Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19569 u jgħid kemm kellu bżonn iktar ħaddiema f'Awwissu 2010 biex l-istaff tal-isptar jiġi bil-full complement? Jista' jgħid kemm ikollu bżonn iktar budget biex ikun jista' jħallas lil dawn il-ħaddiema għax-xogħol tagħhom? Jista' jgħid dawn il-ħaddiema f'liema kategorija huma? Jista' jgħid meta hu ppjanat li dan il-full complement jintlaħaq u kif?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li r-reklutaġġ fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità jsir skont l-Eżerċizzju tal-Capacity Building li jkun ikkoordinat mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment flimkien mal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO) fi ħdan l-Uffiċċju għall-Prim Ministru. Fil-Capacity Building attwali huwa approvat li jsir reklutaġġ ta’ 416 persuna ġdida, li jinsabu fi gradi ta’ diversi kategoriji, kif ukoll għal numru ta’ sejħiet interni li għaldaqstant isarrfu fi promozzjonijiet ta’ staff eżistenti fis-Servizz Pubbliku.
Il-budget allokat għar-reklutaġġ ta’ dawn il-persuni ġodda kif ukoll għat-twettiq tal-promozzjonijiet hawn fuq imsemmija huwa ta’ €13,660,810 għas-sena 2011.
Il-proċess biex jinħarġu s-sejħiet kollha approvati fil-Capacity Building għaldaqstant inbeda, u fil-fatt diġà nħarġu diversi sejħiet. L-ingaġġ isir skont il-ħtiġijiet tas-Servizz Pubbliku u l-prijoritajiet tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19859 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm nies li qed jibbenifikaw minn għajnuna li qed tiġi mill-Unjoni Ewropea għal dawk li għandhom dħul baxx, liema għajnuna titqassam mill-qassisin fl-irħula u bliet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet numri 15006 u 20714. L-għajnuna tista tingħata lil dawk il-persuni li jaqgħu taħt waħda minn dawn il-kategoriji;
· Pensjoni tal-etá
· Għajnuna Soċjali
· Għajnuna Soċjali għal Xebba Omm
· Għajnuna għal min ma jaħdimx
· Carers Assistance/Pension
· Severely/mentally handicapped
· Għajnuna lill-Għomja
· Benefiċċju Speċjali tal-Qgħad
· Persuna lil tikkwalifika għall-karta r-roża permezz tat-test tal-mezzi
Nitlob lill-Onor Interpellant jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi.
għajnuna mill-Unjoni Ewropea — ikel għal min għandu dħul baxx
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19860 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm-il prodott ta' ikel bħala għajnuna mill-Unjoni Ewropa qed jiġu biex jitqassmu lil dawk li l-aktar għandhom dħul baxx?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 15006 u 17255.
Convention on the Elimination of all Forms of Discrimination against Women
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Gvern Malti huwiex marbut li jimplimenta dak li ġie suġġerit fil-Convention on the Elimination of all Forms of Discrimination against Women tat-22 t'Ottubru 2010, fid-dawl li punt Nru 9 jgħid "while reaffirming that the government has the primary responsibility and is particularly accountable for all the full implementation of the obligations of the state party under the convention, the committee stresses that the convention is binding on all branches of government...."?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-raġuni għaliex f'punt 26 taħt it-titlu Trafficking and Exploitation of Prostitution jgħid li about the paucity of data with regard to trafficking of women and girls into Malta. As such , the comittee was not provided with sufficient information on the actual situation in Malta and on the institutional mechanism in place to fight agains trafficking. Tista' l-Ministru tispjega?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-Paġni 13-15 tar-rapport li jinsab fuq is- sit eletroniku http://www2.ohchr.org/english/bodies/cedaw/docs/AdvanceVersions/CEDAW-C-MLT-Q4-Add1.pdf, li kopja tal-paġni msemmija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18079 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn reliġjonijiet u setet li jipprattikaw it-twemmin tagħhom f'Malta u Għawdex u kemm dawn ir-reliġjonijiet differenti għandhom membri f'kull reliġjon/setta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jiġborx informazzjoni dwar it-twemmin reliġjuż jew dwar membri ta’ reliġjonijiet u setet.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19194 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif se jassigura li l-prezzijiet tal-pilloli li semma li se jorħsu, jara li attwalment jorħsu? X'se jkun il-makkinarju li se juża biex jagħmel dan peress li dan qed ngħidu fid-dawl li fl-introduzzjoni tal-VAT ukoll kellhom jorħsu 40,000 prodott, skont l-ex Ministru Dalli, imma l-poplu kollu jaf kemm-il 40,000 prodott raħas?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li minn meta l-Gvern ħabbar ir-roħs fil-prezzijiet tal-mediċina f’Lulju ta’ din is-sena, uffiċjali mid-Dipartiment tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni bdew jagħmlu spezzjonijiet fl-ispiżeriji f’Malta u Għawdex biex jaraw li l-prezzijiet tal-mediċini ikunux fil-fatt qed jorħsu.Waqt dawn l-ispezzjonijiet jiġi vverifikat il-prezz li tkun qed tinbiegħ il-mediċina.F’ċertu każi tintalab il-kwantita’ ta’ stokk antik li jkun fadlilha l-ispiżerija. F’ każi oħra jinħass il-bżonn li jsir kuntatt mal-impurtatur sabiex jiġi vverifikat jekk spiżerija partikolari tkunx xtrat stokk ġdid jew le. Diġà saru ‘l fuq minn 500 spezzjoni għal dan il-għan. Minn dawn l-ispezzjonijiet qed jirriżulta li fil-fatt il-mediċini indikati qed jorħsu.
Jista' l-Ministru jgħid meta n-noll tal-vapur t'Għawdex se jerġa' jibda jopera bin-noll tax-xitwa, jiġifieri offerti speċjali, u meta beda jopera bin-nollijiet tax-xitwa fis-snin 2007, 2008, u 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-offerti speċjali tax-Xitwa tas-sena 2007 kienu bdew bejn l-1 ta’ Novembru 2007 sal-31 ta’ Mejju 2008, u dawk għas-sena 2008 kienu bdew mit-8 ta’ Novembru 2008 sat-28 ta’ Marzu 2009. Matul is-sena 2009 l-offerti speċjali tax-Xitwa kienu bdew fid-9 ta’ Diċembru 2009 sas-27 ta’ April 2010, meta kien sar it-trasferiment tat-Ticketing System miċ-Ċirkewwa għall-Imġarr, Għawdex.
Tista' l-Ministru tara fiex wasal il-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, dwar post tal-housing? Fiex waslet fil-waiting list imsemmija li ilha għaxar snin tistenna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li l-Onor. Interpellant mhux korrett fil-mistoqsija li qiegħed jagħmel, aħjar jagħti parir lill-persuna ndikata minnu biex titkellem mal-Customer Care Office tal-Awtorita’ tad-Djar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jiġri minn dawk li għamlu l-eżami tal-clerks mal-public service? Kemm se jingaġġa minn dawn li għaddew mill-eżami u meta sejrin jibdew fil-post tax-xogħol tagħhom? Kemm idum jgħodd dan l-eżami għal dawk li ma jintgħażlux mal-ewwel grupp? Kemm huwa stmat li għandu bżonn clerks is-servizz publiku biex jiġi bil-full complement?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari diġà ngħatat permezz tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet Parlamentari numru 19111 u 19351.
Rapporti ta' liema huma toroq imkissrin madwar Malta u Għawdex
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19586, jista' l-Ministru jgħid jekk għandux rapporti f'idejh ta' kemm hemm u liema huma t-toroq li hemm imkissrin madwar Malta u Għawdex kollu? Jista' jgħid kemm għandhom toroq imkissra (jiġifieri toroq mimlija ħofor, ħotob, gandotti, potholes eċċ.) u ta' liema persentaġġ ta' tkissir huma kull belt u raħal f'Malta? Jista' jgħid jekk għandux studju li jagħti tagħrif dwar l-istat tat-toroq Maltin u Għawdxin kollha?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel dak li tlabtu fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19586.
Tista' l-Ministru tgħid min għandu l-permess li jikklempja u jagħti ċitazzjonijiet ġewwa l-Università ta' Malta f'Tal-Qroqq?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Università għandha kuntratt ma’ kumpanija privata tas-sigurtà, li fost id-dmirijiet tagħha għandha l-kontroll tat-traffiku fl-Università.
Tista' l-Ministru tgħid f'liema żona jista' jsir il-clamping ġewwa l-bini tal-Università ta' Malta tal-Qroqq u minn min huwa awtorizzat? Tista' tgħid jekk jeżistix xi body fejn xi ħadd li jkun jemmen li ġie clamped mingħajr ma kellu tort jista' jappella mid-deċiżjoni li jkun ħa min ikklempjalu l-karozza tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-
clamping
isir fuq il-Campus kollu tal-Università tal-Qroqq.
Il-
clamping
hu awtorizzat mill-Kunsill tal-Università b’regolamenti li ġew fis-seħħ fl-1 ta’Frar 2002.
F’każ li persuna ma taqbilx mad-deċiżjoni l-appell isir b’ittra indirizzata lid-Direttur Tal-Finanzi ta’ l-Università.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-pensjoni tad-diżabilità hi marbuta ma' 60% tal-paga minima nazzjonali u għala tintilef jew titnaqqas fil-każ li persuna b'diżabilità issib ix-xogħol u jkollha diżabilità permanenti jew intellettwali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ‘l-pensjoni tad-diżabilità oriġinarjament kienet tingħata lill-dawk il-persuni li ma jkunux jistgħu iżżommu lilhom infushom f’impieg jew xogħol għal rashom full-time minħabba d-diżabilità li jkollhom, peress li ħafna drabi dawn ma kienux joħorġu minn djarhom.
Ir-rata ta’ 60% tal-paga minima nazzjonali kienet stabbilita għaliex din il-pensjoni titħallas lill-persuna waħedha u mhux lill-familja, bħal għajnuniet oħra, jiġifieri l-familja tista tkun qed tircievi għajnuna jew benefiċċju ieħor u xorta l-persuna b’diżabilità tibqa’ tikkwalifika għal din il-pensjoni.
Din il-pensjoni titnaqqas biss jekk il-benifiċċjarju jkollu dħul aktar mill-ammont tal-paga minima nazzjonali meta wieħed jgħodd id-dħul (minn eż. impieg
part time
, interessi jew dħul ieħor) u r-rata ta’ pensjoni li jkun intitolat għaliha.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn ażjendi li għandhom iktar minn 50 impjegat li jimpjegaw 2% persuni b'diżabilità? X'inhu jagħmel il-gvern fil-konfront ta' dawk li qegħdin jiksru il-liġi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hawn 56 post tax-xogħol li jħaddmu 'l fuq minn 50 persuna u li jimpjegaw 2% jew aktar persuni b’diżabilità.
Bħalma diġà intqal b’risposta għall-mistoqsija parlamentari W154 l-ispirtu tal-Kap 210 huwa wieħed edukattiv u mhux punittiv. Għalhekk hija l-politika tal-Gvern li min iħaddem jimpjega persuni b’diżabilità b’konvinzjoni li dawn se jkunu ħaddiema produttivi u mhux għax mhedded mill-penalitajiet kontemplati mil-liġi.
Fir-rigward ta’ ingaġġ ta’ persuni b’diżabilità, il-Gvern permezz tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ qed jieħu atteġġjament fejn jipprova jikkonvinċi lil min iħaddem jimpjega persuni b’diżabilità permezz ta’ skemi ta’ esperjenza ta’ xogħol, skema ta sussidju fuq il-pagi mħallsa mifrux fuq tliet snin u re-imburżar tal-kontribuzzjoni tal-N.I., imħallsa mill-
employer
għall-ewwel tliet snin tal-impjieg.
Tista' l-Ministru tgħid kif qiegħed isir il-Quality Assurance fit-Taqsima tal-Edukazzjoni biex tiżgura li l-Kurrikulu Minimu Nazzjonali qiegħed jintlaħaq mill-persuni b'diżabilità li huma kemm fil-mainstream kif ukoll fl-iskejjel speċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-dipartiment tal-kurrikulu fl-2007 kien ħareġ syllabus supplements sabiex jgħinu studenti b’diżabilità.
Il-Quality Assurance qed tintlaħaq billi:
a. L-Uffiċjali Edukattivi jżuru l-iskejjel biex jevalwaw il-progress tal-istudenti.
b. Fl-iskejjel sekondarji għandhom karti tal-eżami preparati fuq 3 livelli differenti.
c. Taħriġ lill-għalliema u lill-uffiċjali edukattivi dwar l-inklużjoni u metodu ta’ tagħlim magħruf bħala
differentiation
.
Id-Dipartiment tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità iwettaq wkoll evalwazzjoni u spezzjonar tal-iskejjel kif ukoll preparazzjoni tal-pjan edukattiv inkluż l-edukazzjoni ta’ persuni b’diżabilità.
Sptar Monte Carmeli, San Vinċenz de Paule u istituzzjonijiet oħra — persuni b'diżabilità intelletwali
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn nies b'diżabilità intellettwali residenti fl-Isptarijiet Monte Carmeli, San Vinċenz de Paule u istituzzjonijiet oħra tal-Gvern? Tista' tagħti ukoll l-etajiet sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-ewwel part tal-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. L-informazzjoni dwar nies b’diżabilità intelletwali residenti f’residenzi tal-Aġenzija Sapport qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew speċjalisti u professuri barranin minn barra minn Malta ħalli jkunu jistgħu joperaw fl-Isptar Mater Dei pazjenti Maltin matul is-sena 2010? Jista' jgħid f'liema oqsma huma speċjalizzati dawn il-professuri/speċjalisti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena ġew 22 professuri barranin minn barra minn Malta. It-tabella t’hawn taħt turi l-oqsma ta’ speċjalità ta’ dawn il-professuri.
Speċjalita
Numru ta’ Professuri
Ortopedija
6
Kardioloġija
1
Anestesija
1
Kirurġija
5
Dentistrija
1
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li hawn persuni li għandhom il-kundizzjoni tal-għajnejn C3 - R? Jista' jgħid jekk teżistix kura għal din il-kundizzjoni fl-Isptar Mater Dei jew f'xi post ieħor pubbliku? Kif għandu jingħata l-kura pazjent ladarba jinstab li għandu din l-kundizzjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li C3-R huwa trattament li jingħata għall-kundizzjoni ta’ keratoconus. Dan huwa trattament li jintuża biex isaħħaħ il-kornea sabiex il-kundizzjoni ma tibqax sejra għall-agħar u m’huwiex kura definitiva. Huwa stmat li jkun hemm żewġ każijiet ġodda ta’ keratoconus kull xahar.
Dan it-trattament ma jiffurmax parti mill-pakkett ta’ servizzi b’xejn li joffri il-Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw tobba u f'liema grad kienu - Senior House Officer eċċ - biex imorru jaħdmu barra l-pajjiż matul is-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.