Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — kwestjoni fuq l-ikel
Question
Jista' l-Prim Ministru jivverifika jekk huwiex il-każ illi filwaqt li jinxtara l-ikel u jinħadem ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-istess dipartiment jerġa' jħallas għall-ikel tal-management u ħbieb sabiex tali flejjes imorru f’fond imsejjaħ Officers Funds for Activities? Jista' jivverifika u jgħid kemm ilha ssir din l-affari u kemm tħallsu għal dawn l-ikliet mill-flus tad-dipartiment? Jista' jagħti rendikont ta’ kuljum kemm kienu dawk li kielu u kemm swiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi fil-Facilità Korrettiva ta’ Kordin ma jeżisti ebda fond imsejjaħ Officers Funds for Activities. Li hemm huwa Officers Mess Fund li huwa fond privat ġestit mill-Prisons Officers Association Malta (POAM) u li fih jidħlu prinċipalment kontribuzzjonijiet regolari mill-fizzjali tal-Ħabs. Infurmat ukoll li minn dawn il-fondi jiġi ffinanazjat ix-xiri tal-ikel, minerali u affarijiet oħra relatati li jiġu servuti fl-Officers Mess. Il-prassi li jkollok Officers Mess hija prevalenti f’korpi simili, bħal Pulizija u l-Armata, kemm Malta u barra, u fil-Ħabs tmur lura ghall-1996. Dan l-ambjent iservi ta’ lwog ta’ nkontru fl-ambjent tax-xogħol stess fejn wieħed ikun jista’ jitkellem b’daqxejn serenità mal-kollegi tiegħu waqt li jaqsam magħhom xi ħaġa ta’ l-ikel. Fil-fond minn żmien għal żmien jiġu versati ħlasijiet bħala rimbors minn fondi pubbliċi ta’ spejjeż in kwantu ospitalità li tkun ġiet servuta mill-Officers Mess u okkażjonijiet oħrajn speċjali.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx investigazzjoni pendenti dwar l-operat ta' Koperattivi Malta u jekk fl-affermattiv, din f'liema stadju waslet?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm investigazzjoni għaddejja dwar l-operat ta’ Koperattivi Malta fejn jirrigwarda fondi mill-Fond Ċentrali tal-Koperattivi. Din l-investigazzjoni qed issir fuq deċizjoni meħuda mill-Kumitat tal-Fond Ċentrali tal-Koperattivi u qed tkun immexxija minn Board of Review magħmul minn persuni ndipendenti appuntati mill-Bord tal-Koperattivi. Għalkemm l-investigazzjoni għaddejja b’ritmu mgħaġġel ma huwiex prudenti li tingħata data fissa għat-tkomplija tar-rapport.
Ir-rapport finali ta’ din l-investigazzjoni għandu jgħaddi lill-Bord tal-Koperattivi li minn naħa tiegħu jirraporta lura lill-Fond Ċentrali.
Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi — deċiżjonijiet appellati quddiem il-bord tal-Appelli dwar ir-Riżorsi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il deċiżjoni tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi ġiet appellata quddiem il-Bord tal-Appelli dwar ir-Riżorsi minn April 2008 sal-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena? Kemm minn dawn l-appelli ġew deċiżi u kemm għad hemm pendenti? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord għall-perjodu msemmi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35408, peress li l-Ministru qed jassigura li mhemmx records separati, jista' jagħti l-informazzjoni mitluba fl-istess mistoqsija parlamentari iżda għall-perjodu bejn 1991 sa 2005 separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat minn Transport Malta li dħul u spejjeż ta' l-ex MMA berths f'Tigne' kienu jiġu nklużi ma' dawk tal-Imsida u Ta' Xbiex Marinas mill-bidu u għalhekk lanqas hemm records separati għall-perjodu bejn l-1991 u l-2005.
Marsa — Triq Patri F.Bilocca - rikumpens lis-sidien
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’rikumpens is-sidien ta’ stabbilimenti li jinsabu fi Triq Patri F.Bilocca ġewwa l-Marsa fejn qed isiru xogħlijiet infrasstrutturali u saħansitra twaħħlu tabelli minn Transport Malta li jindikaw aċċess għal stabbiliment partikolari?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li ma tħallas ebda kumpens lil xi sidien ta' negozji fil-proġett imsemmi.
Ħaż-Żabbar — Triq il-Kunsill tal-Ewropa - resurfacing
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa r-resurfacing ta’ Triq il-Kunsill tal-Ewropa ġewwa Ħaż-Żabbar u kemm dam għaddej ix-xogħol fuq din it-triq u f’liema jum tlestiet din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jispjega x’inhi r-raġuni li numru ta’ tabelli li jikkonċernaw xogħlijiet relattati ma' infrastruttura, ta’ qisien varji twaħħlu u nqalgħu għal aktar minn sitt darbiet f’temp tal-anqas minn 3 xhur ġewwa l-lokalità tal-Imsida? Jista' jgħid kemm sewa lill-awtorita dan iċ-ċaqliq u jipprovdi kopja tal-invoices kkonċernati, u d-dati li twaħħlu u nqalgħu dawn it-tabelli?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-tabelli msemmija mill-Onorevoli Interpellant tpoġġew minħabba xogħlijiet li kienu ppjanati f'din iż-żona. Però dawn ix-xogħlijiet kellhom jitħassru diversi drabi minħabba l-maltemp. Għaldaqstant it-tabelli reġgħu nqalgħu kull darba li tħassar ix-xogħol biex ma jkunux ta’ nkonvenjent għas-sewwieqa. Ix-xogħlijiet ta’ twaħħil u qlugħ ta’ tabelli jkunu nklużi fil-kuntratt tax-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed tiswa f’kera kull xahar il-proprjetà li minnha qed topera d-divizjoni ta’ Roads & Infrastructure Directorate fi ħdan Transport Malta li tinsab ġewwa Valley Road u kemm ilha tinkera din il-proprjetà?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li żewġ sulari li jservu ta’ uffiċini għad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura bdew jinkrew fis-16 ta’ Mejju 2005 għall-ammont ta’ € 3498.12 fix-xahar, filwaqt li sular ieħor beda jinkera mill-21 ta’ Ġunju 2006 għall-ammont ta’ € 1327.81 fix-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu ngaġġati s-sitt dental technicians li ġew innotifikati li għaddew mill-interview matul ix-xahar ta’ Frar 2012?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-proċess huwa fis-seħħ sabiex jiġu maħtura l-ewwel ħames kandidati skont kif approvat mill-Capacity Building Exercise. F’każ li wieħed mill-ewwel kandidati jirrifjuta l-ħatra, il-Ministeru jista’ jikkonsidra li jirrakkomanda s-sitt kandidat.
Faċilità Korrettiva ta' Kordin — informazzjoni dwar impjegat
Question
Jista' l-Prim Minsitru jikkonferma li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qabel spiċċat bl-età, kien ġie promos fil-kariga ta’ manager u riċentament ġie maħtur bħala advisor għall-ministeru kkonċernat fir-rigward tal-affarijiet interni tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid kemm-il siegħa jaħdem, kemm qed jitħallas u fuq liema kriterju saret din il-ħatra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-persuna li għaliha qed jagħmel referenza kienet nħatret Manager f’ Jannar tal-2011 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara sejħa maħruġa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Infurmat ukoll li l-persuna rtirat bl-eta’ f’Marzu ta’ din is-sena u nħatret bħala Adviser għat-Taqsima Kura u Re-Integrazzjoni tal-Faċilità biex tikkontribwixxi bl-esperjenza tagħha fil-qasam għad-dħul fis-seħħ tar-riformi marbuta mal-Att tal-Ġustizzja Riparatriċi. Din il-persuna qed taħdem medja ta’ 30 siegħa fil-gimgħa u titħallas €19,468 fuq bażi ta’ tnax il-xahar.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal l-appell li għamel l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li sar oġġezzjoni għar-riżultat tal-karnival ta' din is-sena issa li għaddew 4 xhur mill-istess riżulta? Jista' l-Ministru jara li dan isir mill-aktar fis possibli?
Response (DEMARCO, MARIO)
Il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kif ukoll it-tim organizattiv tal-karnival iltaqa’ mal-parteċipant li għamel l-appell u riċentement intbagħtet ittra lil dan il-parteċipant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-posizzjoni tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li stante li kellha żewġ appelli fl-arbitru meta l-flus li kellha tirrifondi tathom kollha u xorta qegħdin jitlobuha mill-Uffiċċju tal-Arretrati li baqalha tagħti lura meta din hija persuna li ma taħdimx u qegħdha tgħix maż-żewġ uliedha?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li jiena nfurmat li l-individwu għandu jirrikorri f’wieħed mill-Uffiċċji Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jingħata l-informazzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kemm tħallsu bħala fees fir-rigward ta’ berthing fees għas-servizz offrut fil-yacht marina magħrufa bħala l-Ex MMA Berths f’Tignè għall-perjodu Mejju 2008 sa Lulju 2011? Jista' jgħid l-ammont ta’ yachts jew opri tal-baħar oħra li daħlu f'dan il-perjodu? Jista' fir-risposta tiegħu jgħid kemm ġie utillizzat f'dawl u ilma għall-perjodu msemmi hawn fuq mis-sidien tal-yachts jew opri tal-baħar li utillizzaw il-marina msemmija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat minn Transport Malta li dħul u spejjeż tal-ex MMA berths f'Tignè kienu jiġu nklużi ma' dawk tal-Imsida u Ta' Xbiex Marinas u għalhekk mhemmx records separati.
Jista' l-Ministru jgħid min qed jopera l-Ex MMA Berths ta’ Tignè u jipproduċi kopja tal-kuntratt li jixhed it-trasferiment tal-operat tal-kumpanija preżenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma li ġewwa l-Ex MMA Berths Tignè, mis-sena 1991 sa 2008, kienu jitwaħħlu 8 modules għal perjodu ta' bejn Mejju sa Novembru ta’ kull sena li kienu jissupplixxu d-dawl u l-ilma? Jista’ jikkonferma jekk minn Mejju 2008 sal 15 ta’ Lulju 2011 kenux jitwaħħlu l-modules aktar ‘l fuq imsemmija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta tikkonferma li sas-sena 2008 kienu twaħħlu 8 modules. Bejn is-sena 2009 u Lulju 2011, minħabba nuqqas ta' domanda, kien twaħħal biss module wieħed.
Jista' l-Ministru jipprovdi kopja tal-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li approva l-użu ta’ latrini li kienu jintużaw mis-sidien tal-yachts u opri tal-baħar flimkien mal-guests tagħhom, issa saru parti minn restaurant u ġew alterati għal kċina ta’ restaurant li jinsab fil-ġnien tal-Imsida?
Response (DEMARCO, MARIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika fuq site plan għal liema area qiegħed jirreferi biex b'hekk l-awtorità tkun tista twieġeb aħjar din il-mistoqsija.
Wara li l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur ikkonkludiet l-investigazzjoni tagħha fir-rigward tas-suq tal-uniformijiet tal-iskejjel, tista' l-Ministru telenka dawk l-uniformijiet ta’ liema skejjel li fis-sajf li ġej il-ġenituri għandhom jistennew roħs fil-prezzijiet?
Tista' tindika wkoll dawk l-i
school uniform
items
li fihom huwa mistenni tali roħs?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-għan ta’ dan l-istudju kien li jiddetermina l-livell ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq. Ir-rapport finali jinkludi numru ta’ sejbiet, konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet biex jittejjeb il-livell tal-kompetizzjoni. Fil-kuntest ta’ dan l-istudju, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, ma jiddeċidix fuq liema uniformijiet jew partijiet minn uniformi għandhom jorħsu. L-Uffiċċju però jistenna li dawk kollha involuti f’dan is-suq jimplimentaw ir-rakkomandazjonijiet li ġew ippreżentati fl-aħħar rapport biex ikun żgurat suq iktar miftuħ għall-benefiċċju tal-ġenituri, skejjel u fornituri tal-uniformijiet tal-iskejjel.
Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur — intrapriżi konformi mal-Att dwar il-Kompetizzjoni
Question
Wara li ġiet konkluża l-investigazzjoni rigward l-uniformijiet tal-iskejjel mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, jista' l-Ministru responsabbli jgħid jekk il-prattiċi kondotti minn dawk l-intrapriżi li qed joperaw fis-suq humiex konformi mal-Att dwar il-Kompetizzjoni? Jista' jgħid l-uffiċċju investigax jekk kienx hemm prattiċi li jmorru kontra l-Att dwar il-Kompetizzjoni? Jista' jelenka l-ismijiet ta’ dawk li nstabu li l-prattiċi tagħhom qed jiksru l-Att dwar il-Kompetizzjoni?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien li jsir studju dwar il-livell ta’ kompetizzjoni f’dan is-suq u li wara li jsir dan l-istudju u tinġabar id-data neċessarja, l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur jippubblika s-sejbiet, konklużjonijiet u r-rakkomandazzjoniet tiegħu biex dan is-suq jinfetaħ għal aktar kompetizzjoni.
Illi biex isir dan l-istudju li kellu t-tir li jilħaq lil kull skola f’Malta, l-Uffiċċju, kif filfatt hu spjegat fir-rapport diversi drabi, irrikorra għal dawk li jissejħu
non-enforcement powers
u
advocacy tools
. Dan iffisser li l-Uffiċċju ma użax l-
enforcement powers
u fetaħ investigazzjoni fuq skola jew xi skejjel partikolari. F’dak il-każ ma konniex nitkellmu fuq
market study
iżda konna nirreferu għal investigazzjoni.
L-għan li jingħataw numru ta’ rakkomandazzjonijiet, kien biex il-livell ta’ kompetizzjoni in ġenerali f’dan is-suq jitjieb. F’numru ta’ drabi fir-rapport stess, l-Uffiċċju għamilha ċara illi wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-istudju, ħa jibqa’ jissorvelja dan is-suq u jekk jiġi a konoxxenza ta’ prattiċi li jmorru kontra l-liġi tal-Kompetizzjoni, ser juża’ l-poteri tiegħu biex iwaqqaf dan it-tip ta’ aġir.
Rabat — San Pawl Kuntent - permess għal żvilupp fl-għerien
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tatx permess sabiex ġewwa San Pawl Kuntent limiti tar-Rabat, ikun hemm żvilupp ta’ farmhouse u jekk is-sidien ingħatawx permess sabiex jiżviluppaw u jkissru saħansitra għerien li jinsabu fl-inħawi? Kemm-il darba ma ngħatax permess mill-awtorità sabiex isir tkissir tal-għerien, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet mis-sezzjoni tal-infurzar u meta saru?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita kienet ħarġet permess ta' żvilupp PA 7417/07 fi Frar 2009, sabiex ir-raħħal ta' razzett adjaċenti ikun jista' jibni r-residenza tiegħu. Il-permess ma kienx jinkludi xogħolijiet konnessi mal-għerien li hemm fil-viċin tas-sit. Eventwalment is-sezzjoni tal-Infurzar osservat illi l-applikant wettaq żvilupp oltre dak li kien approvat fil-permess, fosthom ifforma rampa, kabbar il-'basement', saqqaf fuq 'drive way' u xi żidiet u olterazzjonijiet oħra. Dwar dawn l-illegalitajiet inħareġ Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq ECF 992/09 f'Novembru 2009.
Sussegwentement ġiet sottomessa applikazzjoni sanatorja f'isem l-iżviluppatur skont PA 5529/09 li pero f'Marzu 2011 ġiet miċħuda skont l-Artikolu 86 (10) tal-Att X tal-2010 fuq talba tas-sezzjoni tal-Infurzar peress li r-rekwiziti fl-ordni tal-Avviz ECF 992/09, fosthom il-waqfien mix-xogħol fuq-is-sit, ma ġewx imħarsa mill-applikant. Il-każ ġie appellat u għadu pendenti quddiem it-Tribunal ta' Reviżjoni skont Appell Numru 284/11.
Ftit ġimgħat ilu, l-uffiċċjali tal-Infurzar kienu reġgħu innutaw illi l-iżviluppatur reġa' kompla wettaq xogħolijiet illegali oħrajn fosthom fil-viċinanza immedjata tal-għerien imsemmija bi ksur tal-Avviż ECF 992/09. Id-Direttorat fil-fatt talab lill-Pulizija biex tiftaħ proċeduri Kriminali fil-Qorti kontra l-iżviluppatur talli dan kompla għaddej bl-iżvilupp bi ksur tal-iStop Notice. L-Awtorita ser tibqa' ssegwi l-każ u tieħu dawk l-passi neċessarji skont il-Liġi.