Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #36180 Sitting 501 2012-07-10 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

ċentru ta’ detenzjoni — emergency exit

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex il-każ li ġewwa ċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Safi Barracks, ssir emergency exit biswit l-guard room sabiex jiġu protetti l-interessi tas-suldati u d-detention officers li spiss jispiċċaw maqbuda fl-istess guard room meta jisfaw attakkati bi tfiegħ ossia ta’ misħun u affarijiet oħra fosthom urine, fejn saħansitra riċenti esperjenza dan l-espert tal-qorti li kien mibgħut fuq is-sit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bħalissa qed jiġu kkunsidrati xogħolijiet fil-guardroom tal-B Block fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi biex isirilha ħruġ ieħor fuq in-naħa ta' wara.
Leg 11 PQ #36181 Sitting 501 2012-07-10 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

promozzjonijet mogħtija lis-suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jipprovdi elenku tal-promozzjonijiet li saru tul dawn l-aħħar tliet snin fl-armata? Jista’ jikkonferma jekk huwiex il-każ illi hemm ossia gunners fiċ-ċentri tad-detenzjoni li għandhom ferm aktar responsabbilità minn suldati f’xogħol ieħor, filwaqt li hemm gunners bla ebda responsabbilità li ġew mogħtija promozzjoni u huma juniors fir-rigward ta’ dawn li jinsabu jwettqu dmirhom fiċ-ċentri ta’ detenzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onorevoli Membru li l-promozzjonjiet fl-Armata jiġu allokati skont il-vakanzi li jkun hemm fuq l-istabbiliment tal-Forzi Armati. Dan jiġri wkoll fil-konfront ta’ suldati li jaħdmu fiċ-ċentri tad-detenzjoni. Tajjeb li wieħed isemmi li kull suldat jerfa livell ta’ responsabilita` skont il-grad li jġorr. Skont in-Nomini u l-Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forza Regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta l-promozzjonijiet fl-Armata ma jsirux biss abbażi tal-anzjanita iżda wkoll skont l-effiċjenza, l-kwalifiċi u jekk hemmx vakanza fil-grad li jmiss skont l-istabbiliment. It-tqassim tal-promozzjonijiet li saru f’dawn l-aħħar tlett snin fl-armata hu kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Gudja — trasport pubbliku

Question

Issa f’għeluq is-sena mis-servizz il-ġdid tal-istess trasport pubbliku, jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun f’pożizzjoni li joffri s-servizz kif kien qabel jaqdi lir-residenti tal-Gudja li sal-lum iridu jimxu sal-airport, meta qabel kien hemm servizz permess tal-venda fiċ-ċentru tar-raħal biswit l-iskola, kif kienet sa ftit aktar minn sena ilu? Jista' jgħid meta se jsiru bus shelters fl-istages kollha li hemm fil-lokal tal-Gudja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rotta tal-Gudja tgħaddi minn ġo ċ-ċentru tal-Gudja kif kien jgħaddi s-servizz li kien jingħata qabel it-3 ta’ Lulju 2012. Infurmat ukoll li mill-lokalita` tal-Gudja hemm servizz dirett tat-trasport pubbliku lejn lokalitajiet oħra bħall-Isptar Mater Dei, Raħal Ġdid, Wied il-Għajn u ż-Żejtun. Fir-rigward ta’ bus shelters , ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta m’għandha l-ebda talba sabiex jitwaħħlu bus shelters f’din il-lokalita`.

spiża fuq bini ta' kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta’ kemm mill-ispiża li intefqet fuq il-bini tal-kulleġġi sa mis-sena 2008 'l hawn għadha mhix imħallsa? Jista' r-rendikont mitlub jinqasam kulleġġ b’kulleġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont fuq l-iskejjel il-ġodda li għadu mhux imħallas huwa ta’ €490,519. Dan huwa maqsum kif indikat hawn taħt:- Cospicua (Kulleġġ Santa Marerita) - €6,452.58 Gozo - €176,763.90 Kirkop (Kulleġġ San Benedittu) - €20,380.24 Mosta (Kulleġġ Maria Reġina) - €154,971.50 Pembroke (Kulleġġ Santa Klara) - €5,154.78 Qormi (Kulleġġ San Injazju) - €126,796.40

Transport Malta — Enforcement Department - security li wettaq att kriminali relattat ma' serq

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk matul ix-xahar ta’ Awwissu 2011, persuna fil-kariga ta’ security fl-Enforcement Department ta’ Transport Malta stazzjonat f’Sa Maison Transport Directorate, wettqet att kriminali relattat ma' serq? Jista' jipprovdi r-rapport dettaljat tal-każ, x’passi ttieħdu fil-konfront ta’ dan il-ħaddiem u x’kariga jokkupa llum fi ħdan l-istess Awtorità wara li wettaq dan l-att?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda każ ta’ serq minn security fl-Enforcement Directorate f'Awwissu 2011.

applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li ilhom jgħixu Malta minn 1990 għad għandhom l-applikazjzoni tagħhom pendenti biex isiru ċittadini Maltin? Jista' jgħid għaliex għadha ma ġietx konkluża l-applikazzjoni tagħhom biex jiġu naturalized Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet magħmula mit-tlett persuni li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant għadhom qed jiġu pproċessati. Malli tittieħed deċizjoni fuq il-każ tagħhom, huma jiġu mgħarrfa biha minnufih.
Leg 11 PQ #36174 Sitting 500 2012-07-09 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Ħal Safi — ċentri ta’ detenzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu illi fiċ-ċentri ta’ detenzjoni ġewwa Ħal Safi, ix-shifts huma koperti biss permess ta’ tliet suldati tal-armata u saħansitra f’ċerti shifts saħansitra qed ikunu żewġt suldati bejn żewġt points, jiġifieri suldat ma' B Block u suldat ieħor li jieħu ħsieb żewġt warehouses oħra, u ma' dawn hemm biss 11-il uffiċjal magħrufin bħala detention officers, maqsumin bejn iż-żewġ postijiet ‘il fuq imsemmieha, sabiex iservu t’għassa ma' 735 immigrant irregolari? Jista' jgħid jekk hux se jikkonsidra li jżid il-compliment bi b’żewġ suldati oħra f’kull shift kif ukoll jiżdiedu aktar uffiċjali magħrufa bħala detention officers?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm tnejn jew tlett suldati li huma responsabbli mis-superviżjoni ta’ kull shift u dawn jitqassmu bejn żewġ binjiet fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi. Infurmat ukoll li għaddej proċess biex jiżdied in-numru ta’ detention officers.
Leg 11 PQ #36175 Sitting 500 2012-07-09 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Safi Barracks — injuries li jsofru s-suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jipprovdi rapporti dettaljati ta’ injuries li jsofru s-suldati flimkien ma' detention officers meta jkunu on duty fejn ossia jiġu maltrattati mill-istess immigranti residenti ġewwa Safi Barracks?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #36176 Sitting 500 2012-07-09 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Safi Barracks — kwestjoni dwar l-ikel

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li bosta mill-ġlied li jinqala' ġewwa ċ-ċentru tad-detenzjoni f’Safi Barracks, huwiex ibbażat fuq it-tip ta’ ikel ipprovdut, fejn saħansitra hemm differenza fit-tip u l-ammont provdut li jasal bi żball ġewwa ċ-ċentru msemmi minflok fejn suppost kellu jkun indirizzat, jiġifieri fil-Faċilità korrettiva ta’ Kordin? Jista' jipprovdi rapporti dettaljati li tressqu lill-ogħla uffiċjali fi ħdan l-armata dwar dan.u jikkonferma jekk huwiex lest illi jintbagħat uffiċjal li jispezzjona l-ikel għall-għarrieda on site?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li huwa rari ħafna li qatt inqala xi ġlied jew disgwid ġewwa ċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi minħabba kwistjonijiet dwar ikel. L-ikel, ta’ kuljum jiġi spezzjonat mill-uffiċjali nkarigati miċ-ċentri ta' detenzjoni. M’inhiex infurmat li l-uffiċjali għolja tal-Armata qatt irċevew xi rapporti uffiċjali dwar xi ilmenti dwar l-ikel.
Leg 11 PQ #36177 Sitting 500 2012-07-09 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

warehouse guardroom — arja kkundizzjonata

Question

Jista' l-Prim Minstru jikkonferma jekk huwiex minnhu li fil-warehouse guardroom ilhom mingħajr arja kkundizzjonata għal aktar minn xahrejn minħabba ħsara li żviluppat? Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta se jiġi rranġat fl-aqsar żmien possibbli l-air conditioner imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li s-sistema tal-arja kundizzjonata fil-guardroom tal-Warehouses Compound fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi ġiet irrappurtata bil-ħsara din il-ġimgħa stess u l-apparat ġie spezzjonat minn tekniċi tas-Servizz tad-Detenzjoni fejn instab li l-ħsara kienet estensiva u ma kienx prattiku li l-apparat jissewwa. Minħabba f'hekk inbeda l-proċess biex tinxtara sistema tal-arja kundizzjonata ġdida.
Leg 11 PQ #36178 Sitting 500 2012-07-09 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Safi Barracks — pests

Question

Jista’ l-Prim Ministru jivverifika jekk huwiex minnhu li ġewwa ċ-ċentru ta’ detenzjoni ġewwa Safi Barracks, ġiex irrapportat illi hemm każijiet ta’ fleas fejn jorqdu l-immigranti rregolari kif ukoll hemm rapporti ta’ ammont ta’ ġrieden? Jista’ jgħid x’soluzzjoni ngħatat sabiex jiġi kkontrolat dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi xahar ilu l-immigranti akkommodati f'Warehouse 2 fiċ-Ċentru tad-Detenzjoni ta’ Ħal Safi lmentaw li ħwejjiġhom, saqqijiet u l-friex imtlew b'insetti rqaq. Tlett kuntratturi ġew imqabda jagħmlu spezzjoni tal-post fejn instab li l-inħawi kienu mimlija bed bugs. Ġie mqabbad kuntrattur minnhom li wettaq fumigazzjoni ta' Warehouse 2 fil-15 ta' Ġunju filwaqt li l-friex u l-ħwejjeġ tal-immigranti ntbagħtu għal ħasil. Operazzjoni simili ser terga' issir fis-6 ta' Lulju. B'relazzjoni ma’ dan ukoll, għal dawn l-ħames snin kumpanija privata ġiet mogħtija kuntratt biex tipprovdi servizz ta' kontroll ta' ġrieden fiċ-ċentri tad-detenzjoni.

Ex MMA Berths

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qed jopera l-Ex MMA Berths ta’ Tignè u jipproduċi kopja tal-kuntratt li jixhed it-trasferiment tal-operat tal-kumpanija preżenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-Marina qed tiġi operata minn AB Marine Services Ltd. Kopja tal-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Maintenance ta' gallarija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tiġi proċessata l-applikazzjoni dwar maintenance ta' gallerija tal-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-Awtorità tad-Djar ma rċeviet l-ebda applikazzjoni mill-persuna indikata.

Bord tad-Diretturi — membri

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx xi membri tal-bord tad-Diretturi (inkluż is-segretarju tal-istess bord) tal-kumpanija Gozo Channel li matul l-aħħar tnax-il xahar taw servizz professjonali kemm huma personalment kif ukoll żwieġhom u/jew kumpaniji li huma jew żwieġhom ħadmu jew jaħdmu magħhom, lill-kumpanija Gozo Channel stess? Jista' jgħid min kienu l-persuni u/jew kumpaniji li taw tali servizz? Jista' jgħid b'liema tip ta' sejħa ġie kkuntrattat kull servizz professjonali imsemmi? Jista' jgħid jekk saritx sejħa pubblika għall-offerti dwar min ħa d-deċiżjoni li jingħataw direct orders? Jista' jgħid jekk dawn il-persuni u/jew kumpaniji ddikjaraw il-kunflitt ta' interess tagħhom? Jista' jgħid kemm kienet l-istima oriġinali għal kull servizz ikkuntrattat u kemm kien il-ħlas effettiv għal kull servizz?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

pontoon mwiegħed fil-marina

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma fiex waslet l-applikazzjoni u f'liema fażi tal-proċess tinsab l-applikazzjoni dwar il-pontoon mwiegħed fil-marina tal-Gżira Gardens lura fl 2010 mill-Ministru Gatt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Kommunikazzjoni.

Transport Malta — marina tal-Gżira Gardens

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 27640, peress li l-Ministru kien ikkonferma li l-unika marina li għandha Transport Malta hija dik ta' Gżira Gardens, għaldaqstant, jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma min kien responsabbli għat-tmexxija ta' Tignè Marina għall-perjodu ta' bejn Jannar 2011 sal-15 ta' Lulju 2011? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta' kemm tħallsu f'berthing fees għall-perjodu msemmi, kemm inġabru fi ħlas għas-servizz ta' dawl u ilma? Jista' jagħti rendikont ta' kemm daħlu yachts u opri tal-baħar fil-marina msemmija matul il-perjodu aktar 'il fuq indikat u dan kemm-il darba l-marinas tal-Imsida u Ta' Xbiex ġew privatizzati fis-sena 2010?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bejn Jannar 2011 sa Ġunju 2011 il-berths ta' Tigne' kienu taħt it-tmexxija ta' Transport Malta. Ma kien hemm l-ebda berthing fees għal dan il-perijodu.

yachts fil-marina — servizz tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, rendikont li jirrigwarda l-ħlas għas-servizz provdut ta' dawl u ilma lis-sidien tal-yachts fil-marina ta' Tignè matul is-snin 2009 sa 2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra

Koperattivi Malta — investigazzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35491, jista' l-Ministru jindika x'inhuma l-punti li wasslu għall-investigazzjoni li tinsab għaddejja bħalissa dwar Koperattivi Malta li l-operat tagħha huwa finanzjat mill-fond ċentrali tal-koperattivi?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni qed issir fuq talba mill-Kumitat tal-Fond Ċentrali tal-Koperattivi wara allegazzjonijiet ta’ skorrettezza fl-amministrazzjoni ta’ Koperattivi Malta.

MEPA — latrini użati minn sidien tal-yachts

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35411 u b'referenza għas-site plan li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament, jista' l-Ministru jipprovdi kopja tal-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li approva l-użu ta’ latrini li kienu jintużaw mis-sidien tal-yachts u opri tal-baħar flimkien mal-guests tagħhom, issa saru parti minn restaurant u ġew alterati għal kċina ta’ restaurant li jinsab fil-ġnien tal-Imsida?

Response (DEMARCO, MARIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #35471 Sitting 490 2012-06-18 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — inmate li jaħdem f'għalqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux minnu li fuq għażla personali tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jqabbad inmate ħabib tiegħu u mill-istess lokalità sabiex jaħdem fl-għalqa li għandhom tal-familja? Jista’ l-Ministru jivverifika jekk l-istess inmate jittieħed kull filgħodu bit-trasport tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin sabiex jibda l-ħidma tiegħu fl-għalqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-persuna indikatat mill-Onorevoli Interpellant qed tieħu ħsieb ix-xogħol li qed isir is-SATU. Ta’ kull filgħodu numru ta’ priġunieri qed jittieħdu is-SATU limiti ta’ l-Imtaħleb bit-trasport tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jaħdmu hemm fuq xogħol ta’ refurbishment.