Legislature:
Category:
Reset
Active:

Permessi ta’ residenza – Applikazzjonijiet għal tiġdid u applikazzjonijiet ġodda

Question

B’referenza għall-applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza sottomessi lill-Aġenzija Identità matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn l-applikazzjonijiet kienu għat-tiġdid ta’ permessi eżistenti, u kemm kienu applikazzjonijiet ġodda sottomessi għall-ewwel darba?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.

Permessi ta’ residenza – Applikazzjonijiet sottomessi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi applikazzjonijiet għal permess ta’ residenza minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi lill-Aġenzija Identità, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.

Elezzjonijiet Ġenerali – Titjiriet sussidjati għall-votanti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti breakdown sħiħ u dettaljat tal-ispiża ta’ €2,981,921 relatata mat-titjiriet sussidjati għall-votanti u d-dipendenti tagħhom għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2026, u jaqsam din l-informazzjoni għal kull pajjiż, belt u ajruport ta’ oriġini, inklużi separatament Londra, Brussell, Amsterdam u kull destinazzjoni oħra? Jista’ wkoll: i.    jgħid kemm votanti u kemm dipendenti vvjaġġaw minn kull destinazzjoni; ii.   jgħid kemm inġabru flus mingħand il-passiġġieri permezz tal-ħlas ta’ €90 għal kull biljett; iii.  jgħid kemm kienet l-ispiża totali attribwita lil kull rotta u kemm minnha tħallset mill-Gvern lill-KM Malta Airlines; iv.  jgħid kemm kienet l-ispiża medja għal kull passiġġier fuq kull rotta; v.   jgħid kemm kien hemm titjiriet skedati normali u kemm kien hemm titjiriet addizzjonali li ġew operati apposta minħabba l-Elezzjoni Ġenerali; vi.  jagħti d-data, ir-rotta, in-numru ta’ passiġġieri, in-numru ta’ seats disponibbli u l-load factor għal kull titjira addizzjonali, u l-ispiża attribwita lil kull titjira; vii. jispjega l-metodoloġija eżatta li ntużat minn KM Malta Airlines biex waslet għall-ammont ta’ €2,981,921, inkluż jekk il-kalkolu kienx ibbażat fuq spiża operattiva effettiva, prezz kummerċjali tal-biljetti, revenue mitluf, charter cost jew xi formula oħra; viii. jgħid jekk iż-€2,981,921 hijiex ċifra gross qabel id-dħul ta’ €90 mingħand il-passiġġieri jew l-ispiża netta finali għall-Gvern, u f’każ li hija gross, x’kienet l-ispiża netta finali għall-fondi pubbliċi; u ix.  jagħti l-istess breakdown, fuq l-istess bażi u skont ir-rotta, għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2022 sabiex ikun jista’ jsir tqabbil dirett, u jispjega għaliex l-ispiża rrappurtata għall-2026 żdiedet b’madwar 54% meta mqabbla mal-2022 minkejja li n-numru ta’ persuni li għamlu użu mill-iskema naqas minn 1,952 għal 1,530?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-ispiża fl-Elezzjoni Ġenerali tal-2026 għal dawk li bbenefikaw minn dawn it-titjiriet kienet ta’ €2,975,965. B’kollox kien hemm total ta’ 1,530 passiġiera. Għal fini ta’ tqabbil, l-ispejjeż relatati mal-elezzjonijiet preċedenti u l-ammont ta’ nies li bbenefikaw huma skond it-tabella hawn taħt: Sena Total ta' passiġiera Spiża Totali 2022          (Elezzjoni Ġenerali) 976 €1,925,602 2024              (MEP u Kunsilli Lokali) 807 €1,367,645

Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza – Żmien medju ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu ż-żmien medju ta’ stennija – mid-data tas-sottomissjoni sad-data tad-deċiżjoni finali – għal kull tip ta’ applikazzjoni għaċ-ċittadinanza (eż. ċittadinanza b’naturalizzazzjoni, bi żwieġ, b’dixxendenza/reġistrazzjoni, b’investiment/servizzi eċċezzjonali, jew kwalunkwe kategorija oħra użata mill-Ministeru), abbażi tal-applikazzjonijiet deċiżi fl-aħħar ħames snin u jipprovdi l-informazzjoni kif mitlub fit-tabella annessa? Jista’ jgħid ukoll: i. liema miżuri, jekk hemm, ittieħdu mill-Ministeru sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ applikazzjonijiet li ilhom pendenti għal aktar minn sentejn; ii. jekk l-Aġenzija Komunità Malta hijiex qed tipprovdi perjodu ta’ żmien speċifiku lill-applikanti li għadhom jistennew id-deċiżjoni finali fuq il-każ tagħhom; iii. kemm staff addizzjonali, jekk hemm, ġie assenjat biex jipproċessa applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza fl-aħħar sena, u jekk il-Ministeru huwiex qed jikkunsidra li jipprovdi riżorsi oħra biex jindirizza l-backlog; u iv. jekk il-Ministeru jsegwix u jippubblikax statistiċi dwar iż-żmien ta’ proċessar tal-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza, u jekk le, huwiex ser jimpenja ruħu li jagħmel dan?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Aġenzija Komunità Malta taħdem skont il-leġiżlazzjoni li hemm fis-seħħ u tieħu l-passi meħtieġa biex fit-tħaddim ta’ din il-leġiżlazzjoni tkun effiċjenti u rigoruża. Ninsab infurmat ukoll li għandu jkun iċċarat ukoll li l-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija jiġu pproċessati fuq bażi individwali, skont in-natura u ċ-ċirkostanzi ta’ kull każ, filwaqt li jiġu osservati l-provvedimenti tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Għaldaqstant, ma japplikawx termini ta’ żmien speċifiċi għall-ipproċessar jew għad-deċiżjoni finali tagħhom.

Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza – Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-informazzjoni kif mitlub fit-tabella annessa u għall-applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza sottomessi bejn l-2021 u l-2025 jgħid: i. is-sena tas-sottomissjoni; ii. it-tip ta’ applikazzjoni (eż. ċittadinanza b’naturalizzazzjoni, bi żwieġ, b’dixxendenza/reġistrazzjoni, b’investiment/servizzi eċċezzjonali, jew kwalunkwe kategorija oħra użata mill-Ministeru); u iii. kemm għadhom pendenti u ma rċevewx deċiżjoni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma r-raġunijiet prinċipali għad-dewmien fl-ipproċessar ta’ dawn l-applikazzjonijiet u liema bottlenecks speċifiċi ġew identifikati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant tirreferi għat-tweġiba ta’ mistoqsija parlamentari 2770.

Persuni li jaħdmu u rreġistrati bħala persuni qiegħda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nstabu li kienu qed jaħdmu waqt li kienu għadhom irreġistrati ma’ Jobsplus bħala persuni li qed ifittxu impjieg, mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Għal kull sena, jista’ jgħid: i.    kemm minn dawn il-persuni tneħħew mir-reġistru tal-qgħad; ii.    kemm kienu suġġetti għal azzjoni ta’ infurzar; iii.    kemm minn dawn il-każijiet wasslu għal proċeduri fil-qorti; u iv.    jekk bħala riżultat ta’ dawn il-każijiet, ġewx irkuprati xi benefiċċji jew ħlasijiet oħra u jekk iva, x’kien l-ammont totali rkuprat?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2529, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2024, mill-4 persuni li nstabu li allegatament kienu qed jaħdmu waqt li kienu għadhom irreġistrati, 3 kienu suġġetti għall-ħlas tal-penali amministrattiva, filwaqt li fil-każ l-ieħor irriżulta li ma kienx hemm biżżejjed provi. Wieħed mil-każijiet fejn intbgħatet il-multa amministrattiva, tressaq il-Qorti minħabba li l-individwu baqa l-inadempjenti filwaqt li ż-żewġ każijiet l-oħra għad irridu jitressqu l-Qorti. Il-persuna li tressqet il-Qorti instabet ħatja u ġiet immulltata €500. Fl-2025, mill-4 persuni li nstabu li allegatament kienu qed jaħdmu waqt li kienu għadhom irreġistrati, 3 kienu suġġetti għall-ħlas tal-penali amministrattiva, filwaqt li fil-każ l-ieħor irriżulta li ma kienx hemm biżżejjed provi. Dawn it-3 individwi kollha ħalsu l-multa amministrattiva ta’ €500. Fl-2026, mis-6 persuni li nstabu li kienu allegatament qed jaħdmu waqt li kienu għadhom irreġistrati, s’ issa 3 kienu suġġetti li jħalsu l-multa amministrattiva u t-3 l-oħra għadhom pendenti għax dawn instabu f’Awwissu. Mit-3 kienu suġġetti li jħalsu l-multa, persuna ħalset il-multa amministrattiva ta’ €500. Jobsplus ġabret ammont totali ta’ €2,500 f’penali amministrattivi skont il-provvedimenti tal-liġi (Artikolu 53). Fir-rigward ta’ jekk ġewx irkuprati xi benefiċċji, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Jobsplus ma għandhiex din l-informazzjoni, peress li l-benefiċċji ma jitħallsux minn Jobsplus.

Jobsplus - Law Compliance Unit - Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, għal kull sena mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: i.          it-total ta’ spezzjonijiet u investigazzjonijiet li twettqu mil-Law Compliance Unit ta’ Jobsplus; ii.          kemm minn dawn kienu spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post u kemm kienu investigazzjonijiet ibbażati fuq xogħol amministrattiv jew dokumentazzjoni (desk-based investigations); iii.          kemm minn dawn l-ispezzjonijiet fuq il-post twettqu barra l-ħinijiet normali tal-uffiċċju, inklużi fil-festi pubbliċi; iv.          it-total ta’ każijiet ta’ ksur tal-liġi jew irregolaritajiet li ġew identifikati; u v.          kemm minn dawn l-irregolaritajiet ġew identifikati bħala riżultat ta’ spezzjonijiet fiżiċi fuq il-post u kemm bħala riżultat ta’ investigazzjonijiet ibbażati fuq xogħol amministrattiv jew dokumentazzjoni? Jista’ wkoll jipprovdi din l-informazzjoni maqsuma xahar b’xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2528, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-total ta’ spezzjonijiet u investigazzjonijiet li twettqu mill-Law Compliance Unit ta’ Jobsplus mill-2024 sa Awwissu 2026 kien ta’ 15,851. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabelli bl-ispjegazzjoni.

Skema taċ-Childcare – Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal li bħalissa qed jagħmlu użu mill-iskema taċ-Childcare? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-tfal għandhom inqas minn sitt xhur, kemm għandhom bejn sena u sentejn, u kemm għandhom bejn sentejn u tliet snin?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 2440, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-aħħar ta’ Awwissu kien hemm 6,838 tfal jagħmlu użu mill-iskema taċ-Childcare. Iżjed informazzjoni dwar l-eta’ tat-tfal tinsab mehmuża fit-tabella t’hawn taħt. Eta’ Tfal jagħmlu użu mill-iskema taċ-Childcare 31/08/2026 0 sa 6 xhur 134 7 sa 12 xahar 701 13 xahar sa 24 xahar 2,422 25 xahar sa 36 xahar 2,874 Iżjed minn 36 xahar 707 Total 6,838

Foster carers – Aċċess għal servizzi bl-eID

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1911 u jgħid x’rimedju qed jiġi offrut lil dawk il-persuni li bħalissa qed jaġixxu bħala foster carers u li ma jistgħux jużaw l-eID tagħhom biex jibbukkjaw it-trasport tal-iskola, jaċċessaw ir-riżultati tal-eżamijiet tat-tfal u r-riżultati relatati mas-saħħa tat-tfal fdati fil-kura tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta, sabiex tirreferi għat tweġiba li ngħatat lill mistoqsija numru W514

Foster carers – Aċċess għal servizzi bl-eID

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’rimedju qed jiġi offrut lil dawk il-persuni li bħalissa qed jaġixxu bħala foster carers u li ma jistgħux jużaw l-eID tagħhom biex jibbukkjaw it-trasport tal-iskola, jaċċessaw ir-riżultati tal-eżamijiet tat-tfal u r-riżultati relatati mas-saħħa tat-tfal fdati fil-kura tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.