Legislature:
Category:
Reset
Active:

Liġi tal-Kompetizzjoni — ksur tal-liġi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33657, fejn fost oħrajn intqal li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur għamel ħafna xogħol fuq liġijiet, jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-liġi sussidjarja elenkata iktar 'l isfel ma ġietx aġġornata u jekk humiex se jiġu aġġornati peress li uħud minnhom jew għadhom jagħmlu referenza għal strutturi li kienu jeżistu qabel ma ġie emendat l-Att dwar il-Kompetizzjoni s-sena l-oħra jew skadew jew dalwaqt jiskadu? Sa meta beħsiebu l-Uffiċċju, jekk huwa l-każ, jaġġorna din il-liġi sussidjarja rigward: a) L.S. 379.02 - Regolamenti dwar Ftehim Vertikali u Prattiċi Miftiehma (Eżenzjonijiet Ġenerali); b) L.S. 379.04 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim Orizzontali (Eżenzjonijiet Ġenerali); ċ) L.S. 379.05 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar it-Trasferiment ta' Teknoloġija (Eżenzjoni Ġenerali); d) L.S. 379.06 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar Riċerka u Żvilupp (Eżenzjoni Ġenerali); u e) L.S. 379.07 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar l-Ispeċjalizzazzjoni (Eżenzjoni Ġenerali)?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — rapport ta' ħidma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' ħidma tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għas-snin 2009, 2010 u 2011? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pariri u sottomissjonijiet magħmula mill-kunsill dwar id-diversi materji li jirrigwardjaw il-konsumatur għas-snin imsemmija?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-ħidma tal-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur għas-snin 2008, 2009, 2010 u 2011 u li jinkorpora fih il-pariri li ngħataw u sottomissjonijiet li saru kemm bil-miktub kif ukoll waqt laqgħat dwar materji li jirrigwardaw lill-konsumatur.

Att dwar il-Kompetizzjoni — miżuri interim u miżuri intermedji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu miżuri interim taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni u miżuri intermedji taħt l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur matul is-sena 2011 u fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2012 u f'liema swieq? Fil-każ tal-Att dwar il-Kompetizzjoni kemm-il ordni ta' waqfien u ebda tkomplija jew ordni ta' konformità inħarġu taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur fis-sena 2011 u fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2012 ma nħarġu l-ebda miżuri interim u ordni ta' waqfien u ebda tkomplija jew ordni ta' konformità taħt l-Att tal-Kompetizzjoni. L-Uffiċċju Għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur ħareġ Ordni ta’ Tħaris fis-suq tat-Telekomunikazzjoni fl-2011 u Dikjarazzjoni ta’ Avviż Pubbliku fis-settur tal-Kostruzzjoni matul l-ewwel xhur ta’ din is-sena.

Ftehim bejn il-gvern u l-importaturi tal-mediċinali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li hemm bejn il-gvern u l-importaturi tal-mediċinali li bħalissa qed jirregola r-roħs fil-prezzijiet f'għadd ta' mediċinali u li jiġu ppubblikati mill-gvern minn żmien għal żmien?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tweġiba se tingħata f'xi seduta oħra.

Arriva — ħaddiema bl-overtime

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27845, jista' l-Ministru jgħid kemm nies intalbu jagħmlu overtime, kemm għamlu sigħat kull persuna individwali ġurnata b'ġurnata u x'karigi għandhom dawn in-nies? X'kienet in-nefqa globali sabiex jassistu l-Arriva? Jista' jgħid jekk Transport Malta qabbditx xi kumpaniji oħra apparti l-kumpanija Appletree sabiex jassistu lill-Arriva, u kemm tħallset din il-kumpanija?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitlub fl-ewwel parti tal-mistoqsija. Jien infurmat li apparti l-kumpanija Appletree Transport Malta ma qabdet l-ebda kumpanija oħra sabiex jassistu l-Arriva.

Transport Malta — ħaddiema li qed jagħmlu l-overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk l-impjegati ma' Transport Malta li qed jagħmlu l-overtime minn mindu beda l-operat tal-Arriva? Kemm tħallsu s’issa f’overtime dawn l-impjegati? Kemm-il siegħa overtime qed jagħmlu l-ħaddiema u kif qed jiġi mqassam l-overtime msemmi ta’ dawn l-impjegati? Jista’ l-Ministru jgħid xi skali għandhom dawn l-impjegati li qed jagħmlu l-overtime u jagħti l-ammont li tħallas s’issa f’overtime u jiġi spjegat fi breakdown dettaljat skont il-grad?

Response (GATT, AUSTIN)

Fil-waqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 28804, ninsab infurmat li l-impjegati li ntużaw għal dan l-eżerċizzju kienu mid-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art u mis-sezzjoni tal-Customer Care tal-istess awtorità. L-impjegati ntagħżlu skont l-esiġenzi tas-servizz tal-Customer Care li jkopri Transport Malta kollha.

servizz tal-home help

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk is-servizz tal-home help huwiex wieqaf fl-inħawi ta' Ħ'Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan? Kemm ilu wieqaf u meta se jirritorna lura dan is-servizz għan-normal?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li s-servizz tal-Home Help fl-inħawi ta’ Ħ’Attard, Ħal Lija u Ħal Balzan mhuwiex wieqaf. Bħalissa hemm 101 klijenti li qed jieħdu dan is-servizz f’dawn il-lokalitajiet.

MEUSAC — proposta għar-regolament u/jew direttiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proposta għar-regolament u/jew direttiva mressqa mill-Kummissjoni Ewropeja ġew analizzati permezz tal-istrutturi fi ħdan il-MEUSAC mill-2008 'l hawn u liema kienu dawn il-proposti li ġew analizzati? Saret analiżi dwar kif tali proposti kienu se jolqtu s-setturi konċernati? Jekk din l-analiżi saret, jista' jgħid jekk għal kull proposta għar-regolament u/jew direttiva mressqa mill-Kummissjoni Ewropea, ġiex eventwalment imħejji impact assessment report dwar kif se jintlaqtu s-setturi kkonċernati u dwar il-pożizzjoni li kellha tieħu Malta f'dan ir-rigward? Jistgħu dawn ir-rapporti relatatti jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Il-konsultazzjonijiet li jsiru permezz tal-MEUSAC mhumiex limitati sempliċement għal proposti ta’ regolamenti u/jew direttivi. Jsiru wkoll konsultazzjonijiet dwar trasposizzjoni ta’ Direttivi, pjanijiet ta’ azzjoni lokali li jkunu bbażati fuq obbligazzjonijiet bħala Stat Membru tal-UE, xi rapporti ta’ relevanza għal Malta, kif ukoll dokumenti ta’ konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea. Mill-2008 ‘l hawn saru konsultazzjonijiet permezz tal-MEUSAC dwar: · 52 Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea · 12 il-proposta għal Direttiva · 14 proposti għal Regolament · 5 White jew Green Papers Id-dettalji jinsabu fid-dokument mehmuż. Dwar jekk isirx impact assessment u l-pożizzjoni ta’ Malta fuq dawn id-dokumenti li joħorġu mill-Kummissjoni, dawn il-materji ma jaqawx taħt il-kompetenza tal-MEUSAC. Il-MEUSAC reġa ġie mwaqqaf biex, għall-fini ta’ konsultazzjoni, joffri forum ta’ konsultazzjoni bejn il-Gvern u l-istakeholders b’mod partikulari l-partiti politiċi, l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili u biex jiffaċilita dan il-proċess. Ir-responsabiltà li titħejja l-pożizzjoni ta’ Malta u li jsiru l-istudji kollha neċessarji biex jitkejjel l-impatt politiku, ekonomiku u soċjali hi tal-Ministeru kkonċernat li taħtu taqa’ l-materja li tkun is-suġġett tal-proposta in kwiestjoni. F’kull każ, jitħejja dokument, imsejjaħ Explanatory Memoradum li fih jaddotta l-pożizzjoni ta’ Malta u li tkun ibbażata fuq l-analiżi ta’ kif dak li jkun qed tiġi propost jista’ jaffettwa lill-istakeholders. Dan id-dokument jiġi approvat mill-Gvern u wara dan, jiġi trasmess lill-Parlament għall-iskrutinju. Il-MEUSAC ukoll jieħu ħsieb jiċċirkula dawn l-Explanatory Memoranda lill-membri kollha tal-Kumitati Settorjali u tal-Core Group għall-iskrutinju tagħhom. Minbarra dan, kull ħmistax, il-MEUSAC jibgħat updates lill-membri tal-Core Group u lill-membri tal-Kumitati Settorjali li fihom jitniżżlu l-aħħar żviluppi fuq il-livell tal-UE, inklużi inizjattivi leġiżlattivi ġodda mill-UE. Il-membri huma mħeġġa biex jekk jidhirilhom, iqajjmu dawn il-materji bħala suġġett għal konsultazzjoni. Bi ftehim mal-Kumitat tal-Kamra għall-Afarjiet Barranin u Ewropej, l-uffiċjali tal-MEUSAC iħejju wkoll edizzjoni speċjali ta’ dawn l-Updates li jintbagħtu lis-segretarju tal-Kumitat Parlamentari biex jgħaddihom lill-membri tal-Kamra.

Inkjesta Maġisterjali fuq mewt ta' minuri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija parlamentari 33229 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta interna dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-inkjesta li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ġiet konkluża.

Air Malta — kiri ta' uffiċċju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34102, jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-Air Malta hiex se tikri uffiċċju jew uffiċini mingħand l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta fil-bini l-ġdid magħruf bħala SkyPark? Jista' jgħid x'inhi r-raġuni li r-risposta li ta' lill-Parlament hija dik li ma jistax jagħtina r-risposta għax hija ta' natura kummerċjalment sensittiva meta tlabt sabiex jgħid kemm se tiswa din il-kirja u sabiex jitqiegħed il-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra meta qed nitkellmu dwar l-interessi ta' kumpanija li hija kumpanija nazzjonali u mhux kumpanija privata?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi r-risposta ma tistgħax tingħata għaliex hija ta’ natura kumerċjalment sensittiva.
Leg 11 PQ #34486 Sitting 472 2012-05-14 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika — direttiva mill-Uffiċċju tas-Segretarju Prinċipali Permanenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il direttiva inħarġet mill-Uffiċċju tas-Segretarju Prinċipali Permanenti taħt l-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi nħarġu 6 direttivi li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur — Każijiet reġistrati mat-Tribunal

Question

B'referenza għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 34264, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-każijiet li ġew reġistrati mat-Tribunal ġew deċiżi mit-Tribunal għas-snin 2008, 2009, 2010, 2011 u l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Għas-snin imsemmija, kemm minn dawk id-deċiżjonijiet meħuda mit-tribunal ġew onorati mill-partijiet konċernati u x'għamel dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u illum l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur biex jara li d-deċiżjonijiet meħuda minn dan it-tribunal jiġu osservati?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Arms Ltd — kontijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha kontijiet pendenti l-Arms Ltd mis-sena 2008 sal-lum, kemm dawk residenzjali kif ukoll dawk kummerċjali?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi mis-sena 2008 sal-aħħar ta’ Frar 2012 ta’ kontijiet pendenti li l-ARMS Ltd. għandha huwa kif gej: · Min total ta’ 222,589 account residenżjali li ilhom reġistrati għal aktar minn sena hemm 4,178 account pendeni. · Min total ta’ 43,773 account kummerċjali li ilhom reġistrati għal aktar min sena, 2,661 account għadhom pendenti.

nefqa żejda

Question

Jista' l-Ministru jippubblika fiex marret in-nefqa żejda fl-ewwel xhur tas-sena u jipprovdi dokumentazzjoni li tixhed dan il-fatt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-baġit tal-Gvern isir għal sena sħiħa, inkluż il-miri ta’ dħul u nefqa kif ukoll dik tad-defiċit.

kiri ta' uffiċini li jinsabu fl-ajruport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Air Malta hux se tikri uffiċini ġewwa l-bini magħruf bħala Sky Park li jinsab fl-ajruport tal-Gudja mingħand l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta? Jekk fl-affirmattiv, jista' jgħid kemm se tkun tiswa l-ispiża annwali u totali għal din il-kera u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ma tistgħax tingħata għaliex hija ta’ natura kumerċjalment sensittiva.

Liġi tal-Kompetizzjoni — ksur tal-liġi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 33657, apparti dawk id-deċiżjonijiet li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra li jikkonċernaw biss deċiżjonijiet meħuda taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta' Konċentrazzjonijiet, jista' l-Ministru jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja, anke mhux kunfidenzjali, tad-deċiżjonijiet meħuda u rapporti mressqa quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust wara li jkunu ġew mressqa ilmenti dwar xi allegat ksur ta' Artikolu 5 jew Artikolu 9, jew it-tnejn, tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, li milli nifhem skont it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari riferuta aktar kmieni fil-każ ta' dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni kienu sitt deċiżjonijiet u kien hemm żewġ rapporti li ġew eżebiti quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust filwaqt fil-każ tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur kien hemm ħames deċiżjonijiet?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta — żieda fil-press tal-ħalib

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni li kellha ssir minn dak li kien l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta, illum Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, mitluba mill-gvern f'Jannar tas-sena l-oħra wara li kien żdied il-prezz tal-ħalib, ġietx konkluża? Jista' jgħid x'kienet il-konklużjoni tal-Uffiċċju dwar jekk iż-żieda fil-prezzijiet kenitx ġustifikata jew le? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta' din id-deċiżjoni?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni — ilmenti mill-pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa ilmenti mill-pubbliku quddiem dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur għas-sena 2008, 2009, 2010, 2011 u l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Kemm minn dawn ġew riżolti permezz tal-medjazzjoni, kemm kienu dawk l-ilmenti li ma ġewx riżolti permezz tal-medjazzjoni u mbagħad il-konsumaturi għażlu li ma jipproċedux quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur u kemm-il każ ġie mgħoddi biex jiġi deċiż quddiem it-Tribunal?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi kif ġej 2008 2009 2010 2011 Jannar - April 2012 Ilmenti reġistrati 1,587 2,482 2,632 2,136 514 Każijiet riżolti permezz tal-medjazzjoni 460 792 941 766 225 Każijiet fejn il-konsumatur iddeċida li ma jirreġistrax it-talba mat-Tribunal 210 381 529 233 57 Oħrajn – diversi raġunijiet li lment ġie rtirat mil konsumatur 428 683 578 597 118 Każijiet reġistrati mat-Tribunal 489 626 584 540 114

ħlasijiet għall-użu tal-karrijiet tal-mejtin

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm tnaqqsu l-ħlasijiet għall-użu tal-karrijiet tal-mejtin waqt il-funerali minn meta saret il-liberalizzazzjoni ta' dan is-settur? Kemm-il darba nġabret, minn dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u issa mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, informazzjoni marbuta ma' dan ix-xogħol mil-liberalizzazzjoni sal-lum? F'liema stadju waslet l-analiżi li kellha ssir sabiex jiġi evalwat jekk l-operat fis-suq in kwistjoni huwiex konformi mal-Att dwar il-Kompetizzjoni u mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur? Din l-informazzjoni, jew rapport, anke f'format mhux kunfidenzjali, jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

playing fields li għandhom CCTV

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma l-playing fields li għandhom CCTV System operabbli u liema huma? Jista' jgħid kif u min jopera s-sistema sabiex tissalvagwardja t-tfal li jattendu f'dawn il-playing fields bil-funzjoni tas-CCTV? Jista' jitqiegħed dokument li juri din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u se tingħata f'xi seduta oħra.