Tista' l-Ministru tgħid jekk l-istazzjon Channel 22 huwiex taħt l-istess amministrazzjoni ta' TVM jew jekk għandux amministrazzjoni għalih? Tista' l-Ministru tgħid jekk dan l-istazzjon għandux kamra tal-aħbarijiet tiegħu jew le u min huwa responsabbli għall-iskeda li tittella' fuq dan l-istazzjon?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Istazzjon E22 ma jaqax taħt l-amministrazzjoni ta’ TVM imma għandu amministrazzjoni għalih. L-Istazzjon ma jagħmilx servizz ta’ aħbarijiet u l-Kap ta’ l-istazzjon Ms. Ben Azzopardi hi responsabbli għall-iskeda.
Jista' l-Ministru jgħid min jagħti l-ordni biex iżejnu r-roundabouts? Jista' jgħid jekk dan huwiex l-istess kuntrattur li jżejjen ir-roundabouts kollha ta' Malta fi żmien il-Milied jew jekk hijiex ir-responsabiltà tal-kunsilli li jżejnu dawn ir-roundabouts?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li r-roundabouts li jaqgħu taħt r-responsabiltà tal-Gvern Ċentrali jiżżejnu fuq struzzjoni tal-Gvern Ċentrali. Ix-xogħol isir mill-ELC. Xi kunsilli talbu lil ELC biex ukoll jżejnu roundabouts fil-lokal tagħhom jew roundabouts arterjali viċin tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġu jiswew lill-Gvern Malti t-tiżjin tar-roundabouts fi żmien il-Milied? Kull kunsill iħallas il-parti tiegħu jew il-gvern ċentrali jagħmel dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat lit-tiżjin fir-roundabouts isir bħala parti mill-manutenzjoni bi spiża ghall-ELC u ll-gvern ma jħallas xejn. Fejn it-talba issir mill-kunsill, l-ELC jitolbu ħlas żgħir tal-konsum tad-dawl lill-kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew is-servizzi bħal dawl, ilma, drenaġġ, toroq, telefons u s-servizzi kollha li l-gvern kellu jagħmel sabiex jakkomoda għall-bżonnijiet li se jkollhom bżonn biex jibda jopera Smart City, liema servizzi kienu lesti sal-20 ta' Novembru 2010? Jista' jgħid jekk hemmx servizzi oħrajn ippjanati li jsiru u li għadhom ma sarux? Kemm huwa ppjanat li dawn is-servizzi se jiswew lill-poplu Malti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fuq toroq/sinjali u tabelli, sal-20 ta' Novembru 2010 in-nefqa kienet ta' €60,952.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-kumplament tal-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju wasal il-proġett tal-White Rocks, liema proġett kellu jinbidel f'kumpless sportiv u jekk hux veru li f'dan il-kumpless hemm ippjanati villel u flats?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux spezzjonijiet fil-homesfuq ħmieġ, kwalità ta' ikel, riabilitazzjoni u attivitajiet soċjali li jiġu organizzati għall-anzjani kemm fil-homes tal-gvern kif ukoll f'dawk privati u tal-knisja?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Ispettorat tas-Saħħa matul is-sena jagħmel spezzjonijiet kemm fil-homes tal-Gvern kif ukoll f’dawk privati u tal-Knisja biex jassigura li qed joperaw f’ambjent adekwat u qed jagħtu kura adekwata. Spezzjonijiet jinkludu, fost affarijiet oħra, dawk fuq iġene, kwaliatà u sigurtà ta’ ikel u attivitajiet soċjali li jiġu organizzati għall-anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kellux xi rapport għaliex fl-aħħar snin ingħalqu homes tal-anzjani tal-Knisja meta l-popolazzjoni kulma jmur qegħda tixjieħ u allura se jkollna iktar bżonn homes għall-anzjani? Jekk iva,jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li l-knisja li kienet fundatura biex tagħti servizzi lill-anzjani li jkollom bżonn residenza waslet biex ħadet dan il-pass? Jekk m'għandux risposta, jista' jistaqsi lill-awtoritajiet ikkonċernati x'kien li wassal biex ħadu dawn il-passi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment ma għandux informazzjoni għaliex fl-aħħar snin ingħalqu xi homes tal-anzjani tal-Knisja. Ma jidhirlix li hija fil-kompetenza tal-Ministeru li jagħmel dak li hemm mitlub fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar statistika li għandu u jgħidilna kemm hawn anzjani ġewwa homes, kemm privati , kemm tal-knisja u kemm publiċi inklużi ukoll residenzi bħal San Vincenz de Paule?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
kuntratti ta' kumpaniji li jużaw ix-xandir pubbliku
Question
Tista' l-Ministru tippubblika l-kuntratti li għandha ma' kull kumpanija privata u li permezz ta' dawn il-kuntratti din il-kumpanija qed tagħmel użu mix-xandir pubbliku bħala l-mezz tax-xogħol tagħha biex itella' l-programmi fuq dan l-istazzjon?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru kull sena jippubblika l-lista tal-programmi li jikkwalifikaw għall-fondi Extended Public Service Obligations Programmes (EPSO). Dan isir għax dawn huma fondi pubbliċi. Il-kuntratti li l-PBS għandha ma’ kull kumpanija ma jistgħux jkunu ppublikati minħabba li huma ta’ natura kummerċjali.
xandir pubbliku — programmi minn kumpaniji privati
Question
Tista' l-Ministru tgħid ix-xandir pubbliku ma' kemm-il kumpanija privata għandu kuntratti differenti u allura kemm hemm kumpaniji privati li għandhom programmi fuq ix-xandir tal-istat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-PBS għandha 104 kuntratti għall-programmi li jsiru fuq l-istazzjonijiet tagħha. Preżentament għandha 50 kuntratt għal programmi televizi, mil-liema 25 huma ma’ kumpaniji privati, filwaqt li l-oħrajn huma ma’ persuni individwali. Hemm 14-il kumpanija privata li għandhom programmi fuq ix-Xandir tal-Istat u dawn jirrigwardjaw l-25 programm fuq imsemmija. Rigward il-programmi tar-Radju, hemm 54 programm b’kuntratti ma' persuni individwali.
xandir tal-istat — ħin ta' xandir għall-kumpaniji privati
Question
Tista' l-Ministru tgħid kull kumpanija privata li għandha kuntratt max-xandir tal-istat jew ma' min imexxi dan l-istazzjoni kemm kellha ħin ta' xandir għad-dispożizzjoni tagħha kull ġimgħa matul ix-xahar ta' Ottubru u Novembru 2010?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-budget u l-flus dedikati għas-servizz meals on wheels ġew imnaqqsa għal matul is-sena 2011? Kemm fil-fatt ġew imnaqqsa u kif se jatfettwa s-servizz tal-meals on wheels dan it-tnaqqis fil-budget?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ammont li ġie mnaqqas fil-budget tal-Meals on Wheels għas-sena 2011 huwa ta’ €73,000 fuq is-sena ta’ qabel. Ir-raguni għal dan it-tnaqqis hija li l-preparazzjoni tal-ikel li jitqassam mis-servizz tal-Meals on Wheels qegħda ssir fil-kċina tar-Residenza San Vincenz de Paule u mhux minn kuntrattur privat ingaġġat mill-Maltese Cross Corps. Id-Dipartiment jassigura lil minn qed jagħmel użu mill-Meals on Wheels, li dan is-servizz se jkompli jiġi pprovdut.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19154, jista' l-Ministru jgħid kemm-il proġett hemm ippjanat fl-inħawi tal-Wied tas-Salina? Liema huma u f'liema stadju waslu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Minn naħa tal-Ministeru tiegħi hemm pjanat żewġ proġetti: wieħed ġo Wied il-Għasel li bħalissa qiegħed jistenna il-permess mill-MEPA u wieħed għar-riabilitazzjoni tas-salini li hu maqsum fi tliet fażijiet. Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari numri 5591, 15699 u 18146.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19584, jista' l-Prim Minstru jgħid x'deċizjoni wasal għaliha l-Kunsill Lokali tal-Mosta wara li kellu jiddiskuti din l-proposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li f’ laqgħa tal-Kunsill Lokali tal-Mosta li saret fil-21 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill Lokali iddeċieda kontra l-proposta tal-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-gvern minn Jannar sat-28 ta' Novembru 2010 minn fuq it-taxxa li daħħal fuq il-basktijiet tal-plastik fis-sena 2009?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Id-dħul mit-taxxi hija responsabilta tal-Ministru tal-finanzi u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-użu tal-flus li ġabar mit-taxxa li daħħal minn fuq il-basktijiet tal-plastik fis-sena 2010 u kemm huwa proġettat li jiġbor taxxa minn dawn il-basktijiet fis-sena 2011?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 21990.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-waiting lists li hemm għad-dħul fil-homes, nursing homes u residenzi għall-anzjani?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Lista ta’ Stennija għad-Djar tal-anzjani u Residenza San Vincenz de Paule hija hekk:
Dar tal-Anzjani
Lista ta’ Stennija
Bormla
155
Floriana
106
Gżira
32
Mellieħa
149
Mosta
100
Msida
193
Mtarfa
172
Żejtun
160
Total Djar tal-Anzjani
1067
San Vinċenz De Paule
771
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qegħdin fl-iskema dwar roħs tat-telephone provduta mid-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunità fil-perjodi 2007, 2008, 2009 u 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru ta’ anzjani li qegħdin fl-iskema dwar roħs tat-telephone fil-perjodu msemmi huwa hekk:
2007 - 615
2008 - 560
2009 - 316
2010 - 413
Tista' l-Ministru tgħid kemm twaħħlu lifts mal-flats tal-gvern matul is-sena 2010 u kemm huwa ppjanat li jitwaħħlu lifts mal-flats tal-gvern matul is-sena 2011? Jista' jgħid fejn se jitwaħħlu u fejn twaħħlu dawn il-lifts u kemm kellhom sulari dawn il-flats li twaħħlu l-lifts magħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.