Jista' l-Ministru jippubblika, qabel ma jsiru l-intervisti, kif se jiġu magħżula u kif se jingħataw il-promozzjonijiet, fuq liema kredenzjali se jitqassmu l-marki biex persuna li hija kwalifikata bħala Deputy Nursing Officer fil-qasam tas-saħħa tkun eleġibbli biex tapplika u ġġudikata fuq il-merti tagħha għal dan il-post?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-awtorità li tapprova l-kriterji li bihom jitqassmu l-marki mill-Bord tal-Għażla hija l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Ministru jippubblika minn qabel fejn għandu postijiet vakanti li jridu jimtlew bil-promozzjonijiet li se jingħataw bħala Nursing Officer fid-Dipartiment tas-Saħħa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-vakanzi huma mifruxa fid-diversi sptarijiet u faċilitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità, u l-persuni magħżula jiġu allokati skont il-kompetenzi, l-ħiliet u l-esperjenza tagħhom skont l-esiġenzi tal-istess Ministeru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm serq bi vjolenza matul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010? Kemm kellhom età l-vittmi ta' dawn is-serqiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numri ta' serq bi vjolenza fis-snin imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
2006 61
2007 44
2008 30
2009 45
2010 33
Infurmat ukoll illi l-età tal-vittmi tvarja bejn 16-il sena u t-88 sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm attentati ta' serq li fil-fatt ma seħħewx matul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010? Kemm kellhom età l-vittmi ta' dawn l-attentati serqiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-attentat ta' serq fis-snin msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu kif jidhru ift-tabella t'hawn taħt:-
2006 1125
2007 707
2008 674
2009 509
2010 515
Infurmat ukoll illi l-eta' tal-vittmi tvarja bejn 11-il sena u t-93 sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il santwarju tal-annimali hawn f'Malta u f'Għawdex? Fejn jinsabu u kemm għandhom kapaċita li jżommu annimali fihom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
F'Malta hawn 5 santwarji u hemm santwarju ieħor f' Għawdex. Kull santwarju jista’ jagħti kenn lill-ammont differenti ta’ klieb u qtates skont il-kapaċità tiegħu. L-Att tal-Ħarsien tal-Annimali joffri linji ta' gwida biex dawn l-annimali jinżammu fl-aħjar ambjent possibli .
Jista' l-Ministru jgħid kemm jagħti għajnuna l-Gvern lis-santwarji tal-annimali li hawn f'Malta u f'Għawdex? Dawn is-santwarji huma marbutin b'xi regolamenti li jridu jsegwu biex jingħataw din l-għajnuna?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat illi l-NGOs apparti li ingħataw għajnuna diretta mill-gvern gawdew minn numru ta’ inizjattivi bħal servizz bi ħlas imnaqqas fiċ-Ċentru San Franġisk u servizz ta ambulanzi. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ għajnuniet u inizjattivi li minnhom gawdew is-santwarji u l-NGOs.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux xi regolamenti li s-santwarji tal-annimali huma marbutin bihom għaliex jekk ma jzommux dawn l-istandards jitteħdilhom il-permess jekk għandhom? Jista' jgħid jekk isirux inspections biex jaraw li dawn l-istandards jinżammu u min imur biex jagħmel dawn l-inspections xi kwalifikazzjonijiet għandu biex jagħmel dan?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-Regolamenti dwar is-Santwarji tal-annimali se jkunu pubblikati dalwaqt. Il-provvedimenti kollha neċessarji huma nklużi fir-regolament u jiġu attwati hekk kif dan jidħol fis-seħħ. Madankollu, sadnittant uffiċjali mill-Animal Welfare xorta regolarment jagħmlu spezzjonijiet biex jiġi żgurat li dawn is-santwarji jinżammu f’kundizzjonijiet adegwati.
Rwol tal-Gvern biex jara li ma ssirx moħqrija fuq l-annimali
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'role għandu l-Gvern fil-pajjiż biex jara li ma ssirx moħqrija fuq l-annimali kollha li jinsabu f'Malta u f'Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rwol tal-gvern rigward il-moħqrija fuq l-annimali kollha li jinsabu f’Malta u Għawdex huwa defenit fl-Att dwar it-Trattament xieraq ta’ l-Annimali (Kap.439) tal-Liġijiet ta’ Malta. Barra dan ir-rwol regolatorju, il-gvern għandu wkoll servizzi li jindirizzaw it-trattament xieraq tal-annimali bħas-Servizz tal-Ambulanza u l-ftuħ taċ-Ċentru San Franġisk f’Ta’ Qali. Fl-2008, il-Gvern waqqaf id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali u uffiċjali minn dan id-direttorat jagħmlu spezzjonijiet kontinwi fuq kundizzjonijiet ta’ annimali differenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies matul is-sena 2010 u ttieħdu passi kontra tagħhom fuq moħqrija tal-annimali? X'kienu dawn il-każijiet u x'passi ttieħdu fuq dawn in-nies?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-2010, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 16-il persuna dwar każi ta’ moħqrija ta’ annimali. Infurmat ukoll illi 5 kellhom il-każ tagħhom deċiż, fejn 2 ingħataw multa; 1 ingħata sentenza sospiża u 2 ingħata sentenza sospiża u multa. Il-każijiet l-oħra għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Jista' d-Dipartiment tas-Saħħa jgħid kemm-il kampanja ta' edukazzjoni għandu ppjanata għas-sena 2011, għal liema udjenza hija din il-kampanja immirata u kemm hemm flus iddedikati għal kull kampanja? Jista' jgħid x'topicssejrin jiffukaw fuqhom dawn il-kampanji?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard għandu diversi kampanji ta’ edukazzjoni u promozzjoni tas–saħħa ppjanati għas-sena 2011. Apparti l-kampanji msemmija hawn taħt id-diversi kampanji jkunu relatati mad-diversi jiem li jfakkru diversi aspetti tas-saħħa. Għalkemm l-ispiża għal kull kampanja individwali għadha ma ġietx stabbilita, għas-sena 2011 hemm allokati €120,000 biex ikopru l-ispejjeż ta’ dawn il-kampanji.
Il-priorita’ tibqa’ l-obeżita’ u għalhekk ser jissoktaw il-kampanji u l-inizjattivi mmirati lejn il-pubbliku inġenerali, kif ukoll kampanji mmirati speċifikament lejn it-tfal u ż-żgħażagħ. Kampanji dwar ikel bnin u l-importanza tal-attivita’ fiżika ser ikunu mmirati lejn kulħadd b’messaġġi apposta għal kull grupp. L-ispiża speċifika ta’ kull kampanja għadha mhix stabbilita iżda għal dawn l-inizjattivi din is-sena hemm allokati €220,000.
Ser isiru ukoll kampanji dwar il-prevenzjoni tal-kanċer ibbażati fuq Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer u huma mmirati skont id-diversi tipi ta’ kanċer identifikati bħala prijorita’. Fil-każ tat-tipjip u kanċer tal-ġilda, din is-sena l-kampanji ser jiffokaw fuq iż-żgħażagħ. Fil-każ ta’ tipi ta’ kanċer ieħor, dawn ikunu mmirati lejn dawk il-gruppi li huma l-aktar fir-riskju. Kampanji li jikkumplimentaw lil dawn huma dawk li jindirizzaw il-mard li ma jittieħedx u li huma marbuta mal-istil tal-ħajja tal-individwu. Dawn ukoll huma elenkati fl-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Mard li ma Jittieħedx. Parti mill-flus ser jittiehdu mill-vot ta’ €900,000 allokat għall-pjan dwar il-kancer. L-ammont speċifiku għadu ma ġiex determinat.
Hemm ukoll pjanijiet biex jitkomplew kampanji edukattivi dwar is-Saħħa Sesswali. Dan ser isir fi ħdan l-istrategija li qed tiġi mibnija mill-Politika dwar is-Saħħa Sesswali li ġiet mħabbra fis-26 ta’ Novembru 2010. Ghall implementazzjoni ta’ din il-politika hemm allokati €200,000.
Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar statistika ta' kemm kellna tfajliet li ħarġu tqal matul is-sena 2010? Kemm kellhom żmien u minn liema reġjun kienu? F'liema skola kienu jmorru?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li għas-sena 2010 s’issa inġabret l-statistika ta’ bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Settembru. Matul dan il-perjodu welldu 31 ommijiet tfajliet ta’ bejn l-14 u s-16 il-sena. It-tabella t’ hawn taħt turi minn liema reġjun ġejjin. Id-Dipartiment konċernat ma jkollux statistika tal-iskejjel li jattendu dawn il-persuni.
Regjun
Ommijiet tfajliet (bejn l-etajiet ta’ 14 u 16 il-sena)
Għawdex
0
Malta
North
5
West
3
North Harbour
8
South Harbour
11
South East
4
Jista' l-Ministru jagħti satistika ta' kemm finalment nqabdu persuni jidħlu Malta b'mod irregolari matul is-sena 2010? X'kien il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom u b'liema mod ta' trasport daħlu f'Malta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2010 ma kien hemm ebda każ ta’ persuni li nqabdu jidħlu Malta b’mod irregolari. Però kien hemm żewġ okkazzjonijiet fejn il-Forzi Armati niżżlu Malta 47 persuna – 28 Somali, 16 Eġizzjan u 3 Libjani – wara li d-dgħajjes li kienu fuqhom kienu f'diffikultà.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi f'Malta matul is-sena 2010? Kemm kien hemm minn dawn it-trabi ta' ġenituri Maltin? Kemm kien hemm trabi b'ġenitur wieħed Malti? Kemm kien hemm trabi bla ebda ġenitur Malti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ottubru tas-sena 2010 ġew irreġistrati li twieldu 3,272 tarbija. Minn dawn 2,966 ġew irraportati li twieldu lil omm ta’ nazzjonalita Maltija.
Għar-rigrward l-aħħar żewġ mistoqsijiet, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jaħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni li kienu mdaħħlin f'Malta permezz ta' organizzazzjoni organizzata u allura dan it-traffikar uman kien destinat li jgħaddi minn Malta matul is-sena 2010? Minn liema pajjiżi kienu ġejjin dawn il-persuni li kienu qed jiġu traffikati u jekk dan in-numru żdiedx jew naqasx meta ikkomparat mal-figuri tas-snin 2009/2008/2007/2006?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra ma kien hemm ebda każ ta’ persuna li kienu involuti f’attivita' kriminali ta’ traffikar ta’ persuni.
Pensjoni li tinqasam bejn persuna li tkun f'home u oħra li tkun fil-komunità
Question
Tista' l-Ministru tgħid kif tinqasam il-pensjoni bejn koppja li parti minnhom tkun ġewwa home u l-parti l-oħra tkun għadha tgħix fil-komunità? Kemm tinżamm mill-pensjoni biex tkopri l-ispejjeż ta' dik il-persuna li tkun ġewwa home u kemm jifdlilha flus f'idejha dik il-persuna li tkun ġewwa l-home u kemm jifdlilha flus f'idejha dik il-persuna li tkun fil-komunità?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Meta persuna minn koppja li jkunu dipendenti fuq pensjoni waħda kontributorja tas-sigurta’ soċjali issir residenti f’waħda mid-djar għall-anzjani tal-Gvern, il-pensjoni tas-sigurta’ soċjali tinqasam. Erbgħin (40) fil-mija tal-pensjoni dovuta taħt l-iskema tas-sigurta’ soċjali tmur lil dik il-parti tal-koppja li tkun residenti f’xi dar għall-anzjani tal-Gvern, filwaqt li l-konjugi li tibqa’ tgħix id-dar fil-komunita’ tirċievi ammont ta’ pensjoni ekwivalenti għal 60 fil-mija tal-pensjoni tas-sigurta’ soċjali.
Il-persuna li tkun residenti f’waħda mid-djar għall-anzjani tal-Gvern tkun trid tikkontribwixxi parti mill-erbgħin (40) fil-mija tal-pensjoni li tinqata’ għaż-żamma tagħha fir-residenza li tkun qed tgħix fiha. Din il-kontribuzzjoni tiġi determinata wara li jsir test tal-mezzi kollha tal-persuna residenti mid-Dipartiment tal kura ta’ l-Anzjani u l-Komunita’. Dan it-test jieħu inkonsiderazzjoni il-parti tad-dħul tal-persuna residenti mill-kommunjoni.
Peress li r-rati huma dipendenti fuq dan it-test tal-mezzi, r-rata ta’ kontribuzzjoni dovuta tista’ tvarja minn pensjonant għall-ieħor. Irid jingħad ukoll li dan it-test jiżgura li l-pensjonant fid-dar għall-anzjani tal-Gvern fl-ebda ħin ma jista’ jitħalla b’anqas minn €1400 fis-sena bħala dħul globali.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni li qed jistennew biex jieħdu housing soċjali fl-aħħar tas-sena 2010? Tista' tgħid kemm ingħataw units matul is-sena 2010? Fejn kienu dawn l-units u kemm kienu kbar il-familji li ħadu dawn il-units?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm units għand il-housing lesti biex jitqassmu matul ix-xhur li ġejjin? Fejn jinsabu dawn il-units u min għandu l-opportunità li jibbenefika minnhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar għaddejja bi program ta’ finishing ta’ 79 unit u huwa ppjanat li fix-xhur li ġejjin se jitlestew u jingħataw bil-kera. Dawn il-units jinsabu ġewwa l-Floriana, l-Belt, l-Mġarr u l-Mellieħa. Oltre dawn bħalissa l-Awtorità tad-Djar għandha fil-pussess tagħha 19-il post fil-lokalità ta’ B’Kara, Floriana, Gzira, Marsa, Paola, Pembroke, Qormi, l-Isla, San Giljan, il-Belt u l-Birgu li se jiġu allokati fil-ġranet li ġejjin. L-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali jibbenefikaw minn dawn il-units skont il-priorità tagħhom.
Proċedura biex tkun eleġibli li tikkwalifika għal post tal-housing
Question
Tista' l-Ministru tivverifika xi proċedura trid issegwi sabiex tkun eleġibbli biex tikkwalifika għal post tal-housing? Tista' tispjega jekk huwiex veru li trid tibqa' ġġedded l-applikazzjoni tiegħek biex tibqa' fuq il-waiting list għal post tal-housing u jekk din l-applikazzjoni ma tibqax tiġġedded allura jfisser li l-applikant jew ikun sab post, jew ma jkunx għadu interessat, jew xi raġuni oħra u allura ma jibqax fuq il-lista ta' stennija għal post tal-housing?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet għal post alternattiv mhux neċessarju li jiġu mġedda dment li ċ-ċirkostanzi ta’ l-applikant jibqgħu l-istess. Jekk isir tibdil fl-indirizz, fl-istat ċivili jew xi tibdil ieħor u l-Awtorità tad-Djar ma tiġix infurmata formalment mill-applikant b’dan, l-applikazzjoni tiġi magħluqa sakemm l-applikant jinforma b’dan it-tibdil lill-Awtorità tad-Djar. F’każ li l-Awtorità tad-Djar titlob xi informazzjoni jew dokument lill-applikant u wara diversi reminders dan jibqa’ ma jissottomettix l-informazzjoni meħtieġa, l-Awtorità tad-Djar tqis li l-applikant m’għadux interessat fl-applikazzjoni.