiex komparabbli ma’ skala.
Informazzjoni dwar is-salarji tal-impjegati tas-Servizz Pubbliku tinstab fl-Estimi Finanzjarji.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18401 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-art li hemm inti u dieħel lejn il-Mosta, kif taqbeż il-Knisja ta' San Silvestru fuq in-naħa tax-xellug, li kienet qisha tagħmel parti mill-housing estate tal-Blata l-Għolja imma hija parti maqtugħa minnu u ma ġietx mibnija, hijiex proprjetà privata jew tal-gvern? Jekk din l-informazzjoni ma tistax tingħata, minn fejn tista' tiġi miksuba?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-art li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tifforma parti minn art akbar li kienet ġiet dikjarat meħtieġa għal skop pubbliku permezz tad-Dikjarazzjoni tal-President nru. 754 tal-25 ta’ Ottubru 1991. Parti minn din l-istess art ġiet rilaxxati lura lis-sidien permezz ta’ Dikjarazzjoni oħra Nru 380 datata 28/4/2006. Madanakollu, d-dipartiment huwa nfurmat li l-art li ġiet rilaxxata għadha tidher reġistrata f’isem il-gvern u għaldaqstant qed jittieħdu l-passi neċessarji sabiex din ir-reġistrazzjoni tiġi koreġuta.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18397 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hawnx xi post fejn irġiel/ġuvintur jkunu jistgħu jinġabru f'xi home jekk iħossu li ma jistgħux jibqgħu jgħixu waħedhom u għandhom bżonn l-għajnuna? Jekk iva, x'inhuma l-kriterji? Veru li xi ħadd li għandu inqas minn 60 sena ma jista' jidħol fl-ebda home tal-gvern anke jekk dan ikun jixtieq li jagħmel dan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kriterji biex wieħed jista’ japplika biex jidħol ġo Dar għall-Anzjani tal-Gvern huma:
§ applikant irid ikollu `l fuq minn 60 sena;
§ applikant taħt is-60 sena iżda jkun ċertifikat li jbati minn xi tip ta’ diżabilità.
Għaldaqstant irġiel/ġuvintur li ma jikkwalifikawx taħt waħda minn dawn il-kriterji ma jkunux jistgħu japplikaw.
Dipartiment tas-Sanità — ġrieden ħdejn il-bring-in sites
Question
Jista' l-Ministru jagħti ordni lid-Dipartiment tas-Sanità biex jieħu ħsieb li ħdejn kull bring-in site jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex ma jibqgħux jinġabru ġriden li qed jispiċċaw jiġru fil-parapetti tan-nies tal-viċin u jieklu l-uċuħ tar-raba li jkun hemm fil-madwar?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-bring-in sites ma jaqgħux taħt id-dekasteru tiegħi imma huma r-responsabbilità tal-kunsilli lokali. Meta d-direttorat jiġi kkunsultat dwar xi applikazzjonijiet ta’ tali bring-in sites waħda mill-kundizzjonijiet li d-direttorat jagħmel hija li fiż-żona fejn jitqiegħdu l-bring-in sites jridu jittieħdu miżuri għal kontra l-infestazzjonijiet tal-ġrieden u dan kemm ħdejn il-bring-in sites kif ukoll fl-area tal-madwar.
Infurmat wkoll li meta d-direttorat għas-Saħħa Ambjentali jirċievi xi ilment rigward infestazzjonijiet ta’ ġrieden tittieħed azzjoni mmedjata mill-ħaddiema tal-Pest Control Unit u ż-żona indikata ssirilha trattament għal kontra l-ġrieden. Jekk l-Onor. Interpellant jindika liema
bring-in site
qed jirreferi għaliha, id-direttorat ikun jista’ jieħu l-azzjoni meħtieġa.
Mosta — Santa Margerita - Barriera ħdejn il-housing estate
Question
Jista' l-Prim Ministru jara li ssir xi ħaġa minħabba l-barriera li hemm ħdejn il-housing estate ta' Santa Margerita fil-Mosta li qed tuża l-isplussiv adekwat biex tqatta' l-blat, liema splussiv qed jikkawża ħafna inkonvinjent lir-residenti kollha ta' din iż-żona kull darba li jisplodi, fejn kull darba li jisplodi jagħmel theżżiża sħiħa f'ħafna djar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil-Onor. Interpellant li s-sistema li biha qeghdin approvati l-operat fil-barrieri li jinvolvi splussiv,qed jiġu riveduti mill-MRA (Malta Resources Authorithy) u mil-MEPA sabiex jitjieb il-kontroll fuq din l-attivita.
Naxxar u l-Mosta — barrikata ta' protezzjoni adekwata mad-dawra tal-barriera
Question
Jista' l-Prim Ministru jara li hemm barrikata ta' protezzjoni adekwata mad-dawra tal-barriera kollha li hemm bejn in-Naxxar u l-Mosta liema barriera tinstab fil-Wied tal-Mosta u kważi tasal sat-triq u allura jekk ma jkunx hemm barrikata adegwata li żżom lil dawk li jkunu għaddejin mit-triq, dawn faċilment jistgħu jibqgħu niżlin għal isfel f'każ ta aċċident?
Tista' l-Ministru tgħid għaliex inbidlet is-sistema edukattiva u issa l-istudenti jridu jġibu iċ-ċertifikati kollha fuq ċertifikat wieħed tal-'O' levels u jekk allura xi ħadd ġab tliet 'O' levels u jonqsu tlieta oħra jrid jerġa' jpoġġi għaċ-ċertifikati kollha f'salt? Jekk kien hemm xi tip ta' filosofija jew raġuni għaliex din is-sistema nbidlet, sar rivalwazzjoni jekk dan l-iskop intlaħaqx u jekk is-sistema l-ġdida hijiex qed iġġib iktar tbatija mentali u finanzjarja fuq dawk li jkunu nvoluti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li ma kien hemm l-ebda tibdil fis-sistema tal-eżamijiet u fiċ-certifikazzjoni fil-livell tas-SEC, li hu magħruf ukoll bħala l-‘O’ level.
L-istudenti jingħataw ċertifikat li juri s-suġġetti kollha li jkunu għaddew minnhom u m’għandhomx għalfejn jirrepetu dawn is-suġġetti. Jekk ikun jonqoshom xi suġġett biex jikkwalifikaw għal xi kors li jixtiequ jew biex jidħlu f’xi
sixth form
jistgħu jagħmlu l-eżami ta’ dak is-suġġett biss u jingħataw ċertifikat tiegħu meta jgħaddu.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri biex jintagħżlu t-toroq li għandhom jingħataw it-tarmak mill-gvern ċentrali? X'jittieħdu inkonsiderazzjoni meta jsir dan? Jittieħdu in konsiderazzjoni kemm fil-lokalità partikolari jkun hemm persentaġġ ta' toroq imfarrkin u kemm hemm toroq ta' livell u stat ħażin qabel ma tintgħażel triq biex tingħata wiċċ ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19277.
Jista' l-Ministru jippubblika l-istudji li l-Transport Malta għandhom fuq il-livell u persentaġġ tat-toroq li huma mfarrkin f'kull lokal f'Malta u Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta għandha lista ta’ toroq li għandhom ħsarat kbar jew għadhom qatt ma’ saru u għalhekk jaqaw taħt responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali. Dawn it-toroq qegħdin imsemmija fil-lista mogħtija fir-risposta ta’ PQ 19277 u l-persentaġġ ta’ tkissir f’dawn it-toroq huwa wieħed għoli.
Wara li dawn it-toroq jinbnew, jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsill lokali rispettiv u għalhekk aktar informazzjoni fuq toroq li ma jagħmlux parti minn din il-lista għandha tingħata mill-Ministeru kkonċernat.
Tqassim tajjeb tal-għajnuna mill-Unjoni Ewropea għat-tfal li jgħixu f'riskju ta' faqar
Question
Tista' l-Ministru tgħid kif dawk it-tfal li jinsabu f'riskju ta' faqar qed jingħataw għajnuna? Qed tassigura li l-għajnuna li qed tiġi lejn Malta mill-Unjoni Ewropea sabiex tgħin lil dawk li jinsabu f'riskju ta' faqar qed tgħin lit-tfal ukoll li jinsabu f'dan ir-riskju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Waqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-parti tal-mistoqsija tiegħu relatata ma’ għajnuna mill-Unjoni Ewropea lill-Ministru kkonċernat, qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni oħra mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid kif qed jiġu identifikati ħalli jiġu mgħejjuna dawk it-tfal li huma f'riskju ta' faqar? Kemm huwa stmat li hija l-aħħar figura li għandha
l-Ministru f'idejha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa għandhom id-dritt għall-benefiċċji tas-CPD? Kemm hemm ħaddiema li matul is-sena 2009 ibbenefikaw minn dawn il-benefiċċji u għal liema skop intużaw dawn il-flus? Hemm ħaddiema li jaħdmu mal-qasam tas-saħħa li mhux qed jibbenefikaw minn dawn il-benefiċċji u għaliex ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa li għandhom dritt għall-benefiċċji tas-CPD (Continuous Personal Development) huma dawk fil-gradi ta’ infermiera, qwiebel, paramediċi u health inspectors.
533 infermiera u qwiebel u 131 paramediċi u
health inspectors
ibbenefikaw mis-CPD fl-2009. Ta min wieħed jiċċara li fl-2009 l-infermiera u l-qwiebel tħallsu għal spejjeż li għamlu fl-2008 u l-bidu tal-2009 waqt li l-paramediċi u l-
health inspectors
tħallsu għal spejjeż li għamlu fl-2007. Dawn l-ispejjeż ivarjaw minn ħlasijiet għal korsijiet, kotba u rivisti relatati mal-grad tal-individwu sa ħlasijiet ta’
computers
.
L-uniċi ħaddiema f’dawn il-gradi li ma jibbenefikawx mis-CPD huma dawk li applikaw u ntgħażlu biex jagħmlu xogħol f’xi pożizzjoni partikolari li l-kuntratt relatat ma’ din il-pożizzjoni jispeċifika li l-individwu m’għandux dritt għas-CPD.
Mosta — Santa Margerita - rotta tal-karozza tal-linja
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li l-karozzi tal-linja jibdew jgħaddu iktar ta' spiss miż-żona Santa Margerita fil-Mosta, bħal ngħidu aħna darba kull nofs siegħa u mhux kull siegħa kif inhuma llum? Jaf li f'din iż-żona l-karozza tal-linja tgħaddi biss darba kull siegħa u dan is-servizz jieqaf sas-6.30 ta' fil-għaxija, is-Sibt sa nofs inhar u l-Ħadd ma tmur l-ebda karozza tal-linja, liema rotta u servizz qed joħloq ħafna inkonvinjent lir-residenti meta wieħed għandu jżomm f'moħħu li hemm ħafna bogħod għaċ-Ċentru tal-Mosta jew għal fuq stage fil-qrib?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bl-introduzzjoni tar-Riforma tat-Trasport Pubbliku fix-xhur li ġejjin, iż-żona ta’ Santa Margerita se tingħata servizz permezz tar-Rotot tal-Mosta, liema servizz se jingħata bi frekwenza ta’ 30 minuta fil-ħinijiet peak. Dan is-servizz se jkun operat kuljum bejn il-5.30 ta’ filgħodu u l-11.00 ta’ bil-lejl.
Jista' l-Ministru jispjega eżatt x'inhi l-proċedura u min hu responsabbli li jitwaħħlu cameras ħdejn il-bring-in sites, li żvinturatament meta ma jkunx hemm din is-sorveljanza qed jispiċċaw postijiet ta' ħmieġ kbir fejn kulħadd jitfa' kull tip ta' żibel ħdejhom u anki jispiċċaw jinġabru ħafna ġriden, nemus u kull tip ta' insetti ħdejn dawn il-bring-in sites?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 19637.
Jista' l-Prim Ministru jispjega l-proċedura ta' kif jibdew jiġu nvoluti l-green wardens biex jaraw li l-pubbliku jibda juża aħjar il-bring-in sites? Min huwa responsabli li jinvolvi lill-green warden fil-lokalità tiegħu, il-gvern ċenrtali, il-kunsill jew xi awtorità oħra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-gwardjani lokali li jkunu speċjalizzaw fl-infurzar tal-liġijiet li jirregolaw il-ħarsien ambjentali u li għaldaqstant jirreferu għalihom bħala green wardens jew eco wardens.
F’dan id-dawl ninsab infurmat li il-gwardjani lokali, kemm bħala parti mix-xogħol ‘normali’ tagħhom, kif ukoll meta jkunu assenjati xogħol relatat mal-ħarsien tal-ambjent, għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu l-passi neċessarji fil-konfront ta’ terzi li jagħmlu użu mhux f’loku tas-servizz tal-
bring-in-sites
u jikkontrollaw kull forma ta’ abbuż konness mas-servizz.
Intant is-servizzi kollha tal-gwardjani lokali huma pprovduti mil-aġenziji tal-gwardjani lokali skond l-istruzzjonijiet mogħtija lilhom mill-kunsilli lokali.
Rapporti ta' liema huma toroq imkissrin madwar Malta u Għawdex
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux rapporti f'idejh ta' kemm hemm u liema huma t-toroq li hemm imkissrin madwar Malta u Għawdex kollu? Jista' jgħid kemm għandhom toroq imkissra u ta' liema persentaġġ ta' tkissir huma kull belt u raħal f'Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega x'livell ta' tkissir qed jirreferi għalih.