Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCAST - Advanced Diploma (Livell 4) u Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing - Veterinarji u lecturers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm veterinarji u lecturers ġew ingaġġati mill-MCAST biex jgħallmu l-Advanced Diploma (Livell 4) u l-Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing u kemm minnhom għandhom esperjenza preċedenti fit-tagħlim u taħriġ post-terzjarju rikonoxxut?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li hemm total ta 20 edukatur full-time u 7 fuq bażi part-time li jgħallmu f’dawn il-korsijiet u korsijiet oħra relatati. L-MCAST tagħti prijorita assoluta ghal-esperjenza industrijali u settorjali ta rekruti ġodda. Rekruti ġodda huma obbligati li jtemmu b’suċċess kors ta Livell 7 relatat mat-taghlim professjonali fl-ewwel ħames snin ta mpjieg ma l-MCAST.

Masters Degree in Veterinary Medicine - Ftehim kummerċjali jew finanzjarju

Question

Peress li l-kors tal-Masters Degree in Veterinary Medicine qed jiġi offrut flimkien mal-Università ta’ Barċellona, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ftehim kummerċjali jew finanzjarju biex seta’ jiġi offrut dan il-kors? Jista’ wkoll jagħti dettalji tat-termini ta’ dan il-ftehim, inkluż kwalunkwe ħlas jew nefqa dovuta lill-Università ta’ Barċellona, u jqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-MCAST jikkonferma li hemm ftehim bejn l-MCAST u l-Università Awtonoma ta’ Barċellona li hija wkoll entità governattiva Spanjola. Dan il-ftehim ikopri perjodu ta’ ħames snin b’opzioni ta’ estensjoni. Il-ftehim jaqa taħt termini ta’ kollaborazzjoni bejn entitatajiet governattivi u sar skont id-direttivi tal-provviżjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-ftehim ikopri t-tagħlim tal-istudenti għall-ewwel ċiklu sħiħ u b’mod imnaqqas progressivament għaċ-ċikli sussegwenti, taħriġ u speċjalizzazzjoni tal-letturi tal-MCAST, l-użu tal-faċilitajiet f’Barċellona għal prattika skont il-bżonn, u l-użu tal-kurrikulu u l-materjal didattiv fost oħrajn. Dan huwa intiż sabiex l-MCAST jkun jista’ joffri l-kors b’mod awtonomu fil-futur.

Masters Degree in Veterinary Medicine - Konsultazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema konsultazzjonijiet saru mal-korp rappreżentattiv relevanti (Malta Veterinary Association) u mal-korp regolatorju (il-Veterinary Surgeons’ Council) fir-rigward tat-twaqqif u t-tmexxija tal-kors tal-Masters Degree in Veterinary Medicine, inkluż rigward il-kurrikulu u l-ħtiġijiet lokali tas-settur veterinarju? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-MCAST għażlet li timxi ma’ kurrikulu rikonoxxut u mħaddem min istituzzjoni edukattiva b’esperjenza vasta ħafna fit-taħriġ tal-mediċina veterinarja li hija akkreditata mil-EAEVE. Din hija l-Universita Awtonoma ta' Barċellona. Apparti hekk infurmat li L-MCAST tkellmet mal-Veterinary Surgeons’ Council fil-proċess ta' preparament sabiex jinfetaħ dan il-kors.

MCAST - EAEVE - Akkreditazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-MCAST hijiex akkreditata mill-EAEVE (European Association of Establishments for Veterinary Education), jew jekk applikatx għall-akkreditazzjoni tal-EAEVE?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li I-istituzzjoni edukattiva tista’ tikseb akkreditazzjoni mill-EAEVE wara li jiggradwaw l-ewwel grupp ta’ studenti. Madanakollu tajjeb li wieħed ikun ċar li din l-akkreditazzjoni hija differenti mill-proċess tal-warrant u l-kors Veterinarju tal-MCAST jwassal għal-Warrant rikonoxxut f’Malta u fil-pajjiżi kollha ta’ l-Unjoni Ewropeja.

Masters Degree in Veterinary Medicine - Taħriġ prattiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn qed isir it-taħriġ prattiku tal-istudenti tal-kors tal-Masters Degree in Veterinary Medicine, speċjalment fir-rigward tal-annimali tal-irziezet, il-prattika ekwina, il-biċċerija u s-saħħa pubblika (spezzjonijiet)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li t-taħriġ prattiku relatat mal-annimali tal-irziezet isir f’irziezet privati, permezz ta’ arranġamenti ma’ min imexxi dawn l-irziezet, kif ukoll f’faċilitajiet tal-Università Awtonoma ta’ Barċellona. Is-suġġetti relatati mal-prattika ekwina, mal-biċċerija u mas-saħħa pubblika jibdew jiġu mgħallma matul l-aħħar sentejn tal-kors.

Masters Degree in Veterinary Medicine

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kors tal-Masters Degree in Veterinary Medicine jingħatax kollu kemm hu f’Malta? Jekk le, liema partijiet mill-kors huma previsti li jsiru barra minn Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-maġġoranza assoluta tal-kors Veterinarju jingħata f’Malta.

Masters Degree in Veterinary Medicine - Studenti rreġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti rreġistrati fil-kors tal-Masters Degree in Veterinary Medicine bħalissa, flimkien ma’ tqassim tal-iskrizzjoni maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin u kemm huma barranin, inkluż in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-istudenti li bdew il-kors matul l-aħħar tliet snin huma mqassma kif ġej: * L-ewwel sena: 9 studenti * It-tieni sena: 5 studenti * It-tielet sena: 8 studenti Minn dawn l-istudenti, persuna waħda biss hija ta’ nazzjonalità barranija.

MCAST - Masters Degree in Veterinary Medicine - Edukaturi u veterinarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati edukaturi u veterinarji mill-MCAST biex jgħallmu l-Masters Degree in Veterinary Medicine u kemm minnhom għandhom esperjenza preċedenti fit-tagħlim u taħriġ post-terzjarju rikonoxxut?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-lum, ġew ingaġġati 14-il edukatur fuq bażi full-time u 4 edukaturi fuq bażi part-time.

Qtates imsewwija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il qattus u qattusa ġew imsewwija fis-snin 2024 u 2025?  Tista’ tgħid ukoll: i.    kemm minn dawn il-qtates kienu taħt il-kura ta’ NGOs jew voluntiera; ii.   kemm minnhom kienu taħt il-kura tad-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali; u iii.  kemm kienet in-nefqa fis-snin 2024 u 2025 biex dawn l-interventi setgħu jsiru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont ir-rekords amministrattivi tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, in-numru ta’ qtates li ġew imsewwija permezz tal-interventi reġistrati mid-Direttorat kien ta’ 1,861 fis-sena 2024 u 2,757 fis-sena 2025. In-nefqa mid-Direttorat fir-rigward ta’ dawn l-interventi kienet ta’ €127,483 fis-sena 2024 u €176,255 fis-sena 2025. Il-qtates inklużi f’dawn iċ-ċifri kienu reġistrati bħala li jinsabu taħt il-kura tad-Direttorat meta sar l-intervent. Għaldaqstant, dawn iċ-ċifri ma jinkludux interventi li setgħu ġew organizzati jew iffinanzjati direttament minn NGOs, voluntieri, kunsilli lokali jew persuni privati mingħajr l-involviment tad-Direttorat. Id-Direttorat m’għandux informazzjoni komprensiva dwar tali interventi indipendenti.

Animal Honours Awards - Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa totali biex tittella’ s-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards?  Tista’ tgħid ukoll kemm kienet in-nefqa totali tal-ħames edizzjonijiet preċedenti, maqsuma edizzjoni b’edizzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 – Sponsorship/appoġġ finanzjarju

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha, jew xi entità, aġenzija jew awtorità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħha, sponsorjatx jew tat xi forma ta’ appoġġ finanzjarju għall-avveniment bl-isem “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”? Jekk iva, tista’ tgħid ukoll liema entità jew entitajiet taw dan l-isponsorship jew appoġġ, kemm kien l-ammont imħallas jew imwiegħed minn kull waħda minnhom, u lil min sar jew se jsir il-ħlas? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokument ieħor li abbażi tiegħu sar jew se jsir dan il-ħlas?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tat appoġġ għall-konferenza “Iċ‑Ċittadin, l‑Ambjent u l‑Iżvilupp 2026”, organizzata minn Union Print.

Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 – Sponsorship/appoġġ finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, jew xi entità, aġenzija jew awtorità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sponsorjatx jew tat xi forma ta’ appoġġ finanzjarju għall-avveniment bl-isem “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll liema entità jew entitajiet taw dan l-isponsorship jew appoġġ, kemm kien l-ammont imħallas jew imwiegħed minn kull waħda minnhom, u lil min sar jew se jsir il-ħlas? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokument ieħor li abbażi tiegħu sar jew se jsir dan il-ħlas?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta tat appoġġ għall-konferenza “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”, organizzata minn Union Print, li trattat tema li hija ta’ interess pubbliku primarju.

Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 – Sponsorship/appoġġ finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, jew xi entità, aġenzija jew awtorità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sponsorjatx jew tat xi forma ta’ appoġġ finanzjarju għall-avveniment bl-isem “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll liema entità jew entitajiet taw dan l-isponsorship jew appoġġ, kemm kien l-ammont imħallas jew imwiegħed minn kull waħda minnhom, u lil min sar jew se jsir il-ħlas? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokument ieħor li abbażi tiegħu sar jew se jsir dan il-ħlas?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.

Att dwar is-Servizzi Veterinarji - Pariri tekniċi jew professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jintalbu pariri tekniċi jew professjonali mingħand esperti jew partijiet interessati fir-rigward ta’ kwalunkwe aġġornament tal-Att dwar is-Servizzi Veterinarji? Jekk iva, minn liema entitajiet, professjonisti jew organizzazzjonijiet qed jintalbu dawn il-pariri?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 2168.

Att dwar is-Servizzi Veterinarji - Emendi fir-Regolamenti dwar il-Professjoni tal-Kirurgi Veterinarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi abbozzat aġġornament tal-Att dwar is-Servizzi Veterinarji (Kap. 437) hekk kif tnediet il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Regolamenti dwar il-Professjoni tal-Kirurgi Veterinarji (Reġistrazzjoni u Liċenzji) peress li diversi miżuri msemmija fid-dokument ta’ konsultazzjoni jirrikjedu revoka jew emendi fl-Att innifsu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li għalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, saret analiżi tas-sottomissjonijiet u bħalissa għaddej ix-xogħol meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jitressqu l-emendi neċessarji. Matul dan il-proċess ikunu qed jiġu kkonsultati esperti li huma familjari mal-proċessi u s-suġġett inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-abbozz jirrifletti b’mod xieraq ir-rekwiżiti regolatorji u operazzjonali.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Kura veterinarja

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1778 u tgħid kemm kien hemm każijiet ta’ annimali taħt il-kura tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali li kellhom bżonn kura veterinarja lil hinn minn dik ta’ rutina? Tista’ wkoll tipprovdi n-numru ta’ każijiet li kienu jeħtieġu: i.    interventi ta’ dijanjostika permezz tal-immaġini; ii.   testijiet tad-demm; u iii.  kirurġija mhux relatata mal-isterilizzazzjoni tal-annimal għal finijiet riproduttivi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li bejn Jannar 2026 u Awwissu 2026, il-proċeduri mhux ta’ rutina mwettqa kienu kif ġej: Klieb: 4 trattamenti għall-Parvovirus; X-ray wieħed mal-ammissjoni; 2 lumpectomies; mastektomija waħda; X-ray wieħed ta’ segwitu; operazzjoni ortopedika waħda. Qtates: 12-il X-ray; 19-il proċedura dentali; 5 enukleazzjonijiet oftalmiċi; 5 amputazzjonijiet; 5 tiswijiet ortopediċi; 2 proċeduri oħra fuq tessuti rotob. Fir-rigward tat-testijiet tad-demm, matul dan il-perjodu saru diversi testijiet.  Madankollu, dawn huma kategorizzati bħala testijiet ta’ rutina u għalhekk mhumiex inklużi fost il-proċeduri mhux ta’ rutina.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali - Rekords mediċi miżmuma

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1777 u tgħid x’tip ta’ rekords mediċi qegħdin jinżammu mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali fir-rigward tal-annimali li jinsabu taħt il-kura tiegħu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li meta annimal jidħol fil-kustodju tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, jiġi assenjat Patient Number u jinħariġlu Admission Patient Medical Record li jkun abbinat miegħu.  Dan id-dokument jimxi mal-annimal meta jiġi trasferit għand il-kliniċi veterinarji (kemm interni kif ukoll privati) li jkunu qed jintużaw f’dak iż-żmien.  Id-dettalji tal-ewwel eżaminazzjoni tal-annimal jitniżżlu fuq dan id-dokument. Kwalunkwe eżaminazzjonijiet jew proċeduri li jsiru fil-futur jiġu mniżżlin fuq Examination Record (jekk issir internament) jew Follow-Up Patient Medical Record (jekk issir privatament). Apparti rekords fiżiċi, jinżammu wkoll dawk diġitali. Id-dettalji ġenerali, riżultati importanti ta’ testijiet tad-demm tal-annimal, u dettalji tal-Call tal-Ambulanza jitniżżlu f’Excel Sheets li jżommu detallji tal-pazjenti kollha li jkunu daħlu fil-kustodju tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali f’sena partikolari.  Rekords diġitali iktar dettaljati fuq pazjenti individwali jiġu miżmuma mis-sezzjoni relevanti (Qtates jew Klieb), fejn jitniżżlu problemi mediċi, trattamenti pjanati, dati ta’ vaċċini u trattamenti kontra l-parasiti, u kwalunkwe informazzjoni relevanti.

Veterinarji impjegati mal-Gvern – Riżenji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm veterinarji impjegati mal-Gvern irriżenjaw minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli kien hemm 8 riżenji minn veterinarji minn Ġunju 2025 sal-llum.

Veterinarji impjegati mal-Gvern – Maternity leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm veterinarji talbu u ngħataw maternity leave minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, veterinarja waħda talbet għall- maternity leave minn Ġunju 2025 sal-llum.

Veterinarji impjegati mal-Gvern – Leave fit-tul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm veterinarji impjegati mal-Gvern talbu u ngħataw leave fit-tul (Long Leave) li jaqbeż xahar bħala tul kumplessiv, minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, kien hemm 8 veterinarji li ngħataw leave fit-tul (Long Leave) li jaqbeż xahar bħala tul kumplessiv, minn Ġunju 2025 sal-llum.