Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12009 li kienet saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm intnefqu fi pjanti, business plans u konsulenzi matul din is-sena sabiex suppost Sptar Zammit Clapp jilqa' fi ħdanu n-New Rehabilitation Hospital? Jista' jikkonferma jekk dan il-progett ġiex shelved?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma saru l-ebda spejjeż fuq pjanti, business plans jew konsulenzi relatati mal-proġett għat-tkabbir tal-Isptar Zammit Clapp għal sptar ta’ rijabilitazzjoni għaliex kien evidenti mill-bidu nett li din ma kienetx soluzzjoni fattibbli. Matul din is-sena 2010, ġie deċiż li l-Isptar Karen Grech jibda jiffunzjona bħala sptar ta’ rijabilitazzjoni temporanju sakemm jinbena ċ-ċentru l-ġdid. Ġew evalwati nurmu ta’ siti iżda għad ma hemmx deċiżjoni finali dwar fejn ser jinbena iċ-ċentru l-ġdid tar-rijabilitazzjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 12007 li kienet saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm-il pjanta saret u kemm-il business plan sar fir-rigward tar-rehabilitation hospital ossia mis-sena 2001 'l hawn? Kemm kienu se jintnefqu flus kieku dan sar fl-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm telgħu karozzi għall-emission test minn mindu bdiet is-sistema sal-ġurnata tal-lum? Kemm minn dawn il-karozzi kienu ta’ dipartimenti jew entitajiet tal-Gvern? Kemm karozzi telgħu għal aktar minn test wieħed? Kemm karozzi fallew milli jattendu għal dan it-test? Jista' jgħid ukoll kull meta isiru l-emission tests? Jista' jgħid kemm ġew ittestjati karozzi fir-road side checks u kemm weħlu karozzi minn dawn l- ispezzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bejn Awwissu 2005, jiġifieri minn meta bdiet titħaddem l-iskema Emissions Alert, u l-aħħar ta’ Ġunju 2010, l-ammont totali ta’ vetturi li telgħu għal test tal-emmissjonijiet taħt din l-iskema jammonta għal 6,127. Minn dawn kien hemm 44 vettura li kienu ta’ dipartimenti jew entitajiet tal-gvern, iżda ta’ min jgħid li dan in-numru ma jinkludix dawk il-vetturi li l-gvern jikri minn diversi kumpaniji ta’ karozzi tal-kiri u li setgħu wkoll ġew mgħajta għat-test, f’liema każ dawn ma jistgħux jiġu identifikati għall-fini ta’ din ir-risposta.
Fir-rigward ta’ kemm karozzi telgħu għal aktar minn test wieħed, ninsab infurmat li l-informazzjoni tinġabar fuq bażi kumulattiva (
accumulative data recording system
) u għalhekk l-informazzjoni kif mitluba ma tinġabarx.
Fl-stess perjodu kien hemm 6,741 vettura li ntbgħatitilhom notifika u li ma telgħux għat-test. Dawn il-vetturi kollha ġew imposti b’restrizzjoni fuq it-tiġdid tal-liċenzji rispettivi tagħhom, liema restrizzjoni titneħħa biss jekk dawn il-vetturi jittellgħu u jgħaddu mit-test tal-emmissjonijiet.
It-testijiet tal-emmissjonijiet isiru bejn wieħed u ieħor darbtejn fix-xahar, iżda dan jiddependi wkoll min-numru ta’
smses
mibgħuta.
Ninsab infurmat ukoll li mis-sena 2005 sat-30 ta’ Ġunju 2010, ġew ittestjati 12,060 vettura waqt
roadside checks
. Minn dawn kien hemm 6,479 li weħlu mit-test.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il karozza hemm ġewwa l-impound centres tat-Transport Malta? Huwa minnu li dawn l-impound centres huma mimlijin u li ma hemmx aktar spazju jitqegħdu aktar karozzi? Jista' jgħid kemm qed tħallas kera ta' dawn l-impound centres l-awtorità? X'se jsir minn dawn il-karozzi li hemm miġbura u meta? Jista' jgħid ukoll jekk hux minnu li s-sezzjoni ta' nfurzar tal-awtorità għandha ordni speċifika li jiġu ttowjati karozzi relattivament ġodda biss?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-mument Transport Malta għandha impound centre wieħed u li ġo dan l-impound centre hemm 253 karozza kif ukoll li għad hemm aktar spazju. Il-vetturi li hemm miżmuma qegħdin f’art pubblika u Transport Malta m’hi qed tħallas l-ebda kera. Aktar kmieni din is-sena Transport Malta organizzat irkant bl-għan illi jinbiegħu il-vetturi li kienu qegħdin fil-impound centre. Għal dan l-istess għan, Transport Malta qiegħda tippjana li jsir irkant ieħor fil-futur. Mhux minnu li s-sezzjoni ta' nfurzar tal-awtorità għandha ordni speċifika li jiġu ttowjati karozzi relattivament ġodda biss.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu applikaw pulizija għall-kors ta' spettur matul is-sena li għaddiet (2009)? Kemm għaddew u kemm weħlu, kif ukoll kemm minnhom baqgħu fuq il-waiting list? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati kemm ta' dawk li għaddew kif ukoll ta' dawk li jinsabu jew kienu fil-waiting list?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena li għaddiet (2009) ma ħarġet ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għal Spetturi tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minn dawk il-pulizija li applikaw għal spetturi (2009) li kienu baqgħu fuq il-waiting list? X'se jkun l-eżitu fir-rigward tagħhom? Jista' jgħid jekk huwiex il-każ li dawn li kienu fuq il-waiting list humiex se jiġu mġiegħla japplikaw mill-ġdid sabiex japplikaw għall-kariga ta' spetturi meta dawn kienu fil-waiting list preċedenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19369.
Jista' l-Ministru jara li l-CCTV (street cameras) li hemm Għajn Rihana eżattament ftit 'l isfel mill-Knisja ta' Għajn Rihana fuq kull naħa li jibdew jiffunzjonaw stante li riċentament persuna mill-Mosta ġiet attakkata vjolentament u saret ħsara volontarja fuq il-vettura tagħha u min wettaq ir-reat ma setax jiġi rintraċċat peress li s-CCTV ma ffunzjonatx? Jara li din hija ta' natura urġenti ladarba anke hold up sar fuq l-istes parti tat-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-materja in kwistjoni ma taqax taħt ir-responsabbiltà tad-dekasteru tiegħi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari datata 28 ta' April 2010 dwar persuna li dettalji tiegħu ntbagħtu separatament, li qed jopera mingħajr permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar konness ma' produzzjoni ta' silencers, jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħaditx l-passi meħtieġa biex jieqaf dan l-abbuzz u dan stante li sal-lum dan għadu għaddej mingħajr ma żammu ħadd?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema Mistoqsija Parlamentari qed jirreferi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari datata 28 ta' April 2010 dwar persuna li dettalji tiegħu ntbagħtu separatament, li qed jopera mingħajr permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar konness ma' produzzjoni ta' silencers, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħaditx l-passi meħtieġa biex jieqaf dan l-abbuzz u dan stante li sal-lum dan għadu għaddej mingħajr ma żammu ħadd?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill- Onor. Interpellant sabiex jgħati n-numru tal-Mistoqsija Parlamentari li qed jirreferi għalija ħalli nkun nista ngħatih l-informazzjoni koretta.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mhux qed ikun hemm stock biżżejjed tal-mediċina 3,4-Diaminipyridine li tinutża għall-każijiet partikalari u speċjali tat-trattament ta' congenital (Hereditary) myasthenia? Jara li meta d-Dipartiment tas-Saħħa li jaf li hawn żewġ każijiet partikolari żgur li jeħduhom, għaliex mhux qed allura jikkorispondi l-istock mal-bżonnijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment tal-Procurement, Taqsima tas-Saħħa, ġie infurmat bl-ammont meħtieġ ta’ din il-mediċina f’nofs Lulju ta’ din is-sena. Minħabba li kien hemm tibdil fil-manifattur ta’ din il-mediċina, l-ewwel konsenja waslet Malta fit-23 ta’ Awwissu 2010.
ħaddiema mal-Awtorità dwar it-Trasport ingaġġati mas-Secreterial Services
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13302 u jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-Awtorità dwar it-Trasport li huma ngaġġati mas-Secreterial Services, kemm qed jitħallsu kull xahar u kemm qed titħallas din l-istess kumpanija? Jista' jgħid ukoll s'issa kemm ingħatat flus din il-kumpanija u x’inhi l-funzjoni preċiża tagħha?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm għaxar skrivani pprovduti minn Secretarial Services Ltd lil Transport Malta, iżda l-ammont ta’ ħaddiema li jkunu provduti lil Transport Malta jista’ jvarja minn żmien għal żmien skont il-
workload
li jkollha. Minħabba f’hekk m’hemmx ħlas fix-xahar. Bejn Mejju tal-2008 u Mejju tal-2010 din il-kumpanija tħallset is-somma ta’ €185,292 għas-servizzi tagħha. Il-funzjoni ta’ Secretarial Services Ltd hija li tipprovdi servizzi ta’ ħaddiema fuq bażi temporanja. Transport Malta m’għandiex informazzjoni dwar il-ħlas li l-kumpannija tagħmel lill dawn il-ħaddiema għaliex din hija informazzjoni privata.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-complaints li saru mad-Dipartiment tas-Sanità dwar farm li jinsab fil-konfini ta' bejn il-Fgura u Ħal Tarxien, liema proprjetà tappartjeni lill-individwu li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li għal xi raġuni għalkemm l-awtoritajiet jidhru li qed jikkomunikaw mal-individwu, dan qed jarmi l-manure kontinwament għad-detrement tar-residenti li jgħixu fil-madwar li ma jistgħux saħansitra jiftħu t-twieqi tagħhom kemm minħabba rwejjaħ kif ukoll minħabba li d-dbieben u n-nemus ma jipprovdix għajr mikrobi u mard? F'dan il-kuntest x'passi ittieħdu fil-konfront ta' sid din il-proprjetà, x'inhi r-raġuni li għadu għaddej b'din l-attività?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċieva dan l-ilment, saret l-ewwel spezzjoni fid-9 ta’ Ġunju, 2010 minn uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat fir-razzett u fl-għalqa msemmija, liema lment ġie kkonfermat. Is-sid tar-razzett ġie mwiddeb kif ukoll ġie infurmat bil-miktub sabiex ineħħi l-akkumulu tal-manure. Spezzjonijiet ulterjuri minn uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat saru ukoll fis-16 u fis-17 ta’ Ġunju fejn ġie kkonfermat li l-imsemmi akkumulu kien beda jitneħħa. Fil-fatt fit-18 ta’Ġunju ġie kkonfermat li l-akkumulu kien tneħħa għal kollox.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — splussivi miżmuma
Question
Rigward il-containers tal-isplussiv li kienu qed jinżammu fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Humanitarian Aid Marsa, jista' l-Ministru jgħid:
1. Kemm damu hemm u jekk dawn ħallsux xi flus;
2. Jekk ħallsu kemm kien l-ammont u lil min tħallsu jekk hux lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jew jekk il-flus marrux
revenue
; u
3. Kemm jintefqu flus fil-
fuel
li jintuża mill-iskwadra tal- Marine Protezzjoni Ċivili u jekk jinżammux
records
tal-
fuel
li jintuża?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi dawn iż-żewġ punti qegħdin jiġu kkunsidrati fil-kuntest tal-inkjesta interna li kienet twaqfet fit-13 ta' Mejju 2010.
Tista' l-Ministru tgħid x’wassal sabiex min ħa t-tender ta’ eurovision co-ordinator, twaqqaf mill-funzjoni li kien qed iwettaq u għal liema raġuni? Kien hu biss mill-kumitat konsultattiv li twaqqaf?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Mhux minnu li l-Eurovision Coordinator twaqqaf mix-xoghol tiegħu. Huwa ġie infurmat li skont l-kuntratt tiegħu dan kien se jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2010. Il-Eurovision Coordinator qatt ma kien jagħmel parti mill-Kumitat Konsultattiv u dan kien jattendi għall-laqgħat ta’ dan il-Kumitat meta jkun mitlub biex jagħmel dan.
Tista' l-Ministru tgħid kemm tħallas l-eurovision co-ordinator, jekk hux l-ammont kif stipulat fit-tender jew jekk hux prorata? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċedola tal-ħlas?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Eurovision Coordinator qiegħed jitħallas skont il-kuntratt li għandu mal-PBS. Ma narax li għandi npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra iċ-ċedola tal-ħlas minħabba raġunijiet kummerċjali.
Eurovision — materjal pubbliċitarju jew promozzjonali mal-kantanta
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm sewwa l-materjal pubbliċitarju jew promozzjonali relatat mal-kantanta Maltija tal-Eurovision? Kemm tqassam minn dan il-materjal barra minn Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-materjal promozzjonali li kien jinkludi: T-Shirts, Data CDs, Cds, postcards u posters sewa €10,386.
Tqassmu 700 T-Shirt, 1000 CD, 1500 DataCd, 50 Poster u 700 postcard.
Arretrati ta' pagamenti pendenti rigward airtime u riklamar
Question
Tista' l-Ministru tgħid kif inhi l-prassi ta’ kif jitħallsu arretrati ta’ pagamenti pendenti, kemm minħabba ħlasijiet dovuti rigward airtime, riklamar, hu x’inhu? Kemm hemm arretrati dovuti, globali lill-Public Broadcasting Service, jiġifieri jekk jittieħdu jew ma jittieħdux passi legali? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument ta’ min u kemm huwa dovut, ossia bħala individwu jew kumpanija mill-bidu ta’ 2008 sal-lum u kemm tħallsu l-avukati tax-xogħol legali li wettqu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-prassi adottata mill-Public Broadcasting Services ta’ kif jitħallsu arrettrati u kif isiru pagamenti dovuti hi bbażata fuq prassi addottata minn kwalunkwe’ kumpanija kummerċjali. Fuq kollox, il-prassi hi skont in-normi ta’ kif isir il-kummerċ u skont il-pariri professjonali tal-awdituri tal-PBS.
F’dawn l-aħħar snin, id-dipartiment tal-finanzi tal-PBS tejjeb bil-bosta l-operat tiegħu minħabba dawn il-pariri.
Madanakollu, minħabba li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru hi purament ta’ natura kummerċjali, sensittiva u kunfidenzjali, mhux għaqli li tingħata din l-informazzjoni.
Air Malta — ħaddiema quddiem il-bord ta' dixxiplina
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex numru ta' impjegati li kienu għaddew dixxiplina quddiem il-Bord ta' Dixxiplina fl-Air Malta u li l-każ tagħhom ġie deċiż meta ma kienx hemm it-tkeċċija rakkmandata, għadhom sal-lum ma daħlux għax-xogħol u dan minħabba l-Omas Pass?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Air Malta ma’ għandha l-ebda ġurizdizzjoni fuq meta jinħareġ l-OMAS pass.
Il-ħruġ ta’ l-OMAS pass isir mill-Uffiċċju tal-Manager Airport Security. Fil-kas tal-impjegati msemmija l-applikazzjoni għall-ħruġ ta’ l-OMAS pass tagħhom trid tgħaddi mill-Airport Security Committee qabel il-pass jinħareġ.
Ta’ min isemmi li l-Air Malta ħadet ħsieb li tapplika għall-OMAS passes ta’ dawn l-impjegati immedjatament malli ħarġet id-deċiżjoni tal-kumpanija li fiha ma’ ġietx rakkmandata t-tkeċċija. Dawn l-applikazzjonijiet ittieħdu ‘by hand’ fl-uffiċċju tal-Manager Airport Security biex minn naħħa ta’ l-Air Malta ma jnkux hemm dewmien.
Dawn l-impjegati jaħdmu f’ restricted area fejn l-aċċess għal din l-area isir biss permezz ta’ l-OMAS pass. Konsegwentement dawn l-impjegati ma jistawx jidħlu f-din l-area biex jagħmlu x-xogħol normali tagħhom qabel jinħarġilhom l-OMAS pass.
Forzi Armati ta' Malta — C Special Duties Company - membri
Question
Jista' l-Prim Ministru jispjega u jfisser għaliex numru żgħir ta' 15-il membru tal-Forzi Armati li qegħdin fis-C Special Duties Company huma diskriminati minn membri oħra tal-Armata meta dawn ma jistgħux sal-lum jagħmlu request biex jiġu transferred f'sezzjonijiet oħra fl-Armata, u dan għax jidher li dawn ġew impoġġija f'kuntratt indefenit kontrarjament għal membri oħra tal-istess Forzi Armatai? Jara li dan il-grupp żgħir ta' 15 il-membru fl-Armata għandu jiġi mpoġġi fl-istess kundizzjonijiet li qegħdin membri oħra fl-Armata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant kienu voluntarjament ngaġġaw fil-Forzi Armati ta’ Malta wara żewġ sejħiet b’termini u kundizzjonijiet speċifiċi fil-Gazzetta tal-Gvern sabiex iservu fis-‘C’ (Special Duties) Company u allura bl-obligi li japplikaw għal din il-kumpanija.
Għalkemm il-gruppi ta’ suldati li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant oriġinalment kellhom iservu fis C (Special Duties) Company għat-tul kollu tas-servizz tagħhom, dan l-aħħar ġie deċiż illi dawn jingħataw il-possibilità li jiġu trasferiti għal xi sezzjoni oħra tal-FAM wara li jgħalqu tnax il-sena servizz f’din il-kumpanija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru toroq residenzjali f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm saru toroq li ġew imwegħda mil-lista li kien ħabbar l-Ministru preċedenti Jesmond Mugliett? Jista' jgħid jekk hux qed tingħata preċedenza lil dawk it-toroq li jinsabu f'din l-istess lista u kemm-il triq baqa' sabiex jiġu asfaltati minn dik il-lista? Jista' jgħid ukoll kemm ġew jiswew aktar milli previst dawn it-toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, jien infurmat li peress li f'dawn l-aħħar għaxar snin sar ħafna xogħol fuq toroq residenzjali sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba jeħtieġ ħafna xogħol li mhux kkunsidrat cost-effective li jsir.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal-lista ta' toroq li tlestew mill-2006 sal-aħħar tal-2009 u li kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 5600.
Jien infurmat li fil-fatt qed tingħata preċedenza lill dawk it-toroq li jinsabu fil-lista li kien ħabbar il-Ministru preċedenti u li minnhom għad fadal 246 triq x'tinbena.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, jien infurmat li din ukoll teħtieġ kwantità estensiva ta' xogħol biex tinġabar u mhux cost-effective li dan ix-xogħol isir.