Legislature:
Category:
Reset
Active:

ħruq ta' skart tal-isptarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-iskart tal-isptarijiet qiegħed jiġi maħruq fl-inċineratur tal-Marsa fejn jinħaraq skart ieħor? Jista’ jgħid ma' liema skart ieħor dan l-iskart qed jinħaraq?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif kont diġà weġibt fil-Mistoqsija Parlamentari 1185 tal-2008, mal-iskart kliniku tal-isptarijiet jinħaraq ukoll fl-istess inċineratur skart tal-biċċerija u skart kimiku industrijali. Wieħed irid jenfasizza li, bħal ma għidt bosta drabi oħra, id-dħul ta’ materjal għall-inċineratur isir minn dħul differenti għal kollox minn fejn jiddaħħlu l-bhejjem għall-qatla fil-biċċerija.

trasport tal-isktart tal-isptarijiet fil-boroz is-sofor

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jiġi trasportat l-iskart tal-isptarijiet tal-boroz is-sofor (clinincal waste) bejn l-isptarijiet u l-post fejn qed jiġi distrutt? B’liema mezz tat-trasport jinġarr u min huwa responsabbli għal dan il-ġarr? Xi prekawzjonijiet jittieħdu biex jaraw li bejn iż-żewġ postijiet dan l-iskart ma jieqaf imkien u ma jkun ġie kontaminat l-ebda post? Jista jgħid jekk din is-sistema hux qed tintuża fuq iż-żewġ gżejjer jew jekk f'Għawdex għanhomx xi metodu ieħor differenti minn dak ta' Malta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li din hi materja li taqa taħt ir-responsabiltà tad-Dipartiment tas-Saħħa nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

spezzjonijiet fuq il-clinical waste

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba matul is-sena 2010 saru spezzjonijiet biex jaraw li l-clinical waste qed jiġi trattat skont id-direttivi tal-Unjoni Ewropea?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bħala parti mill-ispezzjonijiet li jsiru kull sena biex jiġu liċenzjati sptarijiet u kliniċi privati bħal dawk tal-akupuntura, dentisti, podologisti, tattoo studios/body piercing, laboratorji mediċi dijanjostiċi u tal-X-Rays li b’kollox jammontaw għal 181 spezzjoni, jiġi stabbilit li l-iskart kliniku qed jiġi mormi skont kif jipprovdu ir-regolamenti. It-trattament ta’ dan l-iskart ma jaqax taħt ir-responsabbilta tad-dekasteru tiegħi. Dan it-trattament huwa r-responsabbilta tal-Wasteserve u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Course ta' Aircraft Maintenance Technician — on the job training

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-course ta’ Aircraft Maintenance Technician (leading to part 66 CAT B1.1 Examination) 2009 - 2011 m’għandux on the jobtraining bħalma għandhom il-korsijiet kollha ta’ dan it-tip, imma li huma ta' snin oħrajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dwar il-kors tal- Aircraft Maintenance Technician – CAT B1,1” ġiet ippubblikata fil- Prospectus tal-MCAST tal-2009-2010. Skont il- Prospectus , dan kien kors ta’ 24 xahar full-time u ma kien qatt indikat jew maħsub li jinkludi on the job training (OJT). Madankollu, student f’dan il-kors ingħataw taħriġ prattiku fil-werkxops approvati tal-MCAST stess. Isiru wkoll sessjonijiet qosra ta’ taħriġ f’kumpaniji ta’ manutenzjoni tal-ajruplani, taħriġ li ma jaqax strettament taħt il-parametri tal-OJT.

Course ta' Aircraft Maintenance Technician — on the job training

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk qattx kienet informata li l-kors ta’ Aircraft Maintenance Technician (leading to part 66 CAT B1.1 Examination) 2009 - 2011 m’għandux on the job training bħalma għandhom il-korsijiet kollha ta' dan it-tip? Tista’ tgħid x’passi ttieħdu ħalli l-iżvantaġġ li għandhom l-istudenti f’dan il-kors jiġi rimedjat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull sena, l-MCAST jippublika Prospectus li jagħti d-dettalji kollha tal-korsijiet li l-kulleġġ ikun ser joffri matul is-sena skolastika lit kun għad trid tibda. Fil- Prospectus tal-2008-2009 il-kulleġġ kien f’pożizzjoni li joffri kors partikolari b’kundizzjonijiet partikolari. Fil-waqt li dan il-kors ġie reklamat taħt l-iskema tal-apprentistat, dak fil- Prospectus tas-sena ta’ wara u li qed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant jgħid ċar li l-kors huwa ta’ sentejn full-time u mkien ma jissemma l-apprentistat. Dan l-istudenti kienu jafuh sa mill-bidu nett.

Pensjoni tas-Servizzi Ingliż

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'pożizzjoni ħa u x'politika għandu l-Gvern Malti dwar il-pensjoni tas-Servizzi Ingliż li uħud mill-anzjani tagħna għandhom id-dritt li jieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġà ntqal fid-diskors tal-‘Budget’ tal-2008 biex dawk il-pensjonanti li għandhom pensjoni tas-servizz, u mhux biss dawk tas-servizzi ingliżi, jingħataw il-pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi in-nefqa titla għall-39.6 il-miljun euro ghal kull sena. Peress il-pajjiż ma jiflaħx għal din iż-żieda f’daqqa, bdejna nindirizzaw din il-kwistjoni billi għas-snin 2008, 2009 u 2011 injorajna €466, €200 u €200 mill-pensjoni tas-servizz rispettivament. B’kollox illum qed ninjoraw €866 mill-pensjoni tas-servizz fil-kalkolu tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Jekk il-pajjiż ikompli jimxi 'l quddiem ekonomikament, inkomplu nnaqqsu minn din il-pensjoni tas-servizz b’mod li fuq medda ta’snin raġjonevoli nkunu solvejna din il-kwistjoni.

deċiżjoni dwar il-kulur ġdid tal-kaxxi tal-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema studju ġie kkummissjonat biex jiddeċiedu l-kulur il-ġdid tal-kaxxi li se jibdew jintużaw fil-pitkalija? Jista' jgħid kemm ġie jiswa l-istudju, jekk sar, biex il-gvern ingħata parir ħalli jibdel il-kulur tal-kaxxi għal wieħed ġdid?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ma sar l-ebda studju fuq il-kulur il-ġdid tal-kaxxi.

kulur tal-kaxxi il-ġodda tal-pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ħa d-deċiżjoni biex il-kulur tal-kaxxi l-ġodda tal-pitkalija jinbidlu għal dawk li qed jipproponi l-gvern u għal liema raġunijiet ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-kulur tal-kaxxi inbidel biex jintgħarfu mill-kaxxi antiki.

sajjieda li ħadu s-sussidju fuq l-opri tagħhom

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' sajjieda li ħadu s-sussidju fuq l-opri tagħhom tul dawn l-aħħar 10 snin u x'kienet il-kawża li permezz tagħha ħadu s-sussidju fuqha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li din l-informazzjoni ma tistax tingħata peress li s-sussidju huwa marbut mal-opra tas-sajd u mhux mas-sajjied.

Imtaħleb — triq biex tingħata l-asfaltar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi asfaltata t-triq tal-Imtaħleb minn fejn qata' ħesrem l-asfalt għal ħdejn iċ-ċentru ta' riabilitazzjoni (SATU) għax minn informazzjoni li għandi din kellha ssir mat-tender/xogħol oriġinali, imma għal xi raġuni x-xogħol waqaf sa fejn effettivament waqaf?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi din it-triq imsemmija m'hijiex triq arterjali jew distributorja u għalhekk mhix responsabiltà ta' Transport Malta.

ammont ta' ilma li jinżel mix-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li jinżel ilma tax-xita fuq Malta u Għawdex f'sena? Kemm minn dan l-ilma jiġi milqugħ fir-riservi li għandna fil-pajjiż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wieħed jista’ jasal għall-figura mitluba mid-data ppubblikata fis-sit tad-DOI (http://www.doi.gov.mt/en/islands/location.asp ). Dwar it-tieni part ital-Mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari 23316.

nefqa fuq manutenzjoni ta' riservi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tiegħu fil-manutenzjoni u żamma tar-riservi għall-ilma tax-xita matul is-snin 2005/2006/2007/2008/2009 u 2010?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li n-nefqa kull sena kienet kif ġej: 2005 Lm 152,995 (€ 356,382) 2006 Lm 197,860 (€460,890) 2007 Lm 69,855 (€162,718) 2008 €145, 171 2009 €296,385 2010 €524,989

reġjun li minnu ġejjin il-bdiewa reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn liema reġjun huma l-bdiedwa reġistrati full-time u part-time, jiġifieri jekk humiex min-north, south, east jew west tal-gżejjer Maltin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor.Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 23289.

Kontijiet tad-dawl u l-ilma mhux mibgħuta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kull kemm frekwenza f'sena suppost jintbagħtu kontijiet tad-dawl u l-ilma? Kemm hemm minn dawn il-kontijiet li għadhom ma ntbagħtux u kemm ilhom ma jintbagħtu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kontijiet jinħarġu kull xahrejn b’total ta’ 6 f’sena: 4 minnhom bħala estimi u 2 attwali. Il-kontijiet estimi qed jinħarġu sakemm jiġu installati l-ismart meters u jitqabbdu ma’ sistema ta’ networking li permezz tagħha se jkunu jistgħu jinqraw il-meters b’mod attwali. Din is-sistema se tippermetti wkoll li l-konsumaturi jkollhom viżibiltà aħjar tal-konsum tagħhom stess. Kif tħabbar ftit tal-ġranet ilu, l-ARMS għandha madwar 15,000 account li mhux qed jinħarġulhom il-kontijiet, li madwar 4,000 minnhom huma accounts ġodda u għad irid jinħarġilhom l-ewwel kont. Il-kumplament ta’ dawn l- accounts ikunu locked mis-sistema tal- billing u għalhekk ma jkunx jista’ jinħarġilhom kont sakemm dan jiġi vverifikat u unlocked . Fost ir-raġunijiet għaliex account jiġi locked jista’ jkun li l-konsum ta’ dak l- account partikolari jkun immarkat li jkun eċċessiv iktar min-normal, jew anke li l- meter reading ma jkunx jipparaguna mal- pattern ta’ konsum ta’ l-istess account .

Residenza San Vinċenz de Paule u Sptar Mater Dei — security camera

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-films u l-images li jieħdu security cameras li twaħħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule u l-Isptar Mater Dei huwiex responsabli għalihom is-security jew il-kumpanija li tipprovdi s-security ġewwa dawn iż-żewġ sptarijiet jew hemmx xi ħadd ieħor li huwa responsabli għal dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule, il-films u l-images huma taħt ir-responsabiltà tal-Principal Security Officer u l-Management tar-Residenza. Fl-Isptar Mater Dei hemm sistema ta’ moniteraġġ kontinwu, immexxija mit-taqsima tas-sigurta’ li tara dak li jkun qed jiġri fid-diversi taqsimiet li fihom hemm cameras tas-sigurtà. Sabiex jiġu investigati inċidenti partikolari, hemm Standard Operating Procedures speċjali li tassigura li membru tas-sigurtà u membru tal-kumpanija li tipprovdi l- cameras jaraw flimkien il-filmati. Qatt ma jkun hemm individwu wieħed waħdu li jkollu aċċess dirett għall-filmati.

Residenza San Vinċenz de Paule — security cameras - każijiet ta' sorveljanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid allura jekk twaħħlu s-security cameras ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule kemm huwa stmat li seħħew każijiet li riedu sorveljanza matul is-sena 2010 u li issa bis-security cameras mhux se jerġgħu jsiru matul din is-sena?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul is-sena 2010 kien hemm ħames każijiet ta’ suspett ta’ serq mill-kċina tar-Residenza San Vinċenz de Paule. Għalhekk ġew istallati security cameras biex ikun hemm sorveljanza.

Residenza San Vinċenz de Paule — security guards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm security guards ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule u jekk dawn humiex ta' xi kumpanija jew jekk dawn humiex ħaddiema li huma impjegati mal-gvern?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fir-Residenza San Vinċenz de Paule hemm 24 impjegat jaħdmu fis-Sezzjoni tas-Security. Dawn huma kollha impjegati tal-gvern u l-gradi tagħhom huma hekk: 1 Principal Security Officer 4 Security Officers 19 Security Guards