Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se tingħata għajnuna biex isir il-microchippingfuq l-annimali? X'tip ta' għajnuna se tingħata? Min jista' japplika għaliha u kif?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Infakkar lill-Onor Interpellant li għal dawn l-aħħar ħamsin sena, kien hemm l-obbligu li tinħareġ liċenzja mill-Pulizija li tiġġedded kull sena bi ħlas annwali ta’ €2.33. Hu kkalkulat li kelb jgħix minn tal-anqas 10 snin, għalhekk jekk kelb jgħix 10 snin is-sid kien obblgat li jħallas €23.30 fuq 10 snin. Din is-sistema issa spiċċat u dan il-ħlas m'għadux fis-seħħ. Il-liġi l-ġdida tistipula li l-ħlas ta’ micro-chipping hu ta’ €11.80 (VAT inkluż) fil-każ ta’ klieb imsewwija (neutered) u €22.70 fil-każ ta’ kelb/a mhux imsewwi/ja u dan jikkonferma kif bil-liġi l-ġdida mhu se ndaħħlu ebda piż żejjed. Din id-differenza qed issir biex tħajjar lis-sidien isewwu l-klieb tagħhom u b’hekk jonqsu l-klieb.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull min kien konformi mal-ligi antika u kellu l-kelb/klieb tieghu liċenżjat/i, ma jergax iħallas għal-licenzjar tal-kelb jew klieb tiegħu. Għaldaqstant kull min jippreżenta ircevuti tal-ħlas tal-kelb tiegħu għal-liċenzja tal-Pulizija ta’ dawn l-aħħar tlett snin (2008, 2009 u 2010), ir-registrazzjoni ta’ dan il-kelb issir mingħajr ħlas iehor. Hemm ukoll arranġamenti biex il-klieb kollha li kienu irregistrati fuq il-PETNET ser jiġu wkoll liċenzjati mingħajr ħlas ieħor bħala rikonoximent li dawn is-sidien ipparteċipaw f’sistema volontarja li tinkludi il-microchipping. Fl-aħħar nett infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-klieb kollha li huma iċċertifikati bħala GUIDE DOGS għan-nies nieqsin mid-dawl ser jiġu reġistrati wkoll mingħajr ebda ħlas.
xogħol fit-toroq minħabba l-karozzi tal-linja l-ġodda
Question
Jista' l-Minstru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi li għandhom dawk li qed jagħmlu x-xogħol neċessarju fit-toroq Maltin u Għawdxin kollha, sabiex ikunu jistgħu jiffaċilitaw it-toroq tagħna għall-karozzi tal-linja li se jibdew joperaw dalwaqt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
tibdil fit-toroq minħabba l-karozzi tal-linja l-ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tiġi tiswa l-ispiża kollha sabiex jinqalgħu l-bankini, jinqalgħu u jitwaħħlu s-siġar minn diversi postijiet u jinżebgħu t-toroq tagħna ħalli l-karozzi tal-linja tal-kumpanija li se tibda topera dalwaqt jiġu akkomodati?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega l-politika tal-gvern rigward is-siġar Ewkaliptus u Akaċja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabbli għal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hi kbira l-produzzjoni tal-għasel lokali vis-a-vis l-Eucalyptus Honey li jiġi prodott f'Settembru u Ottubru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat lil-istaġun li fih s-siġar tal-Eucalyptus ikun bil-fjuri jikkoinċidi ma parti mill-istaġun li fih is-siġar tal-ħarrub jinzertaw ukoll bil-fjuri. Għaldaqstant ma hemmx indikazzjoni li wieħed jista’ jgħid li f’Malta teżisti produzzjoni ta’ għasel esklussivament prodott mill-fjuri tas-siġar tal-Eukalyptus.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ambulanzi fil-pajjiż li permezz tagħhom ikunu jistgħu jagħtu għajnuna lill-annimali li jkunu korruti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali għandu għad-disposizzjoni tiegħu 2 vannijiet attrezzati biex jintużaw bħala Ambulanza.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi regoli f'Ċentru San Frangisk li jekk biex tikkura kelb jiġi jiswa iktar minn €50, allura l-kelb minflok jitfejjaq, jitraqqad?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fiċ-Centru San Frangisk m'hemmx regoli tat-tip imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
spiża biex jitfejjaq annimal fiċ-Ċentru San Franġisk
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm iridu jħallsu NGOs li jsibu kelb jew xi annimal ieħor li jkun ġie milqut minn karozza jew ferut meta dawn imorru bih fiċ-Ċentru San Frangisk f'Ta' Qali? Teżisti price list għal minor jew major operations?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-annimali abbandunati li jisfaw mtajrin jew imweġġa dejjem jiġu rapurtati lid-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Annimali anke meta jigu misjuba mill-NGOs. Għaldaqstat dawn kollha jaqgħu taħt l-iskema u għalhekk l-annimali meħuda ġewwa Ċentru San Frangisk kollha jaqgħu taħt l-iskema li m’hemmx ħlas għas-servizz mediku izda biss għall-medicina. Barraminhekk, jezistu pero xorta prezzijiet preferenzjali għall-NGOs meta dawn ikunu iridu jagħmlu użu mis-servizz ta’ dan iċ-ċentru. Tezisti Price List għal kull servizz offrut, disponibbli għall-pubbliku ġenerali. Barraminhekk wieħed għandu wkoll id-dritt jitlob minn qabel għall-kwotazzjoni fuq kull servizz mixtieq
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħatat għajnuna u kif tqassmet lil NGOs li jieħdu ħsieb l-annimali matul is-snin 2005 sa 2010 separatament? Hemm xi ħsieb min-naħa tal-gvern li jżid jew inaqqas il-budget għax-xhur u s-snin li ġejjin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27272. , nassumi li jaf li d-deċizzjoni ta’ kemm jkunu allokati finanzi tittieħed bħala parti mill-budget Nazzjonali fid-dawl ta’ konsiderazzjoniet wiesgħa fuq livell nazzjonali
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25376 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma dawk il-kumpaniji li fl-aħħar 20 sena ħadu xi grant biex ikunu jistgħu jixtru l-opri tal-baħar tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25377 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jsemmi liema kumpaniji jew individwi ħadu għajnuna għaliex kellhom lanċa ikbar minn 12-il metru u li dawn issa jridu jibdew jistadu iktar 'il barra minn 25 mil?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika il mistoqsija tiegħu peress li l-għotja ta’ għajnuna u s-sajd barra mill-25 mil mill-kosta mhumiex relatati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25378 u li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn permessi ta' laneċ u qxur oħra tal-baħar li għandhom il-permess biex jistadu fil-25 mil madwar Malta? Jista' jgħid jekk din iż-żona tiflaħx għal iktar sajjieda u għal kemm sajjieda tiflaħ iktar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li huwa l-permess għas-sajd u mhux tal-bastiment li fl-aħħar mill-aħħar li jirregola is-sajda. Barra mill-fatturi ta’ żona, daqs tal-bastiment u/jew daqs tal-makna, il-kalkoli ta' jekk u kemm għandu jiżdied jew jonqos is-sajd jinħadmu skont l-ispeci ta' ħut u/jew tip ta' irkaptu. Dan isir bħala mizura ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd. Bħala eżempju ċar f’dan ir-rigward, ma jistgħax jiżdied aktar ċertu sajd.
Madankollu, ninsab infurmat li hemm total ta’ 2881 bastiment, laneċ u qxur oħra tal-baħar taħt it-tnax-il metru li jistgħu jistadu skont regoli definiti fiż-żona sa 25 mil mill-kosta. Barraminhekk hemm 61 bastiment ieħor, li fid-dawl ta’ dan it-tip ta’ sajda li huma jagħmlu, huma permessi li jistadu f’din iż-żona.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25379 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu ż-żoni ta' konservazzjoni madwar l-ibħra Maltin u Għawdxin, liema żoni ma jistax isir sajd fihom minn fuq il-baħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li avolja n-numru ta' żoni ta' konservazzjoni jista' jiżdied s'issa ma twaqqfet l-ebda żona ta' konservazzjoni li ma jistgħax isir sajd fihom minn fuq il-baħar. Il-MEPA hija l-awtorità responsabbli biex tidentifika u twaqqaf żoni li jiġu protetti minħabba l-valur ekoloġiku tagħhom u li jistgħu jiffurmaw parti minn network tan-Natura 2000. Dawn iż-żoni jintagħżlu skont jekk hemmx ambjenti naturali u speċi ta' flora u fawna li jissodisfaw kriterji xjentifiċi stabbiliti fid-direttiva tal-Unjoni Ewropea, liema direttiva hija magħrufa bħala l-Habitats Directive .
Wara li dawn iż-żoni jiġu stabbiliti jibda proċess biex jiġi identifikat x'attivitajiet jistgħu jsiru f'dawn iż-żoni. Attivitajiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjenti naturali u l-ispeċi li għalihom is-sit ġie protett jistgħu jibqgħu jsiru. Dan il-proċess isir fuq mhedda ta' snin u għalhekk s'issa għad m'hemmx siti ta' konservazzjoni li fihom ma jistax isir sajd.
Barra ż-żoni li tistabilixxi l-MEPA, jeżistu żoni oħra ta' konservazzjoni li jillimitaw x'attivitajiet jistgħu jsiru fihom fir-rigward ta' sajd. Dawn iż-żoni jiġu mwaqqfa mid-dipartiment li jieħu ħsieb is-sajd f'Malta.
Mosta — Triq il-Biedja - talba biex titwessa' t-triq
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex issa li t-trasport pubbliku li jwassal it-tfal fil-kulleġġ il-ġdid ġewwa l-Mosta u li dan it-trasport jgħaddi miż-żona taż-Żokrija minn Triq il-Biedja jara li din it-triq titwessa' ftit minħabba l-fatt li fil-parti ta' fejn hemm il-blokk tal-flats, karozza tal-linja jew trakk kbir jgħaddu nkaxxati minn mal-karozzi li jkun hemm ipparkjati fl-istess triq man-naħa tal-flats?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt il-proposta tiegħu lil Transport Malta li qed tevalwa l-każ.
Jista' l-Ministru jikkonferma li meta jkun hemm żewġ anzjani li qed jgħixu b'pensjoni waħda u wieħed minnhom jidħol resident f'San Vinċenz de Paule, il-penzjoni tinqasam 60% lil dak l-anzjan li jkun qed jgħix fil-komunità u 40% għal dak li jkun qed jgħix fl-Isptar San Vinċenz de Paule? Huwa veru li minn dawk l-40 % li dak l-anzjan jingħata mill-pensjoni dawn jitteħdulhom 80 % u lilhom personali jingħataw 20 % minn dawk l-40 %?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali (Kap. 318) koppja miżżewġa li jkunu għadhom jgħixu flimkien meta xi ħadd minnhom jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paule u li bejniethom jkollhom pensjoni waħda tas-Sigurtà Soċjali, dik il-parti li tibqa’ fil-komunità tkun intitolata għal 60% tal-pensjoni tas-Sigurtà Soċjali. L-40% li jibqa’ lill-parti li tkun residenti fir-Residenza San Vinċenz de Paule jitqies bħala d-dħul nett tal-anzjan jew anzjana, u għalhekk minnhom jitnaqqsu 80% skont il-proviżjoni tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm familji li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2011 minħabba li dawn ma ħallsux dawn il-kontijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26878.
Negozji li ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma
Question
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm negozji li nqatgħalhom is-servizz tad-dawl għaliex ma ħallsux il-kontijiet tad-dawl matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26877.
noti ta' ammonizzjoni li se jinqata' s-servizz tad-dawl u l-ilma
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intbagħtu noti ta' ammonizzjoni lill-familji Maltin u Għawdxin li kien se jinqata' s-servizz tad-dawl minħabba li dawn il-familji ma kenux ħallsu l-kont tad-dawl tagħhom matul l-ewwel ħames xhur tas-sena 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, illi matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena, intbagħtu 7,150 ittra ta’ ammonizzjoni lill-familji u negozji li ma kinux ħallsu l-kontijiet rispettivi tagħhom.