Jista' l-Ministru jgħid ladarba ċ-ċittadin jara fin-nutar il-kolettur u rappreżentant tal-gvern, għaliex għandu l-istess ċittadin jerġa' jeħel il-flus tal-bolla u t-taxxa li jkun diġà ħallas f'kuntratti u ħlasijiet oħra għand nutar, jekk fl-aħħar jirriżulta li dan l-istess nutar ma qediex dmiru u ma ddepożitax il-flus afdati lilu miċ-ċittadin lill-gvern? Huwa l-każ li l-gvern għandu jfittex lin-nutar u mhux liċ-ċittadin meta kien in-nutar li naqas mill-obbligi tiegħu lejn il-gvern u mhux iċ-ċittadin li jkun ħallas il-kontribuzzjonijiet dovuti minnu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi meta, f’ċirkustanzi bħal dawk imsemmijin mill-Onorevoli interpellant, il-Gvern jesiġi li biex kuntratt jiġi ppubblikat il-ħlas tal-boll jew tal-capital gains irid isir mill-partijiet involuti fit-trasferiment, huwa jkun qed jimxi skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti.
Jista' l-Ministru jara li jiġu stallati wi-fi fl-Old People`s Homes kollha ħalli l-qraba tal-inmates ikunu jistgħu jkellmuhom fuq l-internet anke minn pajjiżi barra minn Malta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità, b’kollaborazzjoni mal-Malta Communictions Authority, qiegħed fil-proċess li jistalla computers u aċċess wi-fi f’diversi postijiet għall-anzjani. S’issa dawn ġew istallati fid-Day Centres u huwa maħsub li l-proċess ikompli u jiġu wkoll istallati fid-djar tal-anzjani tal-gvern. Sa dan it-tant, f’inizjattiva bejn is-Segretarjat, Kunsilli Lokali u l-privat, isiru b’mod regolari lezzjonijiet bażiċi ta’ kif tuża’ computer, inkluż kif tibgħat e-mail u kif taċċessa l-internet, kif wkoll dwar diversi faċilitajiet li fih il-mobile.
Jista' l-Ministru jara li ssir tabella biex tindika l-isem tat-triq 'Il-Fdalijiet Preistoriċi", Mosta min-naħa tal-bandli għaliex din it-triq f'din n-naħa m'għandiex isem u liema nuqqas qed joħloq skumdità lir-residenti konċernati għaliex meta barranin jkunu jridu jfittxu lil dawn ir-residenti qed ikollhom problema minħabba dan in-nuqqas?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li tabelli ta’ ismijiet ta’ toroq residenzjali jitwaħħlu mill-kunsill lokali rispettiv, dejjem bil-premessa li l-isem ikun approvat mill-kumitat tat-tismija ta’ toroq.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet biex n-nursing aids kollha jiġu skala 13? Jista' jgħid kemm hemm minn dawn il-ħaddiema involuti f'dawn id-diskussjonijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat
Mosta- Triq il-Kungress Ewkaristiku — tiswija tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li fi Triq il-Kungress Ewkaristiku ġewwa l-Mosta jiġu irranġati l-ispralli li hemm eżistenti, l-bankini u l-wiċċ tal-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta m'għandhiex pjanijiet ta' xogħol fl-imsemmija triq għal dawn ix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid il-berġa tal-Imtarfa kemm-il darba tiftaħ fil-ġimgħa? Xi rwol għandha fil-qasam mediku u kemm intużat minn pazjenti matul is-sena 2010?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-berġa tal-Imtarfa għandha rwol differenti mill-bereġ l-oħra. Is-servizzi offruti mill-berġa tal-Imtarfa huma kif jidher hawn taħt:
·
Health Awareness Clinic
Dan is-servizz jiġi offrut minn tabib u infermiera imħarrġin f’dan il-qasam. Il-ħinijiet tal-
Health Awareness Clinic
huma:
Nhar ta’ Tnejn (kull ħmistax) bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar u
Kull nhar ta’ Erbgħa bejn id-9.00 a.m. u nofsinhar.
·
Speech Language Pathology.
Kull nhar ta’ Tlieta u l-Ħamis bejn is-7.30 a.m u 3.30 p.m)
·
Saħħa Mentali fil-Komunità
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa jiġi provdut servizz ta’ saħħa mentali fil-komunità ma’ professjonisti bħat-tabib, infermier, psikologu u
social worker
. Dan is-servizz jingħata permezz ta’ appuntamenti.
L-attendenza fis-sena 2010 kienet kif jidher fit-tabella hawn taħt:
Tip ta’ Servizz
Numru ta’ attendenzi
Health Awareness Clinic
93
Speech Language Pathology clinic
53
Mental Health Clinic (Community)
100
Il-berġa tal-Imtarfa tospita wkoll l-uffiċċju tal-koordinaturi tat-taħriġ ta’ speċjalizzazzjoni għat-tobba fil-Mediċina tal-Familja. F’dan l-uffiċju isir ix-xogħol ta’ kordinament ta’ dan it-taħriġ li bħalissa jinvolvi 28
General Practioners Trainee
.
Hemm ukoll l-uffiċċju tal-Practice Development Unit li huwa responsabbli għat-taħriġ kontinwu u regolari tal-infermiera li jaħdmu fil-Kura Primarja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex vera li hemm kollox mixtri biex tinbena kamra mortwarja ġdida għall-Isptar Karen Grech? X'qiegħed u x'kien ir-razzjonali li intuża biex wara li inxtraw l-affarijiet kollha neċċessarji dan il-proġett waqaf?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-kamra mortwarja tal-Isptar Karen Grech qiegħda fil-proċess li tiġi refurbished. Dan ir-refurbishment wasal fl-istadju fejn hemm id-design u l-Bills of Quantities lesti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jinħaslu kaxxi ħodor tal-Pitkalija kuljum? Fejn qed jinħaslu? Min huwa responsabbli ta' dan il-ħasil u biex jinġarru mill-Pitkalija għall-post fejn qed jinħaslu u lura?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 23263, ninsab infurmat li:
Kuljum jinħaslu bejn 8,000 u 12,000 kaxxa.
Preżentement il-Ministeru qed jassumi r-responsabilità ta' dan il-ħasil u qiegħed jikkordina dan ix-xogħol permezz tal-ħaddiema fi ħdan dan il-Ministeru
Il-ġarr tal-kaxxi minn post għall-ieħor qed isir permezz ta' trakkijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa kull kaxxa ħadra biex tinħasel u tinġarr minn post għall-ieħor? Kemm hemm impjegati fuq dan l-eżerċizzju?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istat li kienu jinsabu fiha l-kaxxi kien tant ħażin li biex jintleħaq il-livell ta’ indafa meħtieġ kellu jsir tindif tagħhom individwalment b’mod rigoruż u anke manwalment. Wieħed jispera li la darba dan il-livell meħtieġ jintleħaq, wara it-tindif jkun jista’ jsir mingħajr l-isforz u ħin meħtieġ s’issa.
Għaldaqstant wieħed ma jistax jikkalkula l-ispiża medja li qed tiswa biex tinħasel kull kaxxa bħala spiża medja indikattiva.
Ninforma lill-Onor Interpellant li waqt li jkun għaddej il-ħasil ikun hemm erba’ ħaddiema jnaddfu manwalment u jġorru u erba’ ħaddiema oħra jaħdmu mal-magna tal-ħasil u jixxuttaw il-kaxxi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm raħħala li applikaw għall-għajnuna finanzjarja "Dairy Restructuring Aid-Animal Housing Scheme 2002-2008" ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema, li nassumi li l-Interpellant qed jirreferi għaliha, hija d-‘Dairy Industry Restructuring Scheme’ u li daħlet fis-seħħ wara d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-Ministeru ħabbar din l-iskema fis-6 ta’ Ġunju 2006 li toffri għajnuna finanzjarja għal ristrutturar fl-irziezet li sar wara d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri wara l-1 ta' Mejju 2004. Għal din is-sejħa għal tabliet ta' għajnuna finanzjarja taħt din l-iskema kien hemm 69 applikazjoni.
Infakkar illi din l-iskema kienet iffinanzjata taħt l-iskema Special Marketing Policy Programme for Maltese Agriculture.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm raħħala li ngħataw għajnuna wara li applikaw għal ghajnuna finanzjarja "Dairy Restructuring Aid-Animal Housing Scheme 2002-2008" ? Jista' jgħid kemm allura fadal raħħala li fadlilhom jieħdu din l-għajnuna u kemm kien hemm għajnuna ibbagitjata għal din il-għajnuna? Jista' jgħid kemm fadal allura għajnuna f'Euros li għad trid tingħata?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellantli l-gvern, taħt il-programm Special Marketing Policy Programme for Maltese Agriculture għas-settur tal-ħalib, liema programm jinkludi fih ir-ristrutturar tal-irziezet, kien hemm ivvutati pakkett ta' €13.17 miljuni. Jien infurmat li din l-għajnuna tqassmet kollha. Barraminhekk, ħarġu għajnuniet oħra taħt il-programm tal-Iżvilupp Rurali għal-istrutturar tal-istess irziezet.
Għaddejjin taħdidiet regolari mal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib dwar xi
claims
pendenti, liema taħdidiet għadhom għaddejjin għax għad m’hemm qbil.
għotja ta' flus biex ħaddiema jżarmaw il-mistier tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li jagħti flus lix-xufiera tal-karozzi tal-linja u lill-ħaddiema tat-tarzna, lir-raħħala u bdiewa oħrajn ħalli min ikun jrid jista' jieħu dan il-grant ħalli jżarma mill-mistier tiegħu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-qbil li kien intlaħaq ma’ tal-linja huwa pubbliku. L-istess jista’ jingħad dwar il-privatizzazzjoni tat-tarzna. Il-bqija m’hemm l-ebda ħsieb li l-gvern iħallas lil xi ħadd sabiex iżarma mix-xogħol li qiegħed jagħmel.
Jista' l-Ministru jikkonferma li se jdaħħal kokijiet ġewwa l-istituzzjoni tal-Isptar Monte Carmel bil-kuntratt ta' sena sena? Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu bżonn kokijiet għal dan il-għan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-gazzetti lokali ġiet ippubblikata expression of interest għall-post ta’ kok. Hemm seba’ (7) vakanzi għal dan il-post u hekk kif jinġiebu l-permessi meħtieġa, jitkompla il-proċess tar-reklutaġġ.
Tista' l-Ministru tgħid kemm jiġi jiswa t-trasport lill-Aġenzija Sapport provdut għaċ-ċentri ta' matul il-jum għal persuni li jagħmlu użu mill-wheelchairs?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-trasport lill-Aġenzija Sapport provdut għaċ-ċentri ta' matul il-jum għall-persuni li jagħmlu użu mill-wheelchairs jiswa €226,845 fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn u f'liema post tpoġġew l-air monitors madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti t-tagħrif li ġie rekordjat minn dawn il-monitors f'dawn l-aħħar sitt xhur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-Mistoqsija lill-Minstru responsabbli mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u I-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid il-valur f'eurosta' kazijiet solvuti f'serq li seħħew matul is-snin 2006/07/08/09/10?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mhux disponibbli taħt forma ta' statistika kompjuterizzata li perà trid tinġabar każ, każ skont dak li ġie rrapurtat bħala valur ta' oġġetti misruqa u dak li sussegwentement jiġi determinat fil-proċeduri kriminali l-Qorti. Dan jitlob ferm aktar ħin u żmien sabiex ikun jista' jinġabar għall-ħames snin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa t-total ta' każijiet mhux solvuti ta' serq li seħħew matul is-sena 2006/07/08/09/10? Jista' l-Ministru jispjega x'jiġri minn dawn il-kazijiet ta' serq li jibqgħu mhux solvuti? Jista' jgħid kemm hemm każijiet ta' serq mhux solvuti quddiem il-Korp tal-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 22547u 22553, ninsab infurmat illi, sakemm il-każ ma jkunx solvut, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tibqa' miftuħa.
Standards tal-Ewropa — Manure li jipproduċu l-annimali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kubu ta' manure li qed jipproduċi l-life stock ta' bhejjem u annimali bħal baqar, majjali, fniek, tiġieġ, eċċ. hawn f`Malta llum? Jista' jgħid jekk dan l-ammont huwiex skont dak aċettat mill-istandards tal-Ewropa? Jista' jgħid x'inhi l-politika tal-gvern f'dan is-settur?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-direttiva Ewropea ma tobbligax lill-pajjiżi membri li jkejlu u jżommu record tad-demel prodott mill-bhejjem u annimali iżda minn stimi li saru skont kriterji stabbiliti huwa stmat li jkunu ġġenerati mitejn sitta u disgħin elf tunnellata. Tajjeb li jingħad li parti konsiderevoli tintuża biex jiddemmlu ++
l-għelieqi flok fertillizant kimiku.
Għaldaqstant, il-politika tal-Gvern hija li:
1) jintroduċi standards u prattiċi ta' kif ikun maħżun u ttrattat jew użat id-demel.
2) jinkoragixxi is-sostituzzjoni ta' fertilizzant artifiċjali bl-użu tad-demel.
3) jinkoragixxi l-użu meqjus ta' fertilizzant.
Sabiex l-Onorevoli Interpellant jkollu stampa ċara u kompleta tal-politika tal-gvern, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għas-Seduta 245 tal-24 ta' Ġunju 2010 fejn ġiet diskussa il-Waste Management Strategy.
Fid-dawl tal-prezzijiet internazzjonali taċ-ċereali dejjem jogħlew, jista' l-Ministru jgħid x'sejra tkun il-politika tal-Gvern Malti versus il-produtturi lokali tal-ħalib, laħam u prodotti oħra agrikoli li kollha jiddependu miċ-ċereali u l-prezz ta' dan il-prodott bażiku u essenzjali qiegħed kulma jmur jogħla fil-prezz?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru qiegħed isegwi mill-qrib din is-sitwazzjoni tal-prezzijiet internazzjonali taċ-ċereali u qiegħed jevaluta x' jista' jkun l-impatt f'sitwazzjoni fejn jidher li l-prezzijiet internazzjonli huma volatili. Għal każ li jkun meħtieġ, il-gvern fl-aħħar budget alloka s-somma ta’ €400,000 biex itaffi l-qagħda sakemm is-suq jistabbilizza ruħu
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li hemm irziezet li jrabbu life stock li jridu jagħlqu fil-ġimghat u xhur li gejjin? Jista' l-Ministru jgħid ir-raġuni bażika ta' dan? F'liema settur huma dawn l-irziezet involuti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interperpellant jispeċifika x’irid ifisser eżatt meta jirreferi għal irziezet li jridu jagħlqu. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru għaddej b’ħidma biex ċerti rziezet jagħlqu biex jiġu rilokati f’żoni minn fejn ikunu jistgħu jwettqu l-attivita tagħhom bl-inqas inkonvenjent għalihom u għar-residenti li hemm madwarhom fil-viċin.