Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #25104 Sitting 350 2011-05-24 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kwestjoni dwar sistema solari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk xi ħadd jagħmel sistema solari fuq il-bejt tiegħu u li dan ikollu aċċess għax-xemx, imma wara ftit il-ġirien tiegħu jingħataw permess sabiex jtellgħu iktar sulari ta' bini madwaru bil-konsegwenza li dan ma jibqax ikollu aċċess għax-xemx? Il-persuna li tkun waħħlet is-sistema solari li issa spiċċat bla aċċess għax-xemx hija intitolata għal xi kumpens/għajnuna jew xi drittijiet oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #25105 Sitting 350 2011-05-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

assistenti parlamentari — rapport ta' ħidma

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-assistenti parlamentari humiex mitluba li jressqu rapport tal-ħidma tagħhom? Lil min huma mitluba li jagħmlu dan u kull meta huwa mitlub minnhom dan ir-rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Assistenti Parlamentari huma responsabbli lejn il-Ministru li miegħu ikunu assenjati.

għasafar protetti importati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax ċittadin jimporta għasafar protetti f'Malta imma li dawn ikunu imfaqqsin fil-magħluq barra minn Malta? Xi jrid ikollu l-istess ċittadin biex jipprova dan? Hemm xi lista ta' għasafar protetti f'Malta imma li jistgħu jiġu importati b'dan il-mod fil-pajjiż?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi jekk l-għasafar protetti jkunu ‘Captive Bred’ u jkollhom iċ-ċertifikazjoni ta’ CITES meħtiega jkunu jistgħu jiġu introdotti f’Malta. Barra ċ-ċertifikazjoni jkun hemm bżonn li l-għasafar in kwestjoni jridu jkunu mgħammra b’ċurkett sħiħ li jidentifikom jew microchip. Il-lista ta’ għasafar protetti hija skont kif ippublikat fl-Avviż Legali 79 tal-2006.

spezzjonijiet fuq toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni ta' toroq primarji u sekondarji saret matul is-sena 2010 mis-sezzjoni responsabbli biex tara li t-toroq tagħna jkunu safe biex issuq fuqhom? Jekk saru dawn l-ispezzjonijiet, jista' jgħid f'liema lokalitajiet kienu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru 1,282 spezzjoni ta' toroq matul is-sena 2010. Dawn l-ispezzjonijiet saru madwar Malta kollha.

mediċina out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li l-mediċina importanti għall-pazjenti li jieħdu l-istess mediċina bl-isem Guastil Pediatric hijiex out of stock u li din issa ilha hekk għal diversi ġranet u ġimgħat? Jista' jagħmel xi ħaġa għaliex skont informazzjoni li għandi din l-medicina issa anki mill-ispiżeriji privati qed issir skarsa u jekk tiġi out of stock anke fil-privat il-pazjenti li jagħmlu użu minnha jkollhom problemi kbar ta' saħħa u kwalità ta' ħajja differenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tal-Procurement għamel żewġ ordnijiet ma’ kuntrattur lokali għal din il-mediċina. Dawn l-ordnijiet saru fl-20 ta’ Lulju 2010 u fit-30 ta’ Novembru 2010 rispettivament. Il-kuntrattur qiegħed tard fid-delivery taż-żewġ ordnijiet. Id-Dipartiment beda proċeduri oħra biex tinxtara din il-mediċina minn sorsi alternativi a spejjeż ta’ dan il-kuntrattur, iżda l-ebda offerta li ntefgħet ma kienet aċċettabbli minħabba id-doża offruta. Id-Dipartiment tas-Saħħa baqa’ jqassam stokk limitat lill-Isptar Mater Dei, lil Għawdex u lill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek sa nofs Frar 2011. Sa dan it-tant, il-Gvern waslitlu l-kunsenja u din il-mediċina hija in stock .

Mosta — Triq il-Biċċerin - spuction tad-drenaġġ miftuħa

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ fejn qed jingħad li fi Triq il-Biċċerin Mosta hemm spuction tad-drenaġġ miftuħa li hija mgħottija biss b'biċċa pjanċa u li qed jingħad li din l-ispuction qed jintefa' fiha toxic wastes u kimiċi differenti , liema kimiċi qed jikkawżaw ħafna rwejjaħ li jdejqu lir-residenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-manhole li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant mhix tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma imma hija parti minn istallazzjoni privata. Uffiċjali tal-Korporazzjoni tkellmu mas-sid tal-istallazzjoni u dan invita l-cover tal-manhole b’mod permanenti mal-bankina.
Leg 11 PQ #25095 Sitting 349 2011-05-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema taċ-ċivil — età tal-irtirar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu maċ-ċivil u li għandhom iktar mill-età tal-irtirar? F'liema skali qegħdin u x'job għandhom dawn il-ħaddiema/professjonisti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi hemm 272 persuna jaħdmu fis-Servizz Publiku li għandhom aktar mill-età tal-irtirar. Dettalji tal-iskali u r-remunerazzjoni, kif ukoll tal-grad jew kariga ta’ dawn il-persuni, jinsabu fil-lista li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qasam tas-Saħħa — ħaddiema li qabżu l-età tal-irtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema u professjonisti li jaħdmu mal-qasam tas-saħħa u li qabżu l-età tal-irtirar? Kemm hemm minn dawn u f'liema grad qegħdin? Jista' jgħid kemm dawk li qed jaħdmu u li qabżu l-età tal-irtirar ilhom jagħmlu dan? Jista' jgħid kemm-il persuna li qabżet l-età tal-irtirar ingħatat il-permess tkompli taħdem mas-settur tas-saħħa fis-snin 2010 u 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #25100 Sitting 349 2011-05-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministru u Segretarji Parlamentari — meetings u laqgħat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm laqgħat li attendew Ministri/Segretarji Parlamentari u membri tal-Parlament organizzati mill-Unjoni Ewropea u organizzazzjonijiet oħrajn dinjija matul is-sena 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

“Ma narax il-ħtieġa li nuża riżorsi umani limitati li għandna sabiex niġbor l-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant peress li din trid ammont kbir ta’ ħin sabiex tinġabar. Madanakollu jekk l-Onor. Interpellant jixtieq xi informazzjoni fuq xi żjara partikolari, m'għandhiex diffikultà li nagħti l-informazzjoni sa fejn possibli.

Pixkerija ġdida

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Pixkerija l-ġdida? Fejn hemm il-pjan biex din issir u meta huwa ippjanat li tkun lesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ewwel fażi ta’ ippjanar u disinn tal-Pixkerija il-ġdida ġiet iffinalizzata u diġà ġiet sottomessa l-applikazjoni mal-MEPA għall-iżvilupp tal-Pixkerija l-ġdida. Il-post magħżul għal dan il-progett huwa biswit l-Biċċerija tal-Gvern f’Albertown, il-Marsa. Wara li jinħareg l-permess tal-iżvilupp, se jkunu ppublikati u aggudikati t-tenders għall-kostruzzjoni u tagħmir tal-Pixkerija l-Ġdida. Hu ippjanat li x-xogħol strutturali jibda fil-bidu tas-sena 2012 u li l-proġett kollu jkun komplut matul is-sena 2013.

studji dwar speċi valenużi f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux studji fuq speċi li jgħixu f'Malta li huma valenużi u li jistgħu jqiegħdu l-ħajja ta' bniedem fil-periklu? Jekk jeżistu dawn l-istudji, jista' l-Ministru jgħid jekk humiex pubbliċi jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat responsabbli mill-MEPA.

studji fuq ħxejjex, fjuri, pjanti jew faqqiegħ valenużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux studji fuq ħxejjex, fjuri, pjanti jew faqqiegħ li huma valenużi u li jistgħu jipperikolaw il-ħajja taċ-ċittadini b'xi mod? Jekk jeżistu dawn l-istudji, jista' jgħid jekk humiex pubbliċi jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija 24873.

studji fuq ħut u speċi tal-baħar valenużi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux studji fuq ħut jew speċi tal-baħar li huma valenużi jew li jistgħu jipperikolaw il-ħajja taċ-ċittadini b'xi mod? Jekk jeżistu dawn l-istudji, jista' jgħid jekk humiex pubbliċi jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija 24873.

moniteraġġ fuq drenaġġ uman

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jsirx moniteraġġ fuq drenaġġ uman, fis-sens ta' kemm minn dan id-drenaġġ qed jispiċċa l-baħar, kemm qed jispiċċa proċessat u kemm minn dan l-stess drenaġġ qed jiskula għal taħt l-art tat-triq li jkun għaddej minnha? Jista' l-Ministru jgħid meta sar dan l-istudju, għal liema parti ta' Malta sar u kull kemm bħala perjodu jsiru testijiet biex jaraw li s-sistema tad-drenaġġ uman tkun mingħajr ebda leakage?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

fosos bil-permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għad hawn fosos bil-permess? Kemm-il spezzjoni ssir biex jiġi assigurat li dawn il-fosos mhux qed jiskulaw u b'hekk il-likwidu tagħhom jinżel u jitħallat mal-ilma tal-pjan?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija 24876.

trasport tal-iskart tal-isptarijiet fil-boroz is-sofor

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23404 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kif jiġi trasportat l-iskart tal-isptarijiet tal-boroz is-sofor (clinincal waste) bejn l-isptarijiet u l-post fejn qed jiġi distrutt? B’liema mezz tat-trasport jinġarr u min huwa responsabbli għal dan il-ġarr? Xi prekawzjonijiet jittieħdu biex jaraw li bejn iż-żewġ postijiet dan l-iskart ma jieqaf imkien u ma jkun ġie kontaminat l-ebda post? Jista jgħid jekk din is-sistema hux qed tintuża fuq iż-żewġ gżejjer jew jekk f'Għawdex għanhomx xi metodu ieħor differenti minn dak ta' Malta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm diversi kuntratti għall-ġbir ta’ skart kliniku mad-diversi sptarijiet. F’kull każ il-kuntrattur huwa responsabbli għall-ġarr tal-iskart u huwa obbligat li jkollu permess validu mill-MEPA. L-iskart kliniku jinġarr għat-Thermal Treatment Facility fil-Marsa sabiex jinħaraq. Il-kuntrattur huwa responsabbli ghal dan il-ġarr u huwa responsabbli wkoll li jara li l-vettura ma tieqaf imkien waqt il-vjaġġ. Kull sptar jirċievi irċevuta mingħand il-Waste Serv dwar is-servizz ta’ ħruq ta’ skart kliniku ipprovdut minnha kif ukoll irċevuta oħra mingħand il-kuntrattur. Dawn l-irċevuti jkun fihom dettalji dwar il-materjal li jkun intrema. Dwar l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Swieq tal-bdiewa — kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra il-kundizzjonijiet li min jarma fuq is-swieq tal-bdiewa jrid jsegwi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 23946.

Swieq tal-bdiewa — spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet, u jekk saru kemm saru, u x'kien ir-riżultat minn dawn l-ispezzjonijiet dwar is-swieq tal-bdiewa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-twġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 24230 u 25823, nerġa’ intenni li biex dawn l-ispezzjonijiet ikunu effettivi isiru b’mod sporadiku u ma jkunx ta’ ġid għall-effettività tagħhom li jkunu ippubblikati dettalji ta’ kemm, kif jew meta dawn saru.