Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pilloli ġodda fuq il-kartuna s-safra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jagħmel biex jixtri l-pilloli kollha li suppost jieħdu dawk intitolati għalihom u jixtri l-pilloli l-ġodda li żied fuq il-kartuna is-safra jekk il-flus ibbaġitjati għal din is-sena biex jixtru l-pilloli huma l-istess ammont ta' dak tas-sena l-oħra meta din is-sena kellna diversi pilloli out of stock?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern jibqa’ kommess li jipprovdi b’xejn servizzi tas-saħħa u mediċini approvati lil kull min hu intitolat. Għalkemm il-konsum u l-prezzijiet tal-mediċini jvarjaw matul is-sena, konvint li ser inkunu f’pożizzjoni li nibqgħu noffru is-servizz komplut lil kull min hu intitolat

kwestjoni dwar pensjoni tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20386 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid b'liema razzjonal jimxi biha l-istat meta jkollok raġel li għamel 25 sena fis-servizz u jkun qed jieħu il-pensjoni tal-pulizija u dan imut? Meta dan jiġi nieqes il-mara tiegħu ma tibqax tieħu il-pensjoni tal-pulizija imma tieħu biss il-pensjoni tar-romol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-għoti ta’ pensjonijiet, gratifikazzjonijiet u allowances oħra lill-persuni fis-Servizz Pubbliku ta’ Malta huma regolati skond il-liġi taħt l-Ordinanza Dwar il-Pensjonijiet, Kapitlu 93. Skond Sezzjoni 7, ebda pensjoni, gratifikazzjoni jew allowance oħra ma tingħata lill ebda uffiċċjal ħlief meta jirtira mis-servizz pubbliku, f’dan il-każ membru tal-Korp tal-Pulizija meta jew wara li jagħlaq ħamsa u għoxrin sena servizz fil-Korp. Skond Sezzjoni 15, ebda pensjoni, gratifikazzjoni jew allowance moghtija taħt din l-Ordinanza ma tista’ tiġi ċeduta jew ittrasferuta jew maqbuda. Kull pensjoni li tingħata taħt l-Ordinanza tal-Pensjonijiet Kap 93 tieqaf meta il-persuna tiġi nieqsa.

Negozji ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm negozji ġodda li fetħu f'Malta u Għawdex matul l-ewwel 6 xhur tas-sena 2010? Jista' jgħid kemm kien hemm minn dawn in-negozji li għalqu l-bibien għaliex ma sabux li kien jaqbilhom jkomplu bin-negozji tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21464.

Dipartiment tal-Gvern — multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġabar flus mill-multi li ta lin-nies għaliex ma kinux regolarizzati mad-Dipartiment tal-VAT bejn Jannar 2010 u Ottubru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21858.
Leg 11 PQ #21859 Sitting 295 2010-12-14 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kumpaniji li għollew it-tariffi tagħhom fuq is-servizzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20239 u jgħid kemm kien hemm servizzi li joffri l-gvern u d-dipartimenti tiegħu, agenziji tal-gvern u bodies oħrajn li huma mwaqqfa mill-gvern biex jagħtu servizz lill-poplu u lill-kumpaniji parastatali li għollew it-tariffi tagħhom matul is-sena 2008/2009/ 2010? Liema kienu dawn il-kumpaniji u x'servizz jagħtu u kemm kien is-servizz li kienu jagħtu fl-2008 u kemm huwa llum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #21860 Sitting 295 2010-12-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Naxxar u l-Mosta — barrikata ta' protezzjoni adekwata mad-dawra tal-barriera

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20065 u jara li hemm barrikata ta' protezzjoni adegwata mad-dawra tal-barriera kollha li hemm bejn in-Naxxar u l-Mosta liema barriera tinstab fil-Wied tal-Mosta u kważi tasal sat-triq u allura jekk ma jkunx hemm barrikata adegwata li żżomm lil dawk li jkunu għaddejin mit-triq, dawn faċilment jistgħu jibqgħu niżlin għal isfel f'każ ta' aċċident?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-barriera tal-qawwi numru 22 u li għaliha qed issir referenza, hija mdawra b’ ħajt tal-ġebel u fence skont kif impost fil-permessi tal-MEPA, liema ħajt jifred ix-xifer tal-barriera minn art buffer strip li teżisti bejn il-konfini tal-barriera u t-triq prinċipali li tagħti bejn it-telgħa komunament magħrufa bħala t’Alla u Ommu l/t Naxxar u Santa Margerita Estate l/t Mosta. Parti mill-istess buffer strip hija fil-fatt delinejata min-naħa tat-triq permess ta’ crash barrier tal-metall li normalment tinstalla Transport Malta fit-toroq. Pero kif qiegħed korrettament jinforma l-Onor. Interpellant, jirriżulta illi hemm xi partijiet nieqsa jew miksura min din l-istess crash barrier . Il-MEPA qed tressaq l-ilment lill-Awtorità kompetenti biex tittieħed l-azzjoni.

Rabat — Għajn Qajjet - Lift fil-Qasam tal-Bini tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tagħti d-dokumenti u r-rapporti mħejjija mill-esperti li waslu għall-konklużjoni li fi Block A fil-Qasam tal-bini tal-gvern ġewwa Għajn Qajjet fir-Rabat Malta, mhuwiex teknikament possibli li jiġi akkomodat lift?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li waħda mill-kundizzjonijiet tal-Iskema tal-liftijiet tgħid li l-installar isir biss fejn ikun teknikament possibbli. B’wesgħa ta’ 2,430 millimetru fit-tromba ta’ Blokk A ma jistax joqgħod lift li jħalli wesgħa komda biżżejjed ta’ taraġ biex igħaddu r-residenti. Dan kollu studjawh u kkonfermawh kemm il-perit kif ukoll il-konsulent inġinier tal-awtorità responsabli mill-liftijiet. Kif ġie mitlub mill-Onorevoli Interpellant qed jiġu ppreżentati r-rapporti tal-perit u tal-inġinier.

Skema ta' Roħs tat-telephone għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qegħdin fl-iskema dwar roħs tat-telephone provduta mid-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunità fil-perjodi 2007, 2008, 2009 u 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Roħs tat-telephone għall-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li ma baqgħux jieħdu jew jikkwalifikaw għal roħs fuq it-telephone provdut mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità matul is-snin 2007, 2008, 2009 u 2010? X'kienu r-raġunijiet li nġiebu biex dawn l-anzjani ma baqgħux jikkwalifikaw għal dan is-sussidju?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ persuni li ma baqgħux jieħdu jew jikkwalifikaw għal roħs fuq il-linja tat-telephone matul il-perjodu indikat hu kif jidher hawn taħt: 2007: 406 persuna 2008: 734 persuna 2009: 443 persuna 2010: 510 persuna (sal-24 ta’ Novembru 2010) Ir-raġunijiet li dawn l-anzjani ma baqgħux jieħdu jew ma baqgħux jikkwalifikaw għal dan is-sussidju huma kif ġej: § Persuni li ġew nieqsa matul is-sena kurrenti skont il-lista tal-mejtin li tasal għandna mir-Registru Pubbliku. § Persuni li qalbu għall-offerti tal-GO ( talk any time, talk 200, free nights and weekends, bundles u home packs. ) § Persuni li twaqqfitilhom il-karta r-roża mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. Persuni li ma bagħtux kopja tal-karta r-roża mġedda kif suppost jagħmlu ta’ kull sena, wara li jkun intbaghtilhom avviż mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità segwiti minn telefonata sabiex jagħmlu dan fiż-żmien stipulat fuq dan l-avviż.

Żejtun — night shelter

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fiha kapaċità li takkomoda residenti d-dar il-ġdida taż-Żejtun li nfetħet bħala night shelter? Jista' jgħid ir-razzjonal wara din id-dar u jippubblika l-istudji fejn juru l-vantaġġi ta' dan is-servizz fuq servizzi oħrajn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-Night Shelter il-ġdid, li jinsab ġewwa l-Kunvent tas-Sorijiet ta’ Ġesu’ Nażżarenu fiż-Żejtun, għandu l-kapacità ta’ tmien (8) sodod. Ir-razzjonal wara dan in- Night Shelter hija li joffri serħan il-moħħ għal dawk l-anzjani li jgħixu weħidhom imma li matul il-lejl iħossuwhom weħidhom u bla wens. Għalkemm ma saru l-ebda studji uffiċjali fejn juru l-vantaġġi ta’ dan is-servizz fuq servizzi oħrajn, huwa ovvju li dan is-servizz ta’ matul il-lejl biss, huwa iktar vijabbli finanzjarjament milli kieku kellek iżżomm l-istess numru ta’ anzjani f`xi waħda mid-djar tal-anzjani tal-gvern 24 siegħa kuljum.

Unjoni Ewropea — flus

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew flus u kemm Malta ħallset flus lill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u sa Settembru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21784.

Meals on Wheels — anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li kienu abbonati mas-servizz meals on wheels fis-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009 u sa Settembru 2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li n-numru ta’ persuni abbonati mas-servizz tal-Meals on Wheels matul il-perjodu indikat huwa kif ġej :- Sena Numru ta’ Abbonati 2005 1437 2006 1200 2007 1358 2008 1049 2009 1074 2010 1470 (sal-15 ta’ Novembru) Tajjeb wieħed isostni li kemm ilu jiġi ppreparat l-ikel fil-kċina tal-isptar San Vincenz de Paule, it-talba għal dan is-servizz bdiet tiżdied.

Servizzi meals on wheels — budget

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-budget u l-flus dedikati għas-servizz meals on wheels ġew imnaqqsa għal matul is-sena 2011? Kemm fil-fatt ġew imnaqqsa u kif se jatfettwa s-servizz tal-meals on wheels dan it-tnaqqis fil-budget?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tinghata f’xi seduta oħra.

Meals on Wheels — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx anzjani fil-waiting list biex jidħlu fis-servizz tal-meals on wheels? Kemm hemm anzjani li qed jieħdu dan is-servizz u kemm huwa proġettat li jiżdiedu l-anzjani li qed jieħdu dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li sal-15 ta’ Novembru 2010 kien hemm 51 persuna fuq il-waiting list biex jibdew jibbenefikaw mis-servizz Meals on Wheels. In-numru ta’ persuni li jibbenefikaw minn dan is-servizz ivarja minn jum għall-ieħor minħabba li mhux kull abbonat jitlob servizz regolari. Madankollu jista’ jingħad li fil-preżent hemm madwar 300 persuna li jibbenefikaw mis-servizz kuljum. In-numru ta’ persuni li qed jitolbu s-servizz qiegħed jiżdied kif juru l-figuri ta’ abbonati kif indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21582. Dan is-servizz jiġi offrut lil persuni li għalqu s-sittin sena jew li għandhomi bżonnijiet speċjali. Ta’ min wieħed jerġa' jsostni li sa minn meta l-Meals on Wheels beda jiġi msajjar u preparat fil-kċina tal-Isptar San Vinċenz de Paule, mill-istaff tal-kċina ta’ dan l-isptar, din id-domanda għall-Meals on Wheels qiegħda dejjem tiżdied.

intervent ortopediku

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19767, jista' l-Ministru jara li tiġi mogħtija l-għajnuna lill-pazjent li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu bżonn operazzjoni għax is-sitwazzjoni qed tbiddel il-ħajja tiegħu drastikament u qed toħloqlu tbatija fiżika u psikoloġika?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li nbeda l-proċesss tal-ħruġ ta’ kuntratt permezz tad-Diviżjonii tal-Kuntratti sabiex jinxtara l-uncemented total hip replacement prosthesis li jkun hemm bżonn f’dan it-tip ta’ pazjent. L-operazzjoni fuq dan il-pazjent tkun tista’ ssir jekk il-kundiizzjoni medika tal-pazjent tkun tippeprmetti.

Dipartiment tal-Gvern — multi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20333 u jgħid kemm ġabar flus mill-multi li ta lin-nies għaliex ma kenux regolarizzati mad-Dipartiment tal-VAT bejn Jannar 2010 u Ottubru 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi multi kriminali huma dovuti u pagabbli lill-qrati u mhux lid-Dipartiment tal-VAT. Għaldaqstant, id-dipartiment m’għandux aċċess għal din l-informazzjoni.

Negozji ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19658 u jgħid kemm kien hemm negozji ġodda li fetħu f'Malta u Għawdex matul l-ewwel 6 xhur tas-sena 2010? Jista' jgħid kemm kien hemm min dawn in-negozji li għalqu l-bibien għaliex sabux li ma kienx jaqblilhom ikomplu bin-negozji tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.