Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuna lir-raħħala

Question

Jista' l-Miniistru jgħid jekk il-gvern huwiex sejjer jagħti għajnuna lir-raħħala li jkunu jixtiequ jibnu negozju tagħhom li minħabba xi raġuni partikolari r-razzett minn fejn joperaw illum ma jistgħux ikomplu joperaw minnu ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru jħaddem skemi taħt il-Pjan għall-Iżvilupp Rurali li joffru għajnuna lill-dawk li jixtiequ jiddiversifikaw jew jinvestu fil-qasam agrikolu.

Dejn fis-setturi mill-Gvern Ċentrali

Question

Jista' l-Ministru jgħid ma' liema settur għandu dejn, jekk għandu, u kemm dawn is-setturi differenti għandhom jieħdu mill-Gvern Ċentrali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

In-natura tax-xogħol tal-Ministru titlob li ċerti każijiet ikun hemm ħlasijiet pendenti li jkunu dovuti lil xi settur partikolari u dan għal numru ta' raġunijiet fosthom verifika li tkun trid issir. Għalhekk nitlob lill-Onorevoli Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

dħul tat-traċċibilità fuq kaxxi tal-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għadu qatt ma daħħal it-traċċibilità fuq il-prodotti li l-bdiewa jdaħħlu l-Pitkalija fil-kaxxi għall-bejgħ? Din hija rikjesta mill-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull kaxxa bil-prodott li tidħol għall-bejgħ fil-Pitkalija jitnizzel fuqha ta’ min hu l-prodott. Fil-fatt tinħareġ delivery note lill-bidwi tal-prodott li jkuni ddepożita għand kull Pitkal u invoice li tinħareġ lix-xerrej tal-biegħa li jkun xtara. Mis-sistema tal-'Pitkali Market Management System' (PMMS) kull bidwi u kull xerrej nistgħu nkunu nafu eżattament minn fejn ġie u fejn mar il-prodott u kemm gie ddikjarat li nbigħ. Din is-sistema iddaħħlet hafna qabel ma Malta daħlet membru fl-Unjoni Ewropea.

Reliġjonijiet u setet — segwaċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-segwaċi tar-reliġjonijiet jew setet li jiġu u li kienu jiġu prattikati hawn Malta sal-aħħar tas-sena 2010 kenux Maltin jew barranin u minn liema pajjiż kienu ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi u nazzarda ngħid illi jkun kemxejn anti-demokratiku li kieku xi gvern jipprova jiġbor xi statistika simili.

Valur ta' flus misruqa

Question

Jista' l-Ministru jivvaluta l-valur f'euros misruq fir-reati kriminali ta' serq li seħħew fis-snin 2006/2007/2008/2009/2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-valur ta’ oġġetti misruqa kif ġie irrapurtat mill-vittmi matul dawn l-aħħar ħames snin huwa kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:- Sena Valur misruq f’ Euros 2006 5,196,797 2007 5,415,497 2008 4,786,221 2009 4,164,367 2010 4,417,598
Leg 11 PQ #23553 Sitting 332 2011-03-28 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

ministri u segretarji parlamentari — ħlas lura ta' €100

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-ministri u segretarji parlamentari se jħallsu lura l-€100 żejda fil-ġimgħa li ħadu fl-onorarja matul l-aħħar xhur u snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba li ta il-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment f’ Mistoqsija Parlamentari nru.23060.

Istituti edukattivi — redo tal-eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'regoli jsegwu l-istituti edukattivi f'Malta, fostom l-istitut tal-biedja dwar redo ta' eżamijiet li studenti jkunu weħlu minnhom? Kemm-il darba dawn l-istudenti li jkunu weħlu minn xi eżami jkollhom l-opportunità li jerġgħu jagħmlu dan l-eżami? Huwa veru jew le li hemm istituti li jħallu l-istudenti tagħhom jagħmlu iktar minn redo wieħed ta' eżami li jkunu weħlu minnu u hemm istituti oħrajn li jħallu l-istudenti jpoġġu għal redo darba biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-regolamenti għall-korsijiet undergrduate u postgraduate tal-Università jgħoddu fil-fakultajiet, l-istituti u ċ-ċentri kollha tal-Università. Fl-Università, student f’kors undergraduate li jeħel għall-ewwel darba jista’ jagħmel valutazzjoni riparatorja fl-istess sena (f’Settembru) jekk ma jkunx weħel minn aktar minn 16-il kredtu ECTS. Jekk jerġa’ jeħel, u jkun weħel minn mhux aktar minn 10 kredti ECTS, huwa għandu l-għażla li jtella’ miegħu dawk is-suġġetti li weħel fihom għas-sena ta’ wara jew inkella jirrepeti s-sena kollha. Jekk jagħżel l-ewwel possibilità, matul din is-sena jrid bil-fors jgħaddi (jew fit-tielet jew fir-raba’ opportunità) mis-suġġetti li tella’ miegħu. Jekk ikun weħel minn aktar minn 10 kredti ECTS wara s-sessjoni riparatorja tal-eżamijiet ta’ Settembru hu jkun mitlub li jirrepeti s-sena. F’korsijiet postgraduate jekk student jeħel għandu ċans darba li joqgħod għall-eżami riparatorju. Il- policy ta’ l-MCAST dwar l-eżamijiet hi li kull student jingħata żewġ opportunitajiet biex jgħaddi mill-eżami jew assessment li jkun qed isirlu. Għalhekk dak l-istudent li jeħel fl-ewwel opportunita’ jingħata ċans ieħor biex jgħaddi wara li jkun ingħata feedback sħiħ u dettaljat dwar l-andament tiegħu f’dak l-eżami. Jekk il-kandidat jerġa ma jgħaddix minn dan it-tieni ċans huwa jiġi offrut li jirrepeti il- unit sħiħ b’attendenza fl’ewwel ċans li jkollu u b’hekk jerġa jingħata żewġ ċansijiet oħra. Kull student/a li jattendi/tattendi l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi jingħata/tingħata opportunita’ li terġa’ toqgħod għall-ezami ( re-sit ) f’każ li ma ġġibx il-marka meħtieġa. Jekk fir- re-sit jerġa’/terġa’ ma ġġibx il-marka meħtieġa allura l-istudent/studenta jingħata l-opportunita’ li jirrepeti ( re-do ) il- module konċernat. Kull student/a jingħata opportunita’ waħda ta’ re-sit u ta’ re-do module . Student/a jingħata opportunita’ oħra jew iżjed li jerġa jagħmel ( re-do ) il- module imma bi ħlas.

Grading fuq prodotti importati u dawk lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex ippjanat li jiġi introdott il-grading fuq il-prodotti agrikoli kemm dawk importati kif ukoll dawk li jiġu prodotti lokalment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni Ewropeja (KE) Nru 1580/2007, dawk il-prodotti li huma koperti bl-istandards specifici tal-marketing għandhom jiġu ‘graded’ skont klassijiet differenti. Dawn il-prodotti huma tuffieħ, ċitru, kiwi, ħass, ħawħ/nuċiprisk, lanġas, frawli, bżar ikkulurit, għeneb tal-mejda u tadam. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ħames snin ilu l-Gvern introduċa l-għaqdiet tal-produtturi sabiex jiggrejdjaw il-prodott lokali skont standards ewropej stabbiliti. L-istandards speċifiċi japplikaw kemm għal dawk il-prodotti impurtati u anke għal dawk prodotti lokalment. Teżisti deroga fejn prodotti mibjugha diretta mill-bidwi u dawk il-prodotti li jkunu indikati għall bejgħ bħala prodotti għal iprocessar domestiku, jkunu eżentati minn dawn l-istandards specifiċi. Il-Ministeru għandu pjan sabiex dawn l-istandards jidħlu fis-sehh u jiġu kkontrollati.

bdil tas-saqaf tal-Pitkalija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li s-saqaf tal-asbestos tal-Pitkalija fejn jitqiegħdu l-prodotti agrikoli Maltin, li ilu kkundanat għal snin kbar, jiġi mibdul?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern għaddej bi proċess li jbiddel xi soqfa tal-Pitkalija. Fil-fatt, fil-ġimgħat li ġejjin se tinħareġ sejħa pubblika għal dan il-għan. Fejn is-soqfa mhux ħa jinbidlu ser isir arranġament ħalli l-operaturioperaturi jiġu rilokati.

Pitkali Crate — ħaddiema bla paga

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħaddiema tal-Pitkali Crate tħallew bla paga għal ġimgħat sħaħ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-impjegati mhumiex impjegati tal-Gvern u għaldaqstant dan il-Ministeru m'għandux obbligazzjonijiet lejn dawn il-ħaddiema tal-Pitkali Crates li hija kumpanija privata.

Pitkali Crate — kontribuzzjonijiet fuq il-kaxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu flus f'idejh tal-kontribuzzjonijiet fuq il-kaxxi, kemm suppost ikollu u kemm għandu jagħti lill-Pitkali Crates?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li hemm proċess legali bejn il-Ministeru u l-kumapnija privata msemmija u kif ukoll hemm proċess quddiem l-Ombudsman relatat ma' dan il-każ, il-Ministeru mhux f'pożizzjoni jirrilaxxa tali informazzjoni.

Kors ta' Aircraft Maintenance Technician — on the job training

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kors ta’ Aircraft Maintenance Technician (leading to part 66 CAT B1.1 Examination) 2009 – 2011 li m’għandux on the job training bħalma għandhom il-korsijiet kollha ta’ dan it-tip, hux se jkollu dan it-taħriġ? Minn meta se jingħataw dan it-taħriġ, meta se jibda u min se jkun jista' jipparteċipa fih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Prospectus li jippublika l-MCAST ta’ kull sena, l-kors ta’ Aircraft Maintenance Technician huwa reklamant bħala wieħed full-time u għalhekk l- on the job training (OJT) ma jiffurmax parti minnu.

Persuna li ngħatat stat ta' refuġjat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk xi persuna li tkun waslet Malta b'mod mhux normali u tkun ingħatat stat ta' refuġjat u din wara xi żmien tintbagħat ġewwa pajjiż ieħor biex tibda ħajja ġdida hemm, jkollhiex id-dritt li terġa tiġi lura Malta? Jekk persuna li tkun drat f'Malta tintbaghat ġewwa pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea u tkun tixtieq terġa tiġi lura f'Malta xi drittijiet għandha biex tagħmel dan?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-prassi dejjem hi li persuna li ngħatat protezzjoni, tista’ b’mod totalment volontarju tibbenefika minn opportunitajiet ta’ ri-allokazzjoni jew risistemazzjoni f’pajjiżi oħra. F’dawn l-aħħar snin, opportunitajiet minn dawn inkludew diversi pajjiżi tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Uniti. F’kull stadju, il-persuna tkun qed tagħmel dan b’mod volontarju, kemm fir-reġistrazzjoni ta’ interess, kemm f’li tiġi referuta lill-pajjiż partikulari, kif ukoll fit-tluq lejn il-pajjiż li tkun aċċettat li tmur fih. F’inizjattivi bħal dawn, il-pajjiż li qiegħed jospita jkun qed jieħu fuqu l-obbligazzjonijiet marbuta mal-għotja ta’ protezzjoni. B’hekk Malta ma tibqax aktar responsabbli għal dak l-individwu imma jkun il-pajjiż il-ġdid li qed jagħmel dan. F’dan il-każ, waqt li l-persuna jista’ jkollha d-dritt li tivvjaġġa, ma tibqax tgawdi mill-pożizzjoni li kellha qabel f’Malta għaliex tkun qed tgawdi d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni fil-pajjiż il-ġdid.

Unjoni Ewropea — Persuna li għandha status ta' refuġjat

Question

Jista' l-Ministru jgħid min jkollu status ta' refuġjat u jkun jgħix ġewwa pajjiż tal-Unjoni Ewropea għandux l-istess drittijiet bħal kull cittadin ieħor tal-EU u allura l-free movement of persons right jingħatalu awtomatikament meta jingħata l-istatus ta' refuġjat jew dan ma japplikax għal dawk ir-refuġjati li jkunu qed jgħixu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Skont id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE li tirrigwarda standards minimi għal fost l-oħrajn persuni bi status ta’ refuġjat, Artiklu 25 jgħid li l-iStati Membri għandhom joħorġu dokumenti ta’ vjaġġar skont l-iSkeda tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra lill-persuni li qed jibbenefikaw minn status ta’ refuġjat. Dan għal raġuni ta’ vjaġġar barra mit-territorju tagħhom sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku li ma jippermettux tali vjaġġar. Pero’ ta min wieħed jgħid li l-istatus ta' refuġjat ma jagħtix id-dritt ta’ moviment ħieles fi ħdan l-Unjoni Ewropea. B’hekk refuġjat mogħti l-protezzjoni fi Stat Membru partikolari, minkejja li jista` jsiefer fi Stati Membri oħra, ma għandux id-dritt awtomatiku li jgħix u jaħdem f’dawk l-Istati Membri oħra.

ħaddiema li jiddikjaraw inqas minn €15,000 fis-sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies u ħaddiema li jiddikjaraw li għandhom inqas minn €15,000 income fis-sena? Jista' jgħid is-self employed category kemm jiddikjaraw li għandhom income f'sena u f'liema kategoriji jaqgħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mhux possibbli tingħata tweġiba għal din il-mistoqsija minħabba li hija ġenerika wisq. Madankollu qed issir riferenza għat-tweġiba li qed tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23576 li jista’ jkollha elementi rilevanti għal din il-mistoqsija.

informazzjoni dwar part-time u full-time jobs

Question

Tista' l-Ministru tagħti breakdown ta' kif inhi magħmula u kemm għandha kategoriji l-work force f'Malta u Għawdex? Kemm hemm persuni minn kull kategorija li għandhom iktar minn xogħol wieħed u kemm hemm li l-uniku xogħol tagħhom huwa part-time? Tista' tgħid kemm hemm ħaddiema li għandhom iktar minn part-time job wieħed u m'għandhom l-ebda full-time job u kemm hemm ħaddiema li għandhom full-time job u iktar minn part-time job wieħed?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-work force f’Malta u Għawdex hija maqsuma: a) F’nies jaħdmu full-time jew part-time bħala impjieg ewlieni li jistgħu jkunu mpjegati kemm fis-settur privat u kemm fis-settur pubbliku, u b) Nies li jirreġistraw għax-xogħol. Skond l-informazzjoni li għandha l- Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig, fl-aħħar ta’ Settembru 2010, in-numru ta’ persuni li għandhom iktar minn xogħol wieħed (full-time u part-time) hu ta’ 8,373 fis-settur pubbliku u 14,250 fis-settur privat, filwaqt li numru ta’ persuni li xogħol ewlieni tagħhom huwa part-time hu ta’ 3,132 persuna fis-settur pubbliku u 26, 548 persuna fis-settur privat. In-numru ta’ ħaddiema li għandhom iktar minn part-time job wieħed u m’għandhom l-ebda full-time job hu ta’ 3,475 persuna. In-numru ta’ ħaddiema li għandhom full-time job u iktar minn part tim e wieħed hu ta 3,652 persuna.

l-inqas pagi aċċettati f'Malta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-inqas pagi aċċettati f'Malta u Għawdex għal kull siegħa li ħaddiem jaħdem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ lill-Prim Ministru.

tenders li ġew kanċellati

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm ġew kanċellati tenders matul is-snin 2008/09/2010 u għal liema raġuni kienu ġew oriġinarjament miftuħa u mitluba? Għal liema raġuni ġew kanċellati t-tenders li jissejħu iktar bħala GHPST maħruġa mill-GPS u mid-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.