Legislature:
Category:
Reset
Active:

informazzjoni dwar xogħol part-time

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33884, tista' l-Ministru twieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari u tgħid kemm kienu l-barranin residenti f'Malta li ngħataw impjieg tul din il-leġislatura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rabat — San Pawl Kuntent - permess għal żvilupp fl-għerien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tatx permess sabiex ġewwa San Pawl Kuntent limiti tar-Rabat, jkun hemm żvilupp ta’ farmhouse u jekk is-sidien ingħatawx permess sabiex jiżviluppaw u jkissru saħansitra għerien li jinsabu fl-inħawi? Kemm-il darba ma ngħatax permess mill-awtorità sabiex isir tkissir tal-għerien, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet mis-sezzjoni tal-infurzar u meta saru?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

kiri ta' uffiċini li jinsabu fl-ajruport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta hux se tikri uffiċini ġewwa l-bini magħruf bħala Sky Park li jinsab fl-ajruport tal-Gudja mingħand l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affirmattiv, jista' jgħid kemm se tkun tiswa l-ispiża annwali u totali għal din il-kera u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ta' Sliema — bomba fl-għassa - talba għal kumpens

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet r-rikjesta mibgħutha mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li huwa kien vittma tal-bomba li tpoġġiet fl-għassa tal-pulizija ta' Tas-Sliema fit-18 ta' Diċembru 1985 liema ittra riċentament kienet tinsab bħala talba ta' kompensazzjoni għand l-Avukat Ġenerali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jinforma lura d-data jew jibghat kopja tal-ittra li dwarha qieghed jaghmel referenza peress illi ma jirizultax li din l-ittra waslet ghand l-Avukat Generali.

impjegati fuq kuntratt definit

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn impjegati f’pajjiżna minn Jannar 2008 sa Marzu 2012, li qegħdin jaħdmu abbażi ta’ kuntratt definit, kemm mas-settur pubbliku u anke fis-settur privat? Tista' tagħti din l-informazzjoni mitluba u tiddefenixxi kemm huma impjegati abbażi ta’ kuntratt definit full-time u kemm abbażi ta’ kuntratt part-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ impjegati f’Malta u Għawdex li bdew jaħdmu fuq bażi ta’ kuntratt definit minn Jannar 2008 sa Novembru 2011 mas-settur pubbliku kien ta’ 2,511-il persuna, filwaqt li mas-settur privat kien hemm 12,095 persuna. Kien hemm 11,787 persuna fuq Kuntratt definit full-time u 2,819-il persuna fuq Kuntratt definit part-time .

impjegati fuq xogħol temporanju

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-ammont ta’ impjegati minn Jannar 2008 sa Marzu 2012, li qed jiġu impjegati fuq bażi ta’ xogħol temporanju (dawk mhux impjegati part-time)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ impjegati f’Malta u Għawdex li bdew jaħdmu minn Jannar 2008 sa Novembru 2011 fuq bażi ta’ xogħol temporanju full-time (casuals) kien ta’ 1,147 persuna kemm mas-settur pubbliku kif ukoll mas-settur privat

WSC — applikanti għall-post ta' Multi skilled fitters

Question

Jista l-Ministru jgħid x'inhu l-breakdown tal-marki tar-riżultat ta' kull applikant għall-post ta' multiskilled fitters 4 fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, liema riżultat ġie ppubblikat madwar xahar ilu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba ġiet pubblikata fuq in-noticeboard tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Qed ngħaddi separatament il-lista għall-attenzjoni tal-Onor. Interpellant.

ETC — traniers self employed

Question

Tista' l-Ministru tivverifika l-fatt jekk hux minnu li trainers fuq bażi self employed Maltin mhux se jiġġeddu l-kuntratti li għandhom u anqas se jiġu ngaġġati Maltin oħra, iżda se jiġu ngaġġati barranin mal-istess Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minħabba l-fatt illi l-Korporazzjoni m'għandhiex programm ta’ taħriġ permanenti, imma il-korsijiet jiġu mfassla skont il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, l-għalliema tal-korsijiet offruti mil-ETC jagħtu s-servizzi tagħhom permezz ta’ sejħiet għal-tenders. Il-kuntratti, li jseħħu wara l-aġġudikar tat-tenders, huma marbutin mal-programm attwali ta’ taħriġ. Il-programm ta’ taħriġ li qiegħed fis-seħħ bħalissa huwa l-Employability Programme. Dan il-programm, li hu ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, u li kellu baġit ta’ 5,253,211 Ewro, issa jinsab fi stat avvanzat ħafna. B’konsegwenza tas-suċċess ta’ dan il-programm, fejn ‘il fuq minn 32,000 persuna ġew imħarrġin, il-Korporazzjoni ħasbet sabiex tagħmel applikazzjoni oħra biex tikseb programm ieħor ta’ taħriġ mil-Fond Soċjali Ewropew fl-aħħar sejħiet mit-8 sejħa taħt l-Operational Programme II – Cohesion Policy 2007-2013. Din l-appikazzjoni bħal issa qed tiġi evalwata u fil-każ li l-applikazjoni tiġi milqugħa, jerggħu jinfetħu sejħiet oħra sabiex il-Korporazzjoni tkun tista’ tikkuntratta servizzi ta’ taħriġ għal numru ta’ korsijiet. Il-programmi ta’ taħriġ li ser jingħataw qed jiġu mfasslin fuq bażi ta’ konsultazzjoni ma’ għaqdiet ta’ min iħaddem, u fuq analizi interna li qed issir mil-Korporazzjoni, fejn fiha qed jiġu identifikati l-ħiliet li qed jiġu mitluba min dawk li jħaddmu. Dawn is-sejħiet iridu isiru skont il-liġijiet ta’ Malta f’dak li jirrigwardja kuntratti pubbliċi, u ukoll fil-kuntest legali ġdid ta’ kif entita’ tista’ tikkuntratta il-provisjoni ta’ servizzi.

Karti tal-Identità — donaturi għall-organi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-Karti tal-Identità l-ġodda jew dawk li jiġu mġedda, ikollhom miktub il-kunsens tad-donatur għall-organi tiegħu u dan in vista wkoll tal-fatt li diġà kien hemm korrispondenza pożittiva f'dan ir-rigward minn naħa tat-Transplant Support Group, mal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Kummissarju Elettorali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nigbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 31965 fejn ntqal li l-Karti tal-Identita’ ġodda se jinkorporaw fihom ċertifikati diġitali li jippermettu liċ-ċittadin jaċċessa sistemi elettroniċi bis-sigurta’meħtieġa, fosthom dawk relatati mas-saħħa. Għalhekk, ninsab infurmat li, għalkemm miżmuma f’sistemi elettroniċi oħra li, f’dan il-każ, jaqgħu taħt il-qasam tas-saħħa, informazzjoni bħal dik li qed jirreferi għaliha l-Onerovoli Interpellant tista tkun aċċessibbli bil-Karti ta’ Identita’ ġodda permezz ta’ inizjattivi tal-eGovernment u eHealth.
Leg 11 PQ #33795 Sitting 465 2012-04-25 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kwestjoni dwar arretrati lis-suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jitħallsu l-arrettrati dovuti lis-suldati fil-gradi ta' Staff Sergeant li laħqu Warrant Officer 2, liema promotion tmur lura sa minn Ottubru 2008? Jista' jgħid meta se tiġi emendata r-rata tal-pensjoni ta' dawk li rtiraw fil-kariga ta' Warrant Officer 2 u li sal-lum, wara 3 snin f'din il-kariga, qed jirċievu pensjoni kkalkolata fuq is-salarju ta' Staff Sergeant?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li r-rata ta’ pensjoni applikabbli għal min jirtira mill-Forzi Armati ta’ Malta hija regolata mit-Tielet Skeda - Artikoli dwar il-Pensjonijiet – tal-Liġi Sussidjarja 220.03 (Nomini u l-Kondizjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta) Minn investigazzjonijiet li saru mill-entitajiet konċernati jirriżulta li jista jkun hemm lok għal xi aġġustament fil-komputazzjoni ta’ tlett individwi li kienu promossi fil-grad ta’ Warrant Officer II fl-ewwel t’Ottubru 2008 u li sussegwentament irtiraw mill-Armata f’Jannar tas-sena l-oħra. Għaldaqstant qed jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jekk ikun il-każ l-individwi isirilhom l-aġġustament, bl-arretrati kollha dovuti lilhom , fl-iqsar żmien possibli.

kwestjoni dwar visa

Question

Jista' l-Viċi Prim Minsitru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet sabiex tingħata visa sabiex tmur il-Lebanon, persuna ta' nazzjonalità Sirjana li għandha permess tax-xogħol f'Malta, ġiet riffjutata li tingħata l-permess neċessarju mid-Department of Citizenship and Expatriate Affairs?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-persuna konċernata għandha applikazzjoni pendenti għall-azil. Applikazzjonijiet għall-permessi ta' residenza (nassumi li r-riferenza tal-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu għall-visa hija għal dan il-permess) min dawn il-persuni ma jintlaqghux mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u tal- Expatriates minħabba li dawn jinħarġu fuq il-bażi tar-Regolament tal-Unjoni Ewropea NRU 2002/1030, li huwa direttament applikabbli fl-iStati Membri, u skont il-provvedimenti ta' dan ir-Regolament dawn it-tip ta' permessi ma jistgħux jinħarġu lil dawn il-persuni.

ċella kkundannata fil-ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-priġunier li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qiegħed jinżamm ġewwa Division XII, għadu qed jinżamm ġewwa ċella li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament meta din iċ-ċella hija waħda kundannata peress li mhemmx il-livell ta' igene u mhix fi stat ta' riparazzjoni kif inhu mitlub skont id-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċ-ċella li qed jirreferi għaliha qatt ma kienet ikkundannata iżda minħabba li s-sistema tal-ilma tal-kamra tal-banja li tinsab biswietha żviluppat xi ħsarat, il-ħajt kien umda xi ftit u ż-żebgħa tfarfret. Ovvjament din il-ħsara kienet ġiet irranġata. Nixtieq inżid li l-priġunier li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant kien daħal f'din iċ-ċella fit-13 ta' April 2012 u kien ġie trasferit minn hemm fit-19 ta' April 2012.

informazzjoni dwar xogħol part-time

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont sena b’sena tul din il-leġislatura, kemm kien l-ammont ta’ impjiegi li nħolqu part-time bħala l-unika xogħol, kemm kienu l-impjiegi ġodda li nħolqu esklużi dawk part-time u part-time bħala l-unika xogħol? Tista' tgħid kemm minn dawn kienu barranin residenti f'Malta li ngħataw impjieg tul din il-leġislatura?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

informazzjoni dwar films maħduma f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħadmu films f'pajjiżna mis-sena 2010? Kemm dam jinħadem kull film f'pajjiżna u kemm tħaddmu Maltin f'kull film inklużi extras? Jekk hemm proġettat aktar filming ta' films f'pajjiżna, kemm hemm films proġettati, meta u kemm se jitħaddmu Maltin f'kull film inklużi l-extras?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għall-ewwel parti tal-mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat illi l-Malta Film Commission ma żżommx statistika ta’ persuni Maltin u barranin li ħadmu f’dawn il- films. Għall-aħħar parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 30407.

OHSA — dritt ta' appell

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex kontradittorja li entità jew persuna akkużata b'kontravenzjoni tkunx qed tirrinunzja għad-dritt ta' appell ġaladarba tħallas il-multa lill-Ocupational Health and Safety Authority skont l-Avviż Legali 36/2012, meta dan id-dritt t'appell ngħata b'Avviż Legali 27/2000?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ordnijiet maħruġa skont l-Att XXVII tal-2000, u intimazzjoni maħruġa mill-Awtorita’ għall-ħlas ta’ penali huma żewġ affarijiet separati u distinti minn xulxin. Fil-każ ta’ Ordni, min jirċievi l-Ordni għandu kull dritt u fakulta’ li jappella kontra tali Ordni, u dan skont kif provdut fl-Att. Il-ħruġ ta’ intimazzjoni mill-Awtorita’ wara li persuna tkun kisret il-provvedimenti kontemplati fl-Avviż Legali 36/2012, bl-ebda mod ma tista titqies bħala Ordni. Dan minkejja li persuna intimata b'multa amministrattiva tingħata kull opportunita’ li tikkontesta l-kontravenzzjoni/jiet addebita lilha quddiem il-Qrati ta’ Malta jew Għawdex skont il-ġurisdizzjoni, u fejn l-Awtorita’ tressaq ix-xhieda u l-evidenza; tingħata wkoll il-fakulta’ li jixhed / jixdu l-imputati u jitressqu kull prova fid-difiża tagħhom. B'hekk il-Qorti qabel ma tgħaddi għall-ġudizzju teżercita l-proċedura hekk kif kontemplata fir-regoli ta’ smiegħ xieraq qabel ma tingħata s-sentenza. L-imputati għandhom ukoll id-dritt ghall-appell u dan sa kemm il-kawża tiġi 'res judicata'. Għaldaqstant bl-implimentazzjoni tas-sistema hekk kif kontemplata fl-Avviz Legali 36/2012 id-drittijiet fundamentali u kostituzzjonali għal smiegħ xieraq huma salvagwardati.

OHSA — ġbir ta' multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija l-prassi għall-ġbir tal-multi tal-Occupational Health and Safety Authority skont l-Avviż Legal 36/2012 u jekk thossx li t-tali prassi hix konformi mar-regoli tas-saħħa u sigurtà tal-istess awtorità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-prassi mplimentata mill-Awtorita’ tas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) dwar ġbir ta' multi hija skont il-provvediment tal-Att 27/2000 kif imsaħħa permezz tal-Avviż Legali 36/2012. Permezz ta’ din is-sistema, l-OHSA mplimentat sistema alternattiva ta’ proċeduri ġudizzjarji. Dan mela l-vojt li kien ilu jinħass għal bosta snin, tant li numru kbir ta’ avukati esprimew il-ħtieġa u nsistew quddiem il-Qrati kemm f' Malta kif ukoll f'Ghawdex, tant li l-istess Qrati ħeġġew lill-Awtorita’ biex timplimenta tali sistema. Saħansitra, insostenn ta' dan, l-Awtorita’ iffaċċat diversi kawzi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali għan-nuqqas ta’ introduzzjoni ta’ din is-sistema. Permezz ta’ din is-sistema, jekk il-persuna hekk intimata taqbel mal-multa, llum għandha l-fakulta’ li tħallas tali multa, mingħajr ma jinbdew ebda proċeduri kriminali.

Liġi tal-Kompetizzjoni — ksur tal-liġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ, dwar allegat ksur tal-Liġi tal-Kompetizzjoni, hemm pendenti quddiem l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, liema huma s-swieq li fihom qiegħda ssir invetigazzjoni u f’kull każ x’inhu l-allegat ksur ta’ liġi? Liema minnhom qed jiġu investigati taħt il-liġi tal-Kompetizzjoni qabel ma ġiet emendata u kemm minnhom qed jiġu investigati taħt il-Liġi tal-Kompetizzjoni hekk kif emendata permezz tal-Att VI tas-sena 2011? Jista' jgħid kemm-il deċiżjoni, rakkmandazzjoni u ittri ta’ gwida ġew maħruġa mill-awtorità tramite l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, jekk ġewx impost multi amministrattivi u jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-deċiżjonijiet, rakkmandazzjonijiet u ittri ta’ gwida? Jista' jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali tad-deċiżjonijiet u rakkmandazzjonijiet maħruġa s-sena l-oħra minn dak li kien l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta li kien jifforma parti mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi sa l-4 t’April 2012, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kellu 33 każ li qegħdin jiġu investigati. Minn dawn, is-segwenti tlieta u għoxrin każ huma każijiet li infetħu qabel ma ġiet emendata l-liġi tal-Kompetizzjoni: · ħames każijiet fis-suq tal-kommunikazzjoni li qed jigu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni (hawn aktar 'il quddiem imsejjaħ ‘l-Att’), · ħames każijiet fis-suq tat-trasport li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · erbgħa fis-suq finanzjarju li qed jigu investigati taħt l-artiklu 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-suq tal-enerġija li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-settur tal-ambjent li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · tnejn fis-suq tal-ikel li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, u · wieħed li jikkonċerna is-suq tal-assigurazzjoni li qed jigi investigat taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att. Hemm ukoll is-segwenti għaxar każijiet li nfetħu wara li giet emendata l-ligi tal-Kompetizzjoni permezz tal-Att VI tas-sena 2011 fejn hemm: · żewġ każijiet fis-suq tal-kommunikazzjoni li qed jiġu investigati taħt l-artiklu 9 tal-Att, · tliet każijiet fis-suq tat-trasport li qed jiġu investigati taħt l-artikli 5 u 9 tal-Att, · każ fis-suq tal-parkeġġ li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att, · każ fis-suq tal- istationery li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att, · każ fis-suq tal-propjeta li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 5 tal-Att, · każ fis-suq tal-edukazzjoni li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att; u · każ fis-suq tal-enerġija li qed jiġi investigat taħt l-artiklu 9 tal-Att. L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta meta kien jifforma parti mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni s-sena l-ohra kien ħareġ sitt deċiżżjonijiet kif ukoll ħareġ żewġ rapporti li ġew eżebiti quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Gust. Wara li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni sar jagħmel parti mill-Awtorita’ Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, l-Uffiċċju ħareġ ħames deċiżżjonijiet. Inħareġ ukoll rapport preliminari intensiv li gie mqieghed ghall-konsultazzjoni pubblika dwar is-suq tal-uniformijiet tal-iskejjel. Minn mindu giet stabbilita l-awtorità, apparti x-xogħol fuq l-investigazzjonijiet, sar ħafna xogħol iehor fuq liġijiet u advocacy. L-Uffiċċju offra ukoll varji pariri informali dwar l-applikazzjoni tal-ligi lil intraprizi. L-Uffiċċju qiegħed ukoll jieħu aktar sehem attiv fil-kamp Ewropew u internazzjonali permezz tal-parteċipazzjoni attiva tiegħu fil-European Competition Network u fl- OECD . L-Uffiċċju ma ħariġx ittri gwida għall-fatt li dan qatt ma ġie mitlub ittra gwida fuq kwistjoni ġdida minn xi intrapriża kif rikjest mill-ligi. L-Uffiċċju ma imponiex multi amministrattivi. L-Uffiċċju qed iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawk id-deċiżżjonijiet li ġew ippubblikati.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumtaur — pjan ta’ ħidma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta’ ħidma tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumtaur u ta’ kull entità fi ħdan din l-awtorità kif ukoll tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għal matul is-sena 2012?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l Pjan ta’ Ħidma ta’ 2012 qiegħed fuq l-Aġenda tal-Bord tal-Awtorità li sejjer jiltaqa’ fis-27 ta’ April. Kellu jkun diskuss fil-laqgħa ta’ Marzu imma peress li ħabtet mal-festa tad-Duluri kien hemm xi membri li xtaqu li titħassar. Dan irid ikun l-ewwel approvat mill-bord.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur — investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ikkonkludiex l-investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports, partikolarment tal-football wara li din il-kwestjoni tqajment fis-sajf tal-2010? Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta’ tali deċiżjoni u jekk għadha ma gietx konkluża meta jaħseb li din se tiġi konkluża? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ilment sottomess?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onerevoli Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Kompetizzoni fl-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għadu għaddej bl-investigazzjonijiet fuq dan il-każ. Irrid ninforma lill-Onerevoli Interpellant illi dan il-każ, bħall-maġġor parti tal-każijiet li jiġu quddiem l-uffiċċju, jinvolvi apparti analiżi legali anki analiżi ekonomika kumplessa tas-suq biex wieħed jifhem l-implikazzjonijiet kummerċjali u l-impatt fuq il-konsumatur. Minħabba dan il-fattur, u anki għax l-Uffiċċju għandu rwol ta’ infurzar pubbliku b’ħafna każijiet ta’ prijorità differenti quddiemu, ma jkunx possibli li wieħed jipprova jiddetermina meta ser jiġi konkluż il-każ waqt li l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja. Ilmenti mressqa quddiem l-Uffiċċju m’humiex soġġetti għall-pubblikazzjoni.