Jista' l-Ministru jipprovdi dokumentazzjoni li tixhed il-prezz li bih inxtara l-fuel, meta nxtara mill-gvern u li fuqu nħadem il-prezz tal-fuels għall-użu mill-konsumatur b'effett mit-2 t'April 2012,u jgħid x'inhu d-dħul preċiż tal-gvern b'effett mill-istess data?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-reviżżjoni fil-prezzijiet tal-Petrol u Diesel li ġew fis-seħħ mit 2 t’April 2012 ġew bbażati fuq il-prezzijiet medja tal-Platts għax-xahar ta’ Marzu. Dan huwa l-istess prezz medju li l-istess suppliers tal-korporazzjoni jibbazaw il-fattura għaż-żewg prodotti msemmija.
Prezz medju (għoli) għax-xahar ta’ Marzu kien ta’ USD 1,159.70/MT għall-Petrol, filwaqt li d-Diesel kien USD 1,057.61. Minbarra l-prezzijiet ikkwotati l-Korporazzjoni Enemalta tħallas ukoll premium addizzjonali li jkun ġie miftiehem waqt il-proċess ta’ l-agudikazzjoni li din id-darba kien ta’ +USD 14.75/MT għal Petrol u + USD 1.68/MT għad-Diesel. Dawn il-premiums huma għola minn dawk li kellna fil-kuntratt ta’ qabel minħabba il-backwardation li teżisti fis-suq bħalissa. L-għoli tal-fuels u żieda fid-domanda taż-żejt minn pajjiżi bħal Ġappun (minħabba l-inċident nukleari Fukushima) kkawża splużżjoni fil-prezzijiet tal-ġar taż-zejt bil-vapuri (freight). Per eżempju l-kuntratt tad-Diesel li skada f’Diċembru 2011 kien hemm skont ta’ USD 6.00/MT u issa hemm premium ta’ USD 1,68/MT. Il-prezz jinkludi ukoll aġġustament relatatt ma varjazzjoni ta densita waqt id-delivery tal-prodott vs il-prodott veru.
Fil-każ tal-Petrol il-prezz medju għax-xahar ta’ Marzu kien 8.5% għola mill-prezz medju għax-xahar ta’ Frar li kien USD 1,068.92/MT, filwaqt li għad-Diesel il-prezz medju f’Marzu kien ta’ 8.3% għola mix-xahar ta’ Jannar li kien USD 977.37/MT
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi il-komponenti ta’ Duties u Taxes fir-rigward tal-prezzijiet tal-Petrol u d-Diesel li ġew fis-seħħ nhar 2 t’April 2012.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-invidividwu li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li huwa invalidat minħabba attak qawwi nervuż, ma nħarġitlux l-invalidity pension?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu giet infurmata bil-miktub b'ittra datata 21 ta' Frar 2012 dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid u jispjega ċar għaliex l-individwu mhux qed jieħu l-pensjoni mistħoqqa lilu meta huwa għandu l-età ta' 62 sena u jgħid għaliex u fuq liema raġuni ttieħdet din id-deċiżjoni?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna kkonċernata giet infurmata b'ittra dwar il-każ tagħha.
Spiża fuq salarji u perkaċċi li l-Gvern iħallas lill-awtoritajiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 30341, 30163 u 27925 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-ispiża tas-salarji u perkaċċi li l-gvern iħallas lill-awtoritajiet? Jistgħu dawn ikunu preżentati separatament skont il-gradi sa mis-sena 2004 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni għall-ħruġ ta' liċenzji tal-istaff tal-casinos trid bilfors timtela bil-linka sewda għax inkella skont il-Gaming Authority tiġi rifjutata? Huwa minnu wkoll li fl-istess applikazzjoni l-Gaming Authority qed titlob awtorizzazzjoni tal-applikant li tkun awtotizzata titkexxef fil-kontijiet bankarji tal-istess applikant?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi hija prassi normali li applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-istaff tal-casinos u oħrajn simili ikollhom ir-rekwiżit li jiġu mimlijin bil-linka sewda sabiex jekk ikun hemm il-bżonn li jiġu fotokopjati jew skenjati, ikun hemm ċertezza illi d-dikjarazzjonijiet u l-firem joħorgu b’mod car.
Ninsab infurmat ukoll li fl-istess applikazzjoni l-Awtorita’ titlob awtorizzazzjoni tal-applikant li titkixxef fuq il-kontijiet bankarji tal-istess applikant. Din id-dikjarazzjoni hija important ħafna sabiex l-Awtorita` tkun tista’ taqdi dmirijietha skond Kap 400 u Kap 438 tal-Liġijiet Ta’ Malta.
Dun Karm Psaila u Bambini tal-Milied — informazzjoni dwar kotba ppublikati
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew jiswew iż-żewġ kotba dwar Dun Karm Psaila u dwar l-esebizzjoni tal-Bambini tal-Milied f'Malta inawgurati fit-3 ta' Diċembru u fil-11 ta' Diċembru rispettivament fil-Berġa ta' Kastilja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk twaqqafx bord tal-appell tal-Occupational Health and Safety Authority skont l-Avviż Legali 27/2000?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li -Att dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (u mhux l-Avviż Legali 27/2000, kif imsemmi mill-Mistoqsija Parlamentari) jaħseb li jitwaqqaf Bord ta’ Appelli biex jisma u jiddeċiedi dwar appelli minn ordni ta’ xi uffiċjal maħtur skont dan l-Att. Il-Bord jitwaqqaf jekk jiġi reġistrat xi appell.
Irid jingħad li l-Bord ta’ Appelli m’għandux x’jaqsam mas-sistema ta’ intimazzjoni ta’ pieni mill-Awtorita’ peress li intimazzjoni għal ħlas m’hijiex meqjusa bħala ordni
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — nies li għandhom l-overtime
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jwettqu l-overtime fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, f'liema skali jinsabu u x'tip ta' xogħol isir fil-ħin tal-overtime?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fil-Faċilita' Korrettiva ta’ Kordin hemm 165 impjegat li jwettqu l-overtime, 16 Senior Correctional Officers fi skala 10 u 149 Correctional Officers fi skala 12/13. Infurmat ukoll illi dawn l-impjegati jagħmlu xogħol relatat mal-karigi tagħhom fil-ħin tal-overtime.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — pruġunieri minħabba droga
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu priġunieri b'rejati relatatti ma' droga fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, kemm minnhom ħarġu rijabilitati u kemm minnhom reġgħu ddaħħlu minħabba l-istess kawża, mis-sena 2008 'l hawn, sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-priġunieri li daħlu fill-Faċilita' Korrettiva ta’ Kordin b’reati relatatti ma’ droga hu kif ġej:
2008 119
2009 119
2010 104
2011 88
2012 24 ( sa l-24 ta’ Marzu 2012)
Infurmat ukoll illi minn dawn reġgħu daħlu lura erbatax-il priġunier b'reati relatati mad-droga.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità — persuni li jbatu minn epilessija
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li nies li jbatu minn epilessija, li għandhom card maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità, m'għandhomx l-istess dritt li jħallsu nofs il-prezz bħala physically disabled għall-użu tal-karozzi tal-linja, meta nafu li hawn madwar 4,000 persuna li tbati b'din il-kundizzjoni?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li persuni li juzaw siggu tar-roti ma jhallsu xejn biex juzaw il-karozzi tal-linja. B'hekk dawn ikunu jistghu jiffukaw ahjar biex jitilghu u jsibu post adattat u jintrabtu tajjeb. Min-naha l-ohra persuni b'dizabilta' fizika ohra ihallsu prezz normali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti minn familji li għal raġunijiet ta' saħħa jitolbu li jbiddlu l-proprjetà tagħhom li tkun mikrija lilhom mill-Gvern, ma proprjetà fit-terran? Jista' jipprovdi rendikont ta' dawk li applikaw sa mis-sena 1990, kemm minn dawn ġew moqdija u kemm għadhom pendenti? Tista' tingħata raġuni għal dawk li baqgħu pendenti?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-prezent l-Awtorita’ tad-Djar għandha 113-il applikazzjoni li għandhom problema tat-taraġ. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom pendenti minħabba li l-Awtorita’ m’għandhiex propjeta’ adekwata għal dawn l-applikanti. L-Awtorita’ tad-Djar ma’ zzommx l-informazzjoni ta’ kemm ġew moqdija mill-1990 lil hawn.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta Maġisterjali wara l-mewt tal-minuri li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li mietet fl-età ta' sentejn u xagħrejn u dan fil-ġurnata ta' 27 ta' Frar 2011 fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid jekk barra l-inkjesta maġisterjali kienx hemm inkjesta oħra interna fl-isptar u jekk din ġietx ukoll konkluża? Ma jaħsibx li qed jgħaddi ħafna żmien biex isir dan?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat tal-Qrati u tribunal Kriminali hu f'pozizzjoni biss li jirrispondi l-ewwel parti tad-domanda billi jinforma l-Onorevoli Interpellant li l-inkjesta magisterjali msemmija ghadha mhix konkluza.
It-tieni parti tal-mistoqsija ghandha ssir lill-Ministru koncernat.
Tista' l-Minsitru telenka minn Marzu 2008 sal-lum, il-kummissjonijiet li ġie mitlub jagħmel ir-rettur tal-Università u kemm minn dawn tħallas għalihom u b'kemm?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mill-Università ta’ Malta, ir-Rettur ma jitħallas xejn għajr il-paga skont il-pakkett ta’ remunerazzjoni stabbilit mill-Kunsill fl-2006.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid minn min huwa kompost t-tim diplomatiku ġewwa l-Ambaxxati Maltin fi Tripli u f'Benghazi, u jekk hemmx impjegati ta’ nazzjonalità barranin ġewwa l-istess ambaxxati?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li fl-Ambaxxata ta' Malta fi Tripoli hemm Ambaxxatur, Konslu u Second Secretary li huma Maltin, waqt li hemm tmintax (18) impjegat minn Administrative Assistant sa Cleaner li huma ta' nazzjonlità barranija.
Fil-Konsulat f'Benghazi hemm Konslu li hu Malti u żewġ (2) impjegati klerikali li huma ta' nazzjonalità barranija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma kemm iddum sabiex tinħareġ Maltese Visa, meta l-Ambaxxati Maltin fi Tripli u f'Benghazi japplikaw, meta hemm ħtieġa li nies fil-qasam tan-negozju jżuru pajjiana fuq natura kummerċjali?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull meta kien hemm il-ħtieġa li negozjanti Libjani jżuru pajjiżna fuq natura kummerċjali u għal perjodu ta' iżjed min tliet xhur, lil dawn l- inħarġitilhom visa tat-tip "D", jiġifieri National Visa, u din għal dħul multiplu. Dan it-tip ta' visa tinħareġ fi żmien ta' bejn tlett u ħames t'ijiem.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm jinħarġu Maltese Visas fil-ġimgħa meta jsiru talbiet minn ambaxxati mhux fl-Unjoni Ewropeja? Kemm idumu sabiex jinħarġu tali visas? Jista' jagħti din l-istatistika sa minn Ottubru 2011 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Waqt li ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji tal-informazzjoni mitluba,ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-visa tat-tip "D", jiġifieri National Visa u li tingħata għal perjodu ta' iżjed minn tliet xhur, tinħareġ fi żmien ta' bejn tlett u ħames t'ijiem.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma jekk huwiex minnhu li fil-każ tal-Ambaxxata Maltija f’Tripli u Benghazi, wara li applikazzjoni għal visa tiġi miċħuda, il-flus tal-applikazzjoni ma jiġux rifonduti? Jista' jivverifika dan u għaldaqstant jipprovdi kemm-il visa ġiet miċħuda u għal liema raġuni, minn Jannar 2012 sal-lum?
Response (BORG, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-Kodiċi dwar il-Viżi, l-flus tal- applikazzjoni għall-viża qatt ma jiġu rifonduti jekk l-applikazzjoni tiġi miċħuda. Għaldaqstant dan ma jiġrix biss fl-Ambaxxati jew Konsolati Maltin fi Tripli u Benghazi imma f'kull ambaxxata u konsulat ta' Stati li huma membri tax- Schengen. Nikkonferma wkoll li kull applikant huwa konxju ta'dan peress li fuq kull formola ta' applikazzjoni, l-applikant huwa nfurmat b'dan cioe li l-ħlas għall-viża ma tingħatax lura jekk l-applikazzjoni tiegħu tiġi miċħuda.
Bejn Jannar 2012 sal-lum, ġew pproċessati mat-3,925 l-applikazzjoni, kif ser jingħad:
BENGHAZI - 742 l-applikazzjoni li minnhom ġew miċħuda 23 l-applikazzjoni;
u fi TRIPLI - 3,183 l-applikazzjoni li minnhom ġew miċħuda 229 l-applikazzjoni.
Ir-raġunijiet taċ-ċaħda kienu li l-applikanti ma kienux pprovdu ġustifikazzjoni għall- finijiet u l-kodizzjonijiet tas-soġġorn previst.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-professorat (associate u full) minn Marzu 2008 sal-lum u kemm minnhom ingħataw il-professorat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Bejn Marzu 2008 u Marzu 2011 kien hemm 61 applikazzjoni. S’issa ngħataw il-professorat (Associate u Full) 18.
L-applikazzjonijiet tal-2012 jagħlqu fl-aħħar ta’ Marzu 2012.
promozzjoni minn associate għal full-time professor
Question
Tista' l-Ministru telenka l-kriterji li bihom ġie promoss minn associate għal full-time professor l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, meta ntefgħet it-tali applikazzjoni u meta ngħatat? X'inhuma l-kriterji sabiex applikant jingħata promozzjoni għall-professorat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna ndikata mill-Onorevoli Interpellant kien appuntat full-time Professor mill-Kunsill tal-Università fit-23 ta’ Settembru 2006.
Il-Kunsill għandu l-poter li jippromwovi professuri. Il-President tal-Kunsill ta’ dak iż-żmien, li issa hu l-Kanċillier, kien waqqaf sottokumitat tal-Kunsill, magħmul mis-Sur Paul A. Attard, is-Sur Godfrey Grima u s-Sur Francis Borg, illi fost affarjiet oħra, irrikomanda li din il-persuna tiġi offrut professorat. Il-Kunsill tal-Università unanimament qabel ma’ dan. Wieħed irid ifakkar ukoll li l-istess persuna kienet inħatret
Associate Professor
fis-17 ta’ Novembru 1992.