Jista’ l-Ministru jgħid:
i. x’kienet l-ispiża totali għall-Gvern tas-sussidji fuq il-fertilizzanti fl-2025;
ii. x’inhi l-ispiża stmata għall-2026; u
iii. kemm ġew allokati flus għal dawn is-sussidji fil-Baġit 2027?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ispiża totali għall-Gvern għas-sussidji fuq il-fertilizzanti mħallsa fl-2025, b’rabta mal-iskema tal-2024, kienet tammonta għal ftit aktar minn €1.27 miljun.
Fir-rigward tas-snin 2026 u 2027, il-finanzjament ġej minn fondi tal-Unjoni Ewropea taħt “Agri-Reserve”, bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Fertilizzanti.
Jista’ l-Ministru jgħid:
i. kemm daħlu trakkijiet li jġorru skart tal-annimali (demel) fl-impjant għat-trattament tal-iskart tal-annimali f’Marsaskala, fl-2025 u minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar;
ii. kemm kien il-volum totali (f’m³ jew f’tunnellati) ta’ skart tal-annimali (demel) li daħal f’kull wieħed minn dawn il-perjodi; u
iii. kemm hi l-kapaċità massima ta’ kemm jista’ jilqa’ skart dan l-impjant kuljum?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l- impjant għat-trattament tas-srew f’Marsaskala, imħaddem mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), matul l-2025 ġew ikkonsenjati 251,986 metru kubu ta’ srew, ekwivalenti għal madwar 16,799 vjaġġ, filwaqt li bejn Jannar u Settembru 2026 ġew ikkonsenjati 180,672 metru kubu, ekwivalenti għal madwar 12,045 vjaġġ.
L-għadd ta’ vjaġġi huwa stmat abbażi ta’ tagħbija medja ta’ 15-il metru kubu għal kull vjaġġ, filwaqt li t-tqassim xahar b’xahar mhuwiex disponibbli.
Il-kapaċità ta l- impjant għat-trattament tas-srew f’Marsaskala hija ta’ madwar 600 - 800 metru kubu kuljum.
Jista’ l-Ministru jgħid taħt liema Vot u Item tal-Estimi Finanzjarji 2027 huwa ffinanzjat il-pjan ta’ azzjoni ta’ €1 miljun kontra ż-żunżan orjentali mħabbar fil-21 ta’ Ottubru 2026? Jista’ jgħid ukoll:
i. kif inhu maqsum dan l-ammont bejn il-miżuri differenti tal-pjan;
ii. min se jkun responsabbli biex jiżgura li dan il-pjan ta’ azzjoni jitwettaq; u
iii. x’inhuma l-miri li se jintużaw biex jiġi stabbilit jekk il-programm irnexxiex u jekk il-problema taż-żunżan orjentali f’pajjiżna ġietx imrażżna?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-dettalji mħabbra mill-Gvern fi stqarrija PR 261766 li nħarġet mill-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel fil-21 ta’ Ottubru 2026. Id-diskussjoni dwar l-estimi finanzjarji għall-2027 ta’ dan il-ministeru se jiġu diskussi fis-seduta tat-Tnejn 7 ta’ Diċembru 2026.
Il-pjan ta’ azzjoni kontra l-bagħal taż-żunżan se jiġi ffinanzjat minn fondi nazzjonali allokati lill-ministeru matul l-2026, fondi allokati għall-2027 u fondi tal-Unjoni Ewropea, fejn applikabbli.
Id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel huwa responsabbli mill-koordinazzjoni ġenerali tal-implimentazzjoni tal-pjan, b’kollaborazzjoni mal-entitajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati.
Il-monitoraġġ tal-effettività tal-pjan se titwettaq permezz ta’ ċensiment dwar il-popolazzjoni tan-naħal f’Malta. Din hija waħda mill-miżuri tal-pjan u tipprovdi informazzjoni fuq bażi annwali sabiex tiddetermina l-impatt ta’ dawn l-istess miżuri. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni tal-pjan se tiġi segwita fil-forum li se jitwaqqaf b’rabta ma’ dan is-suġġett. Dan l-organu se jkun ifformat minn organizzazzjonijiet, esperti u partijiet oħra interessati u se jkollu l-opportunità li jirrakkomanda azzjonijiet sabiex il-miżuri jiġu addattati skont kif tiżviluppa s-sitwazzjoni.
Fid-dawl li fl-2025 intefqu biss €200 mill-allokazzjoni għall-manutenzjoni tas-santwarji tal-annimali, tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu applikazzjonijiet u kemm minnhom ġew approvati, liema santwarji bbenefikaw, għaliex il-bqija tal-fondi ma ntefqux, u x’sar minn dawn il-fondi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema għar-rifużjoni ta’ spejjeż relatati mal-manutenzjoni tal-binjiet okkupati minn santwarji tal-annimali kienet infetħet fl-2024. Kien hemm sitt applikazzjonijiet u kollha ġew approvati. Il-benefiċjarji kienu sitt santwarji tal-annimali eliġibbli taħt l-iskema. Minħabba li l-kuntratti ġew konklużi aktar tard milli kien antiċipat, ix-xogħlijiet rispettivi ġew estiżi għas-sena 2026 u għaldaqstant ma sarux rifużjonijiet matul is-sena 2025. Il-fondi relatati baqgħu disponibbli għall-finijiet tal-iskema sabiex isiru r-rifużjonijiet dovuti wara li jitlestew u jiġu verifikati x-xogħlijiet eliġibbli.
Inżid li l-ammont imsemmi mill-Onor. Interpellant ma kienx relatat mal-iskema li qed jirreferi għaliha.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex fl-2025 intefqu biss €49,801 mill-allokazzjoni għall-‘Cat Neutering Campaign’, minn allokazzjoni ferm ogħla? Tista’ tgħid ukoll x’sar mill-bqija tal-allokazzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-2025 intefqu €49,801 mill-allokazzjoni prevista għall-‘Cat Neutering Campaign’, però l-ispiża relatata mal-‘Cat Neutering Campaign’ matul l-2025 ma kinitx limitata għall-ammont imħallas mill-allokazzjoni speċifika tal-kampanja. Fil-fatt, spejjeż relatati mal-kampanja qegħdin taħt allokazzjonijiet oħrajn tad-Direttorat, b’tali mod li l-infiq totali relatat mal-‘Cat Neutering Campaign’ matul l-2025 kien jammonta għal €182,041.
Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar ix-xogħol li qed jiġi svolt mill-Bord tal-Isptar Veterinarju Nazzjonali, u tgħid jekk ġiex identifikat min se jkun qed jopera dan l-isptar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Isptar Veterinarju Nazzjonali ġie stabbilit. Fil-preżent qegħdin isiru l-preparamenti meħtieġa sabiex l-Isptar Veterinarju Nazzjonali jkun jista’ jibda jopera skont il-proċessi u l-approvazzjonijiet applikabbli. Il-proċess għall-identifikazzjoni tal-operatur għadu għaddej u għaldaqstant għadu ma ġiex identifikat min ser jopera l-isptar. Ma jkunx prudenti li jiġu preġudikati l-proċessi applikabbli qabel dawn jiġu konklużi.
Tista’ l-Ministru tispjega għal xiex qed jirreferi l-Line Item 5468 - Animal Aftercare Clinic, fil-Vot 25 tal-Estimi Finanzjarji 2027, u tindika jekk dan huwiex l-istess servizz tal-klinika tal-emerġenza fil-Fgura?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjoni fuq l-estimi finanzjarji marbuta mal-Ministeru se jiġu diskussi fil-25 ta’ Novembru 2026, hekk kif stipulat fil-Mozzjoni Nru 70, Mozzjoni ta’ Proċedura li tirregola s-seduti konnessi mal-Estimi Ġenerali, li ġiet diskussa fis-Seduta Nru 25, it-Tlieta, 20 t’Ottubru 2026.
Tista’ l-Ministru tgħid, għall-perjodu mis-26 ta’ Jannar 2026, minn meta beda jopera s-servizz nazzjonali ta’ emerġenza veterinarja, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar:
i. kemm waslu telefonati fuq in-numru 153, estensjoni 22;
ii. kemm ġew eżaminati annimali fil-klinika tal-emerġenza fil-Fgura;
iii. għal dawn l-annimali eżaminati, f’kemm-il każ il-viżta ġiet ikkunsidrata bħala emerġenza vera u l-miżata tal-konsultazzjoni ġiet rimborżata, u f’kemm-il każ ir-rimborż ġie miċħud; u
iv. x’inhu l-valur medju ta’ kull rimborż u l-ammont totali mħallas f’rimborżi?
Tista’ tgħid ukoll x’inhi l-ispiża totali ta’ dan is-servizz mill-bidu tas-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma bejn ir-rimborżi, il-ħlasijiet lill-operatur tal-klinika fil-Fgura u spejjeż oħra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mis-26 ta’ Jannar 2026 meta beda jopera s-servizz nazzjonali ta’ emerġenza veterinarja sad-29 ta’ Ottubru 2026, minn 8,059 telefonata fuq in-numru 153, estensjoni 22,
ġew imwieġba 7,825 waqt li 234 ġew abbandunati minn min ċempel. Ir-rata ta’ telefonati milqugħa kienet ta’ 97.1%.
B’kollox ġew eżaminati 2,343 annimal fil-klinika tal-Fgura. Kien hemm 1,925 każ li ġew approvati bħala emerġenza vera u rimborsati, 218 -il każ kienu miċħuda u hemm 200 każ li għadhom qed jigu evalwati u proċessati.
Il-valur medju ta’ kull rimborż huwa €141.09 u l-ammont totali mħallas bħala rimborż huwa €271,610. Bħala spejjeż lill-operatur tal-klinika,
l-ammont iffatturat sa Settembru 2026 u mħallas huwa ta’ €447,928. B’hekk l-ispiża totali s’issa, li tinkludi rimborsi lis-sidien tal-annimali u lill-operatur, tammonta għal €719,538.
Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-ħidma tal-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali bejn l-1 ta’ Jannar 2026 u l-31 ta’ Ottubru 2026? Tista’ wkoll tindika r-rakkomandazzjonijiet u l-opinjonijiet maħruġa u lil min ingħataw, liema rapporti ġew ippubblikati, u liema rakkomandazzjonijiet ġew implimentati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Kunsill għall-Ħarsien tal-Annimali huwa obbligat li jiltaqa’ darba kull xahrejn u li bejn Jannar u April 2026, iltaqa’ darbtejn. Il-Kunsill kellu wkoll laqgħat mal-Kummissarju għall-ħarsien tal-annimali ta’ dak iż-żmien. Intant, infurmata li qed jiġi finalizzat il-proċess biex jinħatar Kunsill ġdid.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3369 u jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ on-farm slaughter (qatla fir-razzett) bejn l-2015 u l-2025, maqsuma sena b’sena u skont it-tip ta’ annimal (majjal, baqra, eċċ.)?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-istatistika li qed tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninfurmah li d-dejta tkopri l-għadd ta’ annimali maqtula fir-razzett u miġjuba fil-Biċċerija u ma tagħmilx distinzjoni jekk il-bhejjem spiċċawx fil-katina tal-ikel jew ma kienux tajbin għall-konsum.
Bl-eċċezzjoni taċ-ċriev, il-bhejjem kollha li jinqatlu fuq ir-razzett, jinqatlu bħala parti mis-servizz tal emerġenza. Fil-kas taċ-ċriev, dawn jinqatlu fuq ir-razzett bħala parti mis-servizz prenotat fid-dawl tan-natura tal-annimal; bil-għan li jkun evitat stress lil annimal waqt it-trasport. Iċ-ċriev inkwestjoni ukoll ikunu mrobbija speċifikament għall-konsum uman.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3125 u tgħid kemm kienet in-nefqa totali biex tittella’ s-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards? Tista’ tgħid ukoll kemm kienet in-nefqa totali tal-ħames edizzjonijiet preċedenti, maqsuma edizzjoni b’edizzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu għaddej l-ipproċessar tal-ħlasijiet tas-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards li saret fil-bidu ta’ dan ix-xahar, biex jingħata rikonoxximent lil individwi u organizzazzjonijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-annimali. Infurmata li n-nefqa li saret mill-ministeru ta' dak iż-żmien relatata mal-edizzjonijiet tal-Animal Honours Awards bejn l-2021 u l-2025 kienet kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri hemm fis-seħħ biex tiġi kkontrollata ż-żieda fil-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan (Vespa orientalis) f’pajjiżna? Tista’ tgħid ukoll liema studji qed isiru biex tifhem aħjar is-sitwazzjoni attwali ta’ din l-ispeċi u ta’ speċi invażivi oħra, u x’għajnuna qed tingħata lil min jindokra n-naħal?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ on-farm slaughter (qatla fir-razzett) bejn l-2015 u l-2025, maqsuma sena b’sena u skont it-tip ta’ annimal (majjal, baqra, eċċ.)?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 – Sponsorship/appoġġ finanzjarju
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3022 u jgħid jekk il-Ministeru tiegħu, jew xi entità, aġenzija jew awtorità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, sponsorjatx jew tat xi forma ta’ appoġġ finanzjarju għall-avveniment bl-isem “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”? Jekk iva, jista’ jgħid ukoll liema entità jew entitajiet taw dan l-isponsorship jew appoġġ, kemm kien l-ammont imħallas jew imwiegħed minn kull waħda minnhom, u lil min sar jew se jsir il-ħlas? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokument ieħor li abbażi tiegħu sar jew se jsir dan il-ħlas?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, Infrastructure Malta u l-Awtorità tal-Ippjanar taw appoġġ għall-konferenza “Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026”.
Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 - Appoġġ finanzjarju
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3024, tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm appoġġ finanzjarju għall-konferenza "Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026" u tikkwantifika l-ammont ta’ tali appoġġ? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokumenti oħra relatati ma’ tali appoġġ?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3024 ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont kien ta’ €2,500 (VAT eskluża).
Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026 - Appoġġ finanzjarju
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3023, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm appoġġ finanzjarju għall-konferenza "Iċ-Ċittadin, l-Ambjent u l-Iżvilupp 2026" u jikkwantifika l-ammont ta’ tali appoġġ? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt, ftehim, sponsorship agreement, purchase order jew dokumenti oħra relatati ma’ tali appoġġ?
Response (BONETT, CHRIS)
B’żieda mat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3023 ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont kien ta’ €5,000 (VAT eskluża).
MCAST - Advanced Diploma (Livell 4) u Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing - Taħriġ prattiku, internships u apprentistat
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-konsultazzjonijiet u arranġamenti li saru jew li għadhom isiru mas-settur privat rigward it-taħriġ prattiku, l-internships u l-apprentistat tal-istudenti tal-MCAST fil-korsijiet tal-Advanced Diploma (Livell 4) u l-Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Studenti f’dawn il-korsijiet jattendu ammont ta sigħat ta' taħrig prattiku ġewwa kliniċi veterinarji u intrapriżi relatati mas-settur. Edukaturi li jgħallmu f’dawn il-korsijiet jmorru jżuru lil istudenti bħala mentors u jiddiskutu mal-intrapriżi il-progress tal-istudenti u kwistjonijiet oħra relatati mal-kors u t-taħrig prattiku.
Advanced Diploma (Livell 4) u l-Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing – Taħriġ meħtieġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema taħriġ huwa meħtieġ għat-tlestija tal-korsijiet tal-Advanced Diploma (Livell 4) u l-Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing, għall-istudenti rreġistrati, imma mhuwiex ipprovdut direttament mill-MCAST?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li t-taħriġ meħtieġ f'dawn il-korsijiet huwa ipprovdut kollu direttament mill-MCAST. Ċertu hiliet jiġu milħuqa b'mod aħjar meta l-istudent ikun f'kuntest prattiku ġewwa l-industrija. Dan isir b'intenzjoni bħala parti mil-mudell distributtiv użat mill-MCAST u f'istituzzjonijiet oħra lokali u internazzjonali.
Malta Veterinary Association u l-Veterinary Surgeons’ Council - Advanced Diploma (Livell 4) u l-Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing - Konsultazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema konsultazzjonijiet saru mal-Malta Veterinary Association u mal-Veterinary Surgeons’ Council fir-rigward tat-twaqqif u t-tmexxija tal-korsijiet tal-Advanced Diploma (Livell 4) u l-Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing, inklużi l-kurrikuli u l-ħtiġijiet lokali tas-settur veterinarju? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta’ dawn il-konsultazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li d-disinn, l-ippjanar u il-ġestjoni ta' dawn il-korsijiet huma mfassla fuq sistema ta' akkreditazzjoni Ewropeja ta' korsijiet tal-Veterninary Nursing li-kulleġġ qed jaħdem fuqha, kif ukoll fuq il-liġi ppjanata dwar professjonijiet para-veterinarji. Infurmat li L-MCAST iżżomm komunikazzjoni kostanti mal-industrija u kwalunkwe partijiet interessati f’dan il-qasam.
Advanced Diploma (Livell 4) u Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing - Studenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti bħalissa li huma reġistrati f’kull wieħed mill-korsijiet tal-Advanced Diploma (Livell 4) u l-Bachelor’s Degree (Livell 6) in Veterinary Nursing, flimkien ma’ tqassim tal-iskrizzjoni sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti huma Maltin u kemm huma barranin, inkluż in-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li li l-informazzjoni hija kif tidher hawn taħt:
Advanced Diploma in Animal Management and Veterinary Nursing
Total ta’ studenti - 77
L-ewwel sena - 43
It-tieni sena - 34
Studenti Maltin - 68
Studenti Barranin EU 3
Studenti Barranin Non-EU 6
BSc Animal Management and Veterinary Nursing
Total ta’ studenti - 102
L-ewwel sena - 47
It-tieni sena - 28
It-tielet sena - 27
Studenti Maltin 95
Studenti Barranin EU 5
Studenti Barranin Non-EU 2