Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bini jew xiri ta' units ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet biex jinbnew jew jinxtraw units ġodda matul is-sena 2011 biex ikunu jistgħu jitqassmu lil dawk li applikaw għalihom? Tista' tgħid kemm hija n-nefqa dedikata għal dan il-għan u kemm tassumi li sejjer ikollha units available b'din is-somma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm pjan li jinbnew appartamenti f’diversi lokalitajiet f’Malta kif indikat fit-tabella segwenti. Uħud minn dawn il-proġetti diġà bdew. Lokalità Proġett Appartamenti Garaxxijiet Nefqa Stmata Ħ’Attard Proġett fi Triq l-Għenba 6 0 € 180,000 Qrendi Plot 23, Triq Ġuzeppi d’Arena 2 3 € 122,000 Raħal Ġdid Plots 10 u 11, Triq ix-Xewk 6 6 € 198,000 Raħal Ġdid Plot 13, Triq Anġlu Psaila 4 1 € 92,000 San Ġwann Proġett fi Triq il-Lumija 3 0 € 85,000 San Ġwann Proġett fi Triq ir-Rummien 3 0 € 136,000 Wied il-Għajn Proġett fi Triq Thomas Ashby / Triq is-Sikka 20 20 € 1,290,000 Żebbuġ Plot 29, Ħal Mula 3 0 € 130,000 Żurrieq Plot 4, Vjal l-Indipendenza 2 2 € 72,000 Totali 49 32 € 2,305,000 Bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tikkunsidra mudelli oħra ta’ kif tista’ jkollha aktar fondi għall-kiri.

Mard trasmess sesswalment

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati u kemm-il każ ta' mard infettiv u li jiġi trasmess sesswalment kellna f'Malta u f'Għawdex fis-sena 2010? Jista' jgħid jekk minn statistika li għandu jaħsibx li dan il-mard trasmess sesswalment huwiex jiżdied u jsir iktar komuni jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul is-sena 2010 ġew irraportati 234 każ ta’mard li jigi transmess sesswalment. Dawn kienu 138 każ ta’ chlamydia, 47 każ ta’ gonorrhoea, 25 każ ta’ syphilis, 18 każ ta’ HIV u 6 każijiet ta’ AIDS. Meta kkomparati mas-sena 2009, il-każijiet ta’ chlamydia żdiedu minn 106 għal 138, il-każijiet ta’ Gonorrhoea naqsu minn 63 għal 47 u kien hemm żieda fil-każijiet ta’ syphilis minn 19 għal 25. Il-każijiet ta’ HIV baqaw l-istess, 18 fit-2009 u 2010 u kien hemm żieda fil-każijiet ta’ AIDS minn 2 għal 6. Minhabba li l-figuri rapurtati huma żgħar, mhux possibli li tikummenta fuq żiediet li huma statistikament validi iżda jidher li t-tendenza f’Malta qed timxi fuq l-istess binarju ta’ dik f’pajjizi oħra.

Edukazzjoni dwar mard li jittieħed minn attività sesswali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu d-Dipartiment tas-Saħħa biex ikompli jeduka lill-poplu Malti u Għawdxi kollu dwar kif għandu jipproteġi ruħu minn mard li jista' jittieħed permezz ta' attività sesswali?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni ta’ Mard għandu pjanijiet biex ikompli bil-kampanji edukattivi dwar il-prevenzjoni ta’ mard trasmess sesswalment. Barra minn dan id-dipartiment se iwettaq ukoll dawk il-kampanji li jitqiesu neċessarji fil-pjan ta’ azzjoni li bħalissa qed jiġi imfassal bis-sehem tal-partijiet kollha kkonċernati sabiex tibda titwettaq il-Politika Nazzjonali dwar is-Saħħa Sesswali li ġiet mħabbra fis-26 ta’ Novembru 2010.

KSI — nefqa għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa tal-gvern biex jipproduċi l-ilma tax-xorb għall-poplu Malti u Għawdxi kollu? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li jinħela ilma li jiġi provdut mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minħabba ħsarat li jkun hemm fil-pajpijiet fit-toroq? Jista' jikkwantifika fi flus kemm jiġi jiswa lill-kaxxa ta' Malta l-ilma li jinħela minħabba ħsarat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena ta’ stima 2010, kull metru kubu fi produzzjoni ta’ l-ilma huwa stmat li sewa €2.34 lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Dan il-kalkolu jeskludi d-diprezzament u l-ispejjeż tal-Wastewater. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi il-produzzjoni totali tal-ilma fis-sena 2009 kienet dik ta 29.2 miljun m3 filwaqt li l-ilma li nħela minħabba ħsarat fil-kanen kien ikkalkulat li jammonta għall-4.2 miljun m³. Ta’ min isemmi li 1.9 miljun m³ minn din il-ħela huma “ unavoidable losses ” jiġifieri telf li ma jistax jiġi evitat.

Kampanja dwar l-ilma tax-xorb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux f'moħħu li ssir kampanja biex ma jinħeliex ilma tax-xorb? Jista' jgħid meta din il-kampanja se tibda? Għal liema settur tal-poplu se tkun immirata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-ilma tagħmel diversi inizjattivi rigward kampanji dwar l-ilma tax-xorb. L-ewwel hemm il-preżenza kontinwa ta’ pariri dwar kif il-konsumaturi jistgħu jagħmlu użu għaqli ta’ l-ilma fuq is-sit elettroniku tal-korporazzjoni. Barra minn hekk għal numru ta’ snin il-korporazzjoni għamlet riklami f’revisti turistiċi biex ma jinħeliex ilma, kif ukoll kampanja ta’ għarfien fuq stazzjon tar-radju matul is-sajf. Għas-Sajf ta’ l-2011 il-korporazzjoni bi ħsiebha tkompli dawn l-inizjattivi.
Leg 11 PQ #22358 Sitting 309 2011-02-02 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Permessi għall-bini ta' postijiet ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħarġu permessi għall-bini ta' postijiet ġodda matul is-sena 2010? Jista' jgħid kemm-il unit sejra tinħoloq permezz ta' dawn il-permessi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' permessi li ħarġu għal-postijiet ġodda matul is-sena 2010 kien ta' 1,311. Permezz ta' dawn il-permessi se jinħolqu 4,444 unit.

Postijiet u units ta' akkomodazzjoni vojta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa kkalkulat li kien hawn postijiet u units ta' akkomodazzjoni vojta matul is-sena 2010? Tista' tgħid jekk hemmx studju li jgħid f'liema stat jinstabu dawn il-proprjetajiet vojta u jekk humiex abitabbli jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandiex statistika ta’ kemm kien hawn postijiet ta’ akkomodazzjoni vojta matul is-sena 2010.

Postijiet vojta f'Malta u f'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm postijiet vojta f'Malta u f'Għawdex fl-aħħar tas-sena 2010 u tgħid f'liema reġjuni jew distretti jinsabu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandiex statistika ta’ kemm hemm postijiet vojta f’Malta u Għawdex.

Units ta' housing li huma kundannabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm units ta' housing li huma kundannabbli u li (i) ma jistgħux jgħixu fihom nies u (ii) li għalkemm huma kundannabbli qed jgħixu n-nies fihom? Tista' tgħid f'liema distrett elettorali jinsabu dawn il-postijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar m’għandiex statistika li turi kemm hawn housing units ikkundannati f’Malta.

Courses fl-Università bi ħlas

Question

Tista' l-Ministru tagħmel il-pożizzjoni uffiċjali tagħha u tgħid jekk taqbilx ma' dak li qed jintqal minn xi uħud jiġifieri li l-courses u l-istudji li jwasslu għal degrees mill-Università ta' Malta jibdew jintalbu l-ħlas għalihom u allura tinbidel is-sistema kif qiegħda issa, fejn l-istudenti jingħataw ftit għajnuna finanzjarja waqt li jkunu qed jagħmlu l-istudji tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-edukazzjoni terzjarja fl-Università ta’ Malta se tibqa’ miftuħa u aċċessibli għall-istudenti Maltin u Għawdxin irrespettivament mill-mezzi finanzjarji tagħhom. Kull proposta ta’ bdil amministrattiv fis-sistema preżenti m’għandiex twassal lill-istudenti biex iħallsu huma għall-edukazzjoni terzjarja li bħalissa qed tingħata b’xejn.

Universitajiet li jirrikonoxxu d-degrees u l-courses tal-Università ta' Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema courses u degrees u ta' liema universitajiet jiġu rikonoxxuti mis-sistema edukattiva Maltija? Liema universitajiet fid-dinja jirrikonoxxu d-degrees u l-courses tal-Università tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università ta’ Malta tirrikonoxxi l-gradi mogħtija minn kull università fid-dinja li tkun rikonoxxuta fil-pajjiż fejn tinstab. Jekk xi ħadd japplika biex jibda kors postgraduate fl-Univeristà ta’ Malta, l-Università tqabbel il-kors barrani ma’ dak li jsir fl-Università ta’ Malta biex tiddetermina l-eliġibilità għad-dħul. Il-gradi mogħtija mill-Università ta’ Malta huma rikonoxxuti mad-dinja kollha. L-Università ma tafx bl-ebda università li ma taċċettax il-gradi mogħtija minnha.

Ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li jinżlu litri ta' xita fuq il-gżejjer Maltin u Għawdxin f'perjodu ta' sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li x-xita li tinżel fil-Gżejjer Maltin normalment titkejjel fuq medja ta’ perjodu ta’ snin. Il-medja ta’ xita li niżlet f’dawn l-aħħar tletin sena kienet ta’ 579 millimetri (mm) għal kull sena. Is-sors ta’ din l-informazzjoni huwa l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Reservoirs għall-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna reservoirs u kemm niġbru litri ta' ilma fihom li jinżel mix-xita? Kemm minn dan l-ilma li jinġabar jintuża għax-xorb u kemm minnu jintuża għal skop agrikolu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5157. Minn dakinhar qed jitkompla dan l-eżerċizzju.

Reservoir tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi għajnuna finanzjarja għal dawk li jkunu jridu jinvestu sabiex jibnu r-reservoir tal-ilma tagħhom? Jista' jgħid jekk din l-għajnuna tingħatax? Jekk tingħatax għal raġunijiet domestiċi, agrikoli jew industrijali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li fil-Programm ta’ l-Iżvilupp Rurali 2007-2013, wieħed jista’ jsib miżura li tkopri għajnuna marbuta mal-bini ta’ ġwiebi (reservoirs) ta’ l-ilma għall-użu agrikolu. Il-benefiċjarji ta’ din il-miżura jistgħu jkunu bdiewa, raħħala jew intrapriżi nvoluti fil-qasam tal-produzzjoni agrikola.

Sptar Mater Dei — reservoir għall-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk binjiet ġodda bħall-Isptar Mater Dei għandux reservoir biex jinġabar l-ilma tax-xita li jinżel fuq dan il-bini?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Isptar Mater Dei huwa mgħammar b’ħames reservoirs tal-ilma li huma dawn: · Tank 1 – Domestic cold water , kapaċita’ ta’ 510m³; · Tank 2 – Domestic cold water , kapaċita’ ta’ 510m³; · Tank 3 - Domestic cold water , kapaċita’ ta’ 500 m³; · Tank 4 - Domestic cold water , kapaċita’ ta’ 1350m³; · Fire fighting water tank – Water for fire fighting system , kapaċita’ ta’600m³; Ninforma wkoll lill-Onor. nterpellant li l-binja l-ġdida fl-Isptar Mater Dei, jiġifieri ċ-Ċentru tal-Onkoloġija ser ikun mgħammar b’dawn ir- reservoirs : · Tank 1 - Domestic cold water , kapaċita’ ta’ 138 m³; · Tank 2 – Domestic cold water , kapaċita’ ta’ 154m³; · Fire fighting water tank – kapaċita’ta’ madwar 113m³. Infurmat wkoll li l-ilma li jinġabar minn fuq il-bjut tal-bini tal-Isptar Mater Dei imur ġewwa ‘ Soak-Away ’ Basin speċjalizzat sabiex l-ilma tax-xita jgħaddi ġewwa l-pjan tal-ilma.

Ħlasijiet minn studenti barranin li jistudjaw fl-Università

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti barrarin li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn barra l-Unjoni Ewropea jistudjaw fl-Universita ta' Malta? Tista tgħid kemm qed iħallsu dawn l-istudenti għal coursesli qed jsegwu u minn liema pajjiż ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Courses li jipprovdi l-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm jiswew l-courses li qed jipprovdi l-MCAST lill-istudenti li jipparteċipaw fihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MCAST ma jitlobx ħlas għal korsijiet full-time tiegħu. It-tagħlim kollu jsir mingħajr ħlas. L-istudenti li jagħżlu l-korsijiet ta’ kwalifiki mal-BTEC jiġu mitluba jħallsu ammont li jkopri ir-reġistrazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni mill-BTEC. Il-Ħlas hu kif ġej: BTEC Diploma €265.41 BTEC Extended Diploma €324.47 BTEC Higher National Diploma €343.37 Il-ħlas jsir skont il-livell tad-Diploma kif indikat aktar 'il fuq. Student jista’ jieħu sa ħames snin sabiex jikseb ċ-ċertifikazzjoni. Dan ifisser li għall-istess ħlas il-kors jista’ jsir fuq bażi Part-Time sakemm ma jieħux aktar minn ħames snin.

Ħlas għal courses fl-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'jiġri jekk student ma jkunx jista' jħallas għal courses li jipprovdi l-MCAST allavolja jkollu l-kwalifiki kollha neċessarji biex jidħol għal dawn il-courses?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MCAST għandu proċedura fejn student japplika għall-għajnuna minn fond apposta. Il-kulleġġ għandu kumitat stabbilit li jeżamina dawn it-talbiet biex tkun tista tingħata l-għajnuna meħtieġa. Studenti oħra b’diffikultajiet finanzjarji ġieli jħallsu pagamenti fuq medda ta’ żmien. Ta’ min ifakkar li l-istudenti għandhom l-iSmart Card u l-istipendju li jistgħu jużawhom għal dan il-ħlas.