Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità dwar it-Trasport — kontijiet ta' liċenzja b'lura

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-Awtorità dwar it-Trasport qed tibgħat kontijiet ta' liċenzji b'lura lin-nies li ġew eżentati milli jħallsu taxxa ta' reġistrazzjoni, kif ukoll ta' liċenzji tat-triq għal min huwa detenur ta' disabled batch? Jista' jagħti l-figura totali tan-nies li ntbagħtitilhom din l-ittra u l-ammont ta' flus li l-awtorità qed tistenna li tiġbor?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità dwar it-Trasport bagħtet seba’ (7) ittri lil nies differenti għaliex instab li dawn ma kellhomx eżenzjoni għal ħlas tal-liċenzja iżda eżenzjoni għal ħlas għat-taxxa tar-reġistrazzjoni biss. It-total ta’ flus li trid tiġbor l-ADT huwa € 1,364.06.
Leg 11 PQ #11504 Sitting 148 2009-10-19 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sejħiet għall-Assistenti Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn qed joħorgu sejħiet, li dettalji dwarhom qegħdin jintbagħtu separatament, ta’ impjieg għal Assistenti Diretturi fil-Ministeru tiegħu li fihom jistgħu japplikaw biss dawk impjegati fis-settur pubbliku li għandhom substantive grade biss? Jista’ jiċċara d-differenza bejn uffiċjal permanenti li għandu substantive grade u uffiċjal permanenti li huwa officer in scale ? Jista’ jispjega il-għala uffiċjal li huwa officer in scale m’huwiex eliġibbli biex japplika għal dawn is-sejħiet?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Restawr ta' Auberge de Castille — Inċirata bir-ritratt impost fuqha

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni speċifika għaliex saret inċirata bir-ritratt impost fuqha ta' parti mill-binja ta' Auberge de Castille li qed tiġi restawrata, ġewwa Triq il-Merkanti, fil-parti li tmiss mal-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin, u jgħid kemm ġie jiswa dan il-materjal bir-ritratt, u kemm kien se jiswa mingħajr ir-ritratt u fl-aħħar minn l-aħħar ta' min kienet id-deċiżjoni? Jista' l-Prim Ministru jqiegħed għad-dispożizzjoni tagħna t-tendered documents, jekk kien il-każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kumpanija AP — proġett ta' Bieb il-belt

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-kumpanija AP hijiex direttament jew indirettament involuta fil-proġett ta' Bieb il-Belt kif propost minn Renzo Piano?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kumpanija AP hija nvoluta fil-proġett ta' Bieb il-Belt għax imqabbda min Renzo Piano Building Workshop.

Kumpanija AP — kunflitt ta' interess

Question

Tikkonferma l-Ministru li l-persuna, li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, huwa partner ta' kumpanija AP fl-istess ħin illi huwa ċ-Chairman tal-kumitat interministerjali. Nikwota mill-website: "He is currently Chairman of an Inter Ministerial Committee set up by the Maltese government for the European Capital of Culture Project in Malta in 2018." Ma jidhirhiex il-Ministru li dan jikkostitwixxi kunflitt ta' interess?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-membri tal-kumitat kollha ddikjaraw l-interess tagħhom mill-bidu nett qabel ma beda jiffunzjona l-kumitat. Mhux previst li se jkun hemm kunflitt ta’ interess fil-ħidma taċ-Chairman ta’ dan il-Kumitat Inter-Ministerjali.

Pjanti tal-proġett ta' bieb il-belt

Question

Il-Gvern stqarr illi l-figura ta' €1.4 miljun li tħallsu għar-riklamar u għall-pjanti tal-proġett, hija informazzjoni kunfidenzjali. Jista' l-Ministru jgħid x'inhu kunfidenzjali u għaliex qed jinżamm kollox mistur mill-poplu bl-iskuża ta' kunfidenzjalità kummerċjali? Jekk m'hemmx x'jinħeba mid-dawl tax-xemx, għalfejn ma toħroġx din l-informazzjoni? Għaldaqstant f'isem il-poplu nitlob li jingħata breakdown f'terminu ta' żmien stipulat, jiġifieri min tħallas? Kemm tħallas u meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema proġett qed jirreferi.

Awtorità dwar it-Trasport — e-mails pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm e-mails pendenti quddiem l-Awtorità dwar it-Trasport, li saru mill-1 ta' Jannar 2009 sal-lum, li jikkonċernaw talbiet għal xogħlijiet fit-toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità dwar it-Trasport — e-mails risposti mill-customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-e-mails li waslu għand il-Customer Care ta’ l-Awtorità dwar it-Trasport mill-1 ta' Jannar 2009 ġew risposti u ttieħdet azzjoni fir-rigward tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — Scaffolding bir-ritratt impost fuqu

Question

Jista' l-Vici Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm preċizament ġiet tiswa l-inċirata li tinsab imwaħħla bir-ritratt impost fuqha ma' l-iscaffoldingli hemm mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, fil-Belt Valletta? Jista' jgħid għal liema raġuni din saret hekk u min iddeċieda li ssir? Jista' jippreżenta l-istimi li ttieħdu u stima oħra ta' kemm tiswa mingħajr ritratti? Jista' jistqarr ukoll jekk hemmx xi regolament mill-Unjoni Ewropea li jġiegħel Ministeru fil-Belt Kapitali tal-pajjiż jagħmel spejjeż ta' din in-natura?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la hemm scaffolding u l-anqas inċirata imwaħħla mal-ħajt tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Leg 11 PQ #2259 Sitting 145 2009-10-06 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Liċenzja ta' ħanut

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk teżistix liċenzja għall-bar li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jekk fl-affermattiv, jista' jpoġġi kopja ta' dawn il-permessi fuq il-Mejda tal-Kamra , ċioe it-trade licence li kienu joħorġu oriġinarjament u jgħid meta ħarġu dawn il-permessi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-bar, li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament, għandu liċenzja valida għal Bar Second Class u din qegħda tiġi mġedda kull sena mill-Awtorità tat-Turiżmu. Il-liċenzja ħarġet mill-Kummissarju tal-Pulizija qabel is-sena 2002, is-sena li fiha ġew trasferiti l-liċenzji tal-bars mingħand il-Pulizija għal għand l-Awtorità. Ma naħsibx li huwa l-każ li kopja tal-liċenzja li fiha informazzjoni personali ta’ l-applikant għandha titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11095 Sitting 144 2009-10-05 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Każ ta' persuna diżabbli li trid tgħaddi bord

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għadu ma għaddiex bord dwar injuries li sofra fuq ix-xogħol fil-23 ta' Ġunju 2005 u li llum għandu diżabilità? Jista' l-Ministru jara li tiġi konkluża amministrittivament din il-pendenza?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Leg 11 PQ #10635 Sitting 142 2009-09-29 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Applikazzjoni għal dħul f'dar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat għad-dħul fir-residenza tal-anzjani fl-Imtarfa peress li din tgħix waħedha u m'għandha lil ħadd min idur biha?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ħruġ ta' ċittadinanza Maltija

Question

No question text.

Response (BORG, TONIO)

B'riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata fil-Mistoqsija kkonċernata għandha fil-pussess tagħha dokument ta' residenza li bih tkun tista' tidħol u toħroġ miż--żona Schengen mingħajr il-ħtieġa ta' visa. Dwar l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza kif infurmajt diġa lill-Onorevoli Interpellant fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7472, din għadha qiegħda tiġi proċessata.
Leg 11 PQ #10390 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Talba għal Children's Allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha sal-lum minghajr Children's Allowance?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Leg 11 PQ #10406 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Akkomodazzjoni Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jżomm li jħaffef il-proċess tal-persuna li dettalji tagħha qed jinbagħtu separatament, li hija single parent bi problemi ta' żewġt itfal ta' tmienja u erba' snin rispettivament tal-applikazzjoni tagħha sabiex tingħata akkomodazzjoni soċjali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna in kwestjoni qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa għalkemm fil-preżent l-Awtorità tad-Djar m’għandhiex postijiet addattati għal din il-familja fil-lokalità ppreferuta minn din l-applikanta.
Leg 11 PQ #10516 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Membri tal-Armata — differenza fil-paga

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex persuni fl-Armata li għandhom l-istess rank qegħdin jaqbdu bħala paga bażika differenza ta' madwar €35 meta wħud minnhom huma juniors fl-istess rank u dan qed jingħad għar-rank ta' lance bombardier u anke bombardier fejn f'ta' l-aħħar hemm saħansitra differenza fix-xahar ta' €60? Jaħseb li din minbarra li hija anomalija, hija wkoll diskriminazzjoni u qed toħloq disgwid u inġustizzja bejn il-membri fi ħdan l-Armata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Huwa minnu li numru sostanzjali ta’ Lance Bombardiers li laħqu f’dan ir-rank sena jew sentejn wara suldati oħra qed jirċievu madwar Ewro 35 fix-xahar iktar minn sħabhom li huma tal-istess rank iżda iktar anzjani minnhom. Din l-anomalija ġiet fis-seħħ minħabba r-reviżjoni tas-salarji fejn dawk li kienu diġà Lance Bombardier tpoġġew fuq is-salarju l-ġdid li kemm jaqbeż is-salarju kurrenti waqt li dawk li ġew promossi qabżu increment jew żewġ increments (sentejn żieda) skont ir-regolament 2.2.2.1 tal-Kodiċi ta’ Tmexxija fis-Servizz Pubbliku u b’hekk ġew b’salarji iżjed minn dawk ta’ qabilhom. Din l-anomalija teżisti wkoll f’ranks ogħla, iżda mhux f’livell daqstant ovvju. Il-kmand tal-AFM flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tal-Finanzi qed jindirizzaw bir-reqqa din l-anomalija sabiex l-aħjar soluzzjoni tinstab u tiġi implimentata għall-benefiċċju ta’ dawk milquta malajr kemm jista’ jkun.

Government Property Division — sospensjoni ta' enforcement officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid min ta l-ordni biex jiġu sospiżi seba' enforcement officers fid-Dipartiment tal-Government Property Division u min investiga l-każ qabel ma saret is-sospensjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern, in-numru ta’ Enforcement Officers li jagħmlu xogħol fl-Enforcement Section fid-Dipartiment tal-Artijiet, huwa ħamsa u mhux sebgħa kif irrefera l-Onor Membru. Dawn il-ħames Enforcement Officers, ġew sospiżi għal jumejn, nhar l-Erbgħa 12 ta' Awissu, 2009. L-ordni tas-sospensjoni ngħatat mill-Kummissarju tal-Artijiet skont il-proċedura elenkata fil- Public Service Management Code . L-Uffiċċjali li ġew sospiżi issa jridu jwieġbu għall-akkużi maħruġa kontra tagħhom quddiem Bord imwaqqaf skont il-provedimenti tal- Public Service Management Code.

Eureka — riċerki fir-Reġistru Pubbliku u Land Registry

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ser jiġri mis-servizzi li sal-lum huma kuntrattwati mal-Eureka dwar riċerki fir-Reġistru Pubbliku u l-Land Registry, wara li se jispiċċa l-kuntratt tagħhom f'Ottubru li ġej? Xi pjanijiet hemm u hux il-każ li l-Gvern qed jikkonsidra li jingħaqdu dipartimenti oħra magħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

L-imsemmi kuntratt ma jiskadiex f'Ottobru 2009 iżda f'Marzu 2010. Bħalissa qed isir evalwazzjoni interna biex jiġi deċiż il-pass li jkun imiss.
Leg 11 PQ #10634 Sitting 141 2009-09-28 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Talba għal għajnuna għall-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hi persuna b'diżabilità mhux qed tirċievi għajuna għall-mard u għall-mediċina?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.