Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntalbet il-protezzjoni tal-Pulizija matul is-sena 2010, x'kienu dawn il-każijiet u minn liema lokalitajiet kienu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika bill-mod kif qed jindika l-Onorevoli Interpellant. Kull min imur jagħmel rapport għand il-Pulizija ikun qiegħed b’xi mod jitlob l-assistenza tal-Pulizija, kemm jekk ir-rapport ikun ta’ natura kriminali, jiġifieri għax ikun sofra xi att kriminali, kif ukoll jekk ir-rapport ikun ta’ natura civili. Jista jkun ukoll li tintalab l-assistenza tal-Pulizija meta xi ħadd jitlef jew isib xi ħaġa.
talba għall-protezzjoni tal-Pulizija — informazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jghid kemm-il darba ntalbet il-protezzjoni tal-Pulizija matul is-sena 2010 u jikkategorizza l-kazijiet li għalihom intalbet din il-protezzjoni? Jista' jgħid kemm kellu età u s-sess ta' min talab din l-protezzjoni?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22842.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' persuni msawtin u abbużati fiżakament, sesswalment u abbuż ieħor ġew rapportati matul is-sena 2010? Jista' jikkategorizza kull tip ta' abbuż, l-età u s-sess tal-vittmi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Infurmat ukoll li n-numru ta' vittmi ma jirreflettux fin-numru ta' rapporti peress li każ wieħed jista' jinvolvi aktar minn vittma waħda.
servizz ta' ħaddiema minn kumpaniji privati lis-servizz pubbliku
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11510 u jgħid f'liema oqsma jixtri s-servizz ta' ħaddiema minn kumpaniji privati sabiex jagħtu s-servizz tagħhom lis-servizz pubbliku? Kemm hemm oqsma differenti li jixtri s-servizzi mingħandhom u kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dawn l-oqsma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li fis-sena 2009, inxtraw is-servizz ta’ ħaddiema minn kumpaniji private sabiex jagħtu s-servizz tagħhom lis-servizz pubbliku fil-qasam ta’:
· Servizz legali
· Konsulenza fl-inġenerija
· Tindif inkluż rimi ta’ skart
· Ġarr ta’ għamara, skrivaniji u xogħol ieħor
· Manutenzjoni ta’ ġonna u siġar
· Servizz ta’
watchman/
sigurtà
· Servizz ta’ tabib mediku
· Servizz ta’
Training
· Xogħol ta’ tindif tal-bajjiet
Infurmat li n-numru ta’ ħaddiema ma jistax jiġi kkalkulat għax ma jinżammx rekord ta’ kemm persuni ndividwali taw is-servizz..
Issa li saret ir-riforma, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu r-rwol ta' kull kunsillier u jekk dan jingħatax lilu mis-sindku jew jekk il-kunsillier jiddeċidix hu x' jagħmel? Jista' jkollok xi kunsillier li m'għandu l-ebda rwol partikolari?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 14763.
Nefqa f'konsulenza mill-ministeri u segretarji parlamentari
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'konsulenza fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2010 mill-ministeri u segretarji parlamentari, dekasteru b'dekasteru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’mistoqsija parlamentari numru 19050.
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-persuni li daħlu f'Malta u Għawdex matul is-sena 2010 b'mod illegali kienu nisa, tfal u żgħażagħ taħt il-35 sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra ma kien hemm ebda każ ta’ persuni li nqabdu jidħlu Malta b’mod irregolari. Però kien hemm żewġ okkazzjonijiet fejn il-Forzi Armati niżżlu Malta 47 persuna wara li d-dgħajjes li kienu fuqhom kienu f'diffikultà. Fost dawn kien hemm 5 nisa, tifel. Minnhom kollha, 29 kienu taħt il-35 sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-persuni li daħlu f'Malta u Għawdex matul-is-sena 2010 ingħataw l-istatus ta' refuġjat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn numru ta’ persuni li daħlu f’Malta b’mod irregolari bid-dgħajsa matul l-2010, 28 Somali applikaw għall-ażil. L-ebda minn dawn ma ngħata status ta’ refuġjat, però ingħataw forma oħra ta’ protezzjoni internazzjonali - protezzjoni sussidjarja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru tan-nies li daħlu f'Malta b'mod illegali u li għandhom l-istatus ta' refugjati? Jista' jgħid min japprova dan l-istatus u fuq liema kriterji?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn l-2002 u l-2010, mal-149 persuna li daħlu bid-dgħajjes b’mod irregolari ingħataw status ta’ refuġjat.
Il-kriterji biex tingħata stat ta’ refuġjat jinstabu fl-Att dwar ir-Refuġjati. Id-definizzjoni ta’ refuġjat hija persuna li “minħabba f’biża’ msejsa fuq ir-realtà li jista’ jiġi persegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid, jinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, mingħajr ma jkollu nazzjonalità u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien joqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati huwa responsabbli għal proċess u d-deċiżjonijiet ta’ l-applikazzjonijiet għal ażil, kif stipulat fl-Att dwar ir-Refuġjati, amendat f’Lulju 2008, u l-Avviż Legali 243 ta’ l-2008 (Standards proċedurali fl-eżami ta’ applikazzjonijiet għal Status ta’ Refuġjat). L-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati huwa marbut bl-obbligazzjoni meħuda minn Malta taħt il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra ta’ l-1951 relatata ma’ l-istatus tar-refuġjati u tal-Protokol ta l-1967, kif ukoll taħt l-obbligazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE (dwar standards minimi għall-kwalifika u l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija), Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE (dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat) u r-Regolament ta’ Dublin.
Jekk il-Kummissarju tar-Refuġjati jiddeċiedi li l-kundizzjonijiet biex jiddikkjara applikant li qiegħed ifittex ażil bħala refuġjat mhumiex milħuqa, jista’ jirrakkomanda lil Ministru biex jagħti lill-applikant protezzjoni sussidjarja. Dan jgħodd għal applikanti li qegħdin ifittxu ażil iżda ma laħqux il-kriterji meħtieġa, u jekk jiġu mibgħuta lura pajjiżhom jistgħu jsibu ruħhom f’periklu serju. Skont l-Att tar-Refuġjati (Artiklu 17 (1)) il-Kummissarju jista’ jkompli bir-rakkomandazzjoni anki f’każijiet fejn il-periklu serju iqum wara lid-deċiżjoni li ma tingħatax il-protezzjoni sussidjarja tkun meħuda.
Jista' l-Ministru jgħid kull kemm żmien l-istatus ta' refuġjat jista' jiġi revedut u x'inhuma l-kriterji biex isir dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istatus ta’ Refuġjat jiġi mġedded kull tlett snin, sakemm il-kundizzjonijiet ta’ twaqqif, tneħħija jew irtirar huma applikati.
Il-kriterji biex tingħata status ta’ refuġjat jinstabu fl-Att dwar ir-Refuġjati. Id-definizzjoni ta’ refuġjat hija persuna li “minħabba f’biża’ msejsa fuq ir-realtà li jista’ jiġi ppersegwitat għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, sħubija f’xi grupp soċjali jew fehma politika partikolari, ikun jinsab barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu u ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid, jinqeda bil-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, mingħajr ma jkollu nazzjonalità u filwaqt li jkun barra mill-pajjiż fejn soltu kien joqgħod, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma jkunx kapaċi jew, minħabba f’dik il-biża’, ma jkunx irid jerġa’ lura fih.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' serq u attentati ta' serq matul is-sena 2010? F'liema lokalitajiet kienu u kemm kellhom żmien in-nies li saru dawn l-attentati fuqhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2010 in-numru ta' serq u attentat ta' serq kien ta' 7,769 u 515 rispettivament. Infurmat ukoll li dawn ir-reati saru madwar Malta u Għawdex u l-età tal-vittmi tvarja bejn 4 snin u l-101.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hawnx xi reġistru tal-pjanti, xtieli u siġar endemiċi Maltin? Fejn jista' l-pubbliku jkollu aċċess, jekk jista' jkollu aċċess, għal dan ir-reġistru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li din hi materja tal-MEPA u għaldaqstant nissuġerixxi l-Onor.Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm nies li spiċċaw mis-servizz pubbliku u għadhom qed jinħadmulhom flus b'lura minħabba il-collective agreements li saru mal-unions u li dawn għadhom ma tħallsux tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm xi impjegati tas-Servizz Pubbliku li spiċċaw mis-Servizz u għadhom qed jinħadmulhom flus b’lura minħabba l-Collective Agreement.
Nitlob lill-Onor.Interpellant li jkun aktar speċifiku fid-domanda tiegħu.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' droga illegali jeżistu fis-suq Malti u kemm huwa kkalkulat li hemm suq għal kull droga?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fost it-tip ta’ droga illegali li wieħed isib f’Malta hemm Cocaine, Heroin, Cannabis Resin, Cannabis Grass, Cannabis Plant, Ecstasy, Ecstasy, LSD, Mephedrone u Methadone. Peress illi l-użu ta’ din it-tip ta’ droga huwa illegali, huwa difficli sabiex wieħed jikkwantifika kemm hawn fis-suq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li jidħol xorb illegali f'Malta u Għawdex f'sena kalendarja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li l-importazzjoni ta' xorb alkoħoliku jaqa' taħt id-Diviżjoni tad-Dwana, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Madankollu infurmat ukoll illi s-sena l-oħra l-Pulizija ressqet 4 persuni in konnessjoni ma' xorb bil-kuntrabandu.