Legislature:
Category:
Reset
Active:

War pension

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ tal-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li jirċievi l-war pension mill-Ingilterra - u dan dejjem irċieva din il-pensjoni mill-Ingilterra - u issa wara 11-il sena qed jiġi mġiegħel iħallas ammont ta' £19,000 għax skont huma tħallsu żejda, meta dan dejjem irċieva l-ammont li huwa kien intqal minnhom stess li huwa dovut? Taħseb il-Ministru li dawn qatt ma setgħu jiġu miltuba lura lil ċittadin Malti stante li huwa qed jirċevihom f'Malta u oltre minn dan, li mingħajr preġudizzju dawn huma preskritti skont il-liġi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna ndikata minnu jew persuna tal-fiduċja tagħha biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għal aktar informazzjoni.
Leg 11 PQ #23559 Sitting 313 2011-02-14 Oral · Interim From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Area of Rationalisation — extension

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-policy fejn hemm area of rationalisation bħalma huwa l-każ tal-applikazzjoni tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u għandha tarbija ta' tmien xhur, għandhiex tiġi kkunsidrata li tista' tagħmel applikazzjoni għal extension li tinkludi żieda ta' żewġ kmamar fl-istess dar imsemmija? Dan huwa każ ċar umanitarju li qed jiġi miltub li jiġi kkunsidrat mill-aktar fis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

Selmun Palace Hotel — lukanda

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju ta' proċess wasal il-bejgħ tas-Selmun Palace Hotel u għal liema prezz se tinbiegħ din il-lukanda? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-fondi li jistgħu jidħlu minn dan il-bejgħ hux se jmur għall-gvern jew inkella għall-Air Malta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #23277 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

identity cards foloz

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tressqu nies mis-sena 2003 sal-lum fuq reati konnessi mal-identity cards, jiġifieri fuq ħruġ ta’ identity cards foloz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa fejn jirrigwardja lill-Uffiċċju Elettorali, dan l-Uffiċċju, fil-perijodu indikat, ma ressaqx il-Qorti lil ebda persuni fuq reati konnessi ma' ħruġ ta' identity cards foloz. Madankollu mhux eskluż li l-pulizija jista jkun resqu xi persuni b’ dawn l-akkużi.
Leg 11 PQ #23278 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Interim From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

identity cards mitlufa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li rrappurtaw li ntilfet l-identity card mis-sena 2003 sal-lum u kemm inħarġu rispettivament, kif ukoll kemm ġew rifjutati milli jinħarġu identity cards f’dan ir-rigward?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #23279 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

identity card duplikata jew falza

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’inhi l-parti tas-sistema li tassigura li fl-ebda ħin ma tista’ tinħareġ identity card duplikata jew falza, jiġifieri ritratt ta’ individwu b’informazzjoni ta’ ħaddieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li s-sistema, għal ħrug ta' identity card ġdida, fil-format kif inhi llum, lil persuna li tirrapporta li tilfet jew insterqitilha l-identity card tagħha oriġinali, hi li l-persuna tiġi mitluba tagħmel rapport għand uffiċjal tal-pulizija. Dik il-persuna, imbagħad, tmur fl-Uffiċċju Elettorali, tgħaddi għand l-uffiċjal tal-pulizija li hu stazzjonat fl-istess Uffiċċju, tagħmel affidavit, u wara li jiġu pproċessati d-dokumenti relevanti, dik l-istess persuna tgħaddi mill-proċess normali ta' ritratt u formalitajiet oħra għal ħrug ta' identity card ġdida bl-informazzjoni imqabbla u kkonfermata mal-common database fl-Uffiċċju tar-Registru Pubbliku. F'kull stadju hemm il-faċilita' li l-persuna titqabbel mar-ritratt ta' qabel fis-sistemi tal-kompjuter biex b'hekk iċ-ċans ta' ingann ikun remot ħafna. Sadattant, fir-rekords tal-Uffiċċju Elettorali tidħol nota li lil dik il-persuna nħarġitilha identity card duplikata.
Leg 11 PQ #23280 Sitting 310 2011-02-07 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

każijiet ta’ frodi relatati ma' użu ta’ identity cards

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ frodi relatat ma' użu ta’ identity cards ġie rappurtat mis-sena 2003 sal-lum u kemm minn dawn tressqu quddiem il-gustizzja u x’sentenza ngħatat ġaladarba ġew ikkundannati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma ta' statistika, però tinżamm statistika dwar każijiet ta' frodi in ġenerali kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-

Nies li jirreġistraw għax-xogħol — xogħol fil-komunità

Question

Tista' l-Ministru tispjega l-mertu ta' kif jiġu magħżula minn fost nies li jirreġistraw għax-xogħol, sabiex iwettqu xogħol fil-komunità u kemm huwa l-ammont ta' nies li jinsabu jaħdmu fuq din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta ġiet imħabbra l-iskema din kienet tapplika biss għal dawk il-persuni li kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol għal ħames snin jew aktar u li jkunu jirċievu l-benefiċċju tal-qagħad. Il-parteċipanti jintgħazlu skont it-talbiet li jkollha l-ETC mill-entitajiet eleġibbli li jibbenefikaw. Hemm imbagħad kunsiderazzjonijiet oħra li wieħed irid jara fosthom: il-ħiliet mitluba mill-entitajiet skond ix-xogħol mitlub; il-lokalitajiet minn fejn ġejjin it-talbiet għaliex l-ebda parteċipant ma jista’ jintbagħat fl-istess lokalita` fejn ikun residenti. Dan ma japplikax meta l-entità involuta ma tkunx kunsill lokali. Biex ma jkunx hemm spejjeż żejda ta` transport għall-partecipanti, naraw li l-ebda parteċipant ma jkollu juża t-trasport pubbliku aktar minn darbtejn kuljum. Bħalissa hemm 160 parteċipant fl-iskema, liema numru jvarja skond it-talbiet li jkollna minn żmien għal żmien. Dan in-numru se jiżdied fil-ġimgħat li ġejjin bid-dħul ta` parteċipanti ġodda.

Nollijiet ġodda tal-karozzi tal-linja — żieda lill-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk ġiex ikkunsidrat il-fatt li minn meta jidħlu n-nollijiet l-ġodda tal-karozza tal-linja, li se jkunu ogħla minn dawk tal-lum, dawk il-ħaddiema li qed jagħmlu xogħol fil-komunita' humiex se jingħataw żieda peress li hemm min saħansitra jrid jirkeb erba' karozzi tal-linja kuljum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif irreferejt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23073, waħda mir-regoli tal-Iskema hi li l-parteċipanti mhumiex meħtieġa jużaw it-trasport pubbliku aktar minn darbtejn kuljum. Ma jirriżultax li hemm xi parteċipant, li kif qal l-Onor. Interpellant li qed ikollu jirkeb erba karozzi tal-linja kuljum. Jekk jirriżulta li hemm xi parteċipant li qed ikollu juża l-karozza tal-linja erba darbiet kuljum dan qed isir mingħajr ma huma nfurmati l-persuni responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Iskema fi ħdan il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Għaldaqstant il-persuna inkwistjoni għandha tinforma b`dan lil dawk responsabbli biex jinstab rimedju immedjatament .

Xogħol fil-komunità — sick leave u vacation leave

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk hux minnu li dawk li ġew magħżula sabiex jaħdmu fl-iskema xogħol fil-komunità mhumiex intitolati la għal sick leave u lanqas vacation leave? Tista' l-Ministru tikkonferma ukoll li jekk impjegat ma jersaqx għax-xogħol għal jum, dan irid xorta jaħdem is-sigħat nieqsa sabiex ilaħħaq l-ammont ta' 780 siegħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-parteċipanti fl-iskema mhumiex impjegati u għalhekk mhumiex intitolati għal sick leave jew għal vacation leave. Meta jkunu, għal xi raġuni assenti, jaħdmu s-sigħat meħtieġa meta jkunu jistgħu biex ilaħħqu l-ammont ta’ siegħat stabbiliti.

skema xogħol fil-komunità — kundizzjonijiet diskriminatorji

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk taqbilx bil-mod kif qed titħaddem l-iskema tax-xogħol fil-komunità li toffri kundizzjonijiet diskriminatorji fil-konfront ta' dawn il-ħaddiema tal-iskema, meta jaraw li sħabhom u kollegi fuq il-post tax-xogħol għandhom il-possibilità ta' sick leave u vacation leave? Ma taħsibx li wasal iż-żmien li dawn il-ħaddiema, fuq bażi pro rata għandhom jingħataw kemm vacation leave u ossia sick leave u dan fl-iqsar żmien possibili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-parteċipanti f’din l-Iskema m’għandhomx status ta’ impjegati iżda ta’ reġistranti. Għaldaqstant m’għandhomx kundizzjonijiet ta’ impjegati imma ta’ parteċipanti.

Skema xogħol fil-komunità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilha topera l-iskema tax-xogħol fil-komunità, kemm minn dawk magħżula ilhom fl-iskema, kemm minnhom tbiddlu ma' oħrajn li jinsabu jirreġistraw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kemm ilha li bdiet l-iskema, cioe` minn Awwissu 2009, ġew imsejħa biex jiġu intervistati dwar l-iskema madwar 290 peruna li kienu eleġibbli li jidħlu fl-iskema. Bħalissa hemm 75 persuna li se jkunu ilhom 18 il-xahar fl-iskema, 52 persuna 12 il-xahar u 35 persuna 6 xhur. 71 persuna oħra bdew fl-iskema imma minħabba raġunijiet varji ma baqgħux u allura fejn kien possibli ġew mibdula ma` oħrajn. Dan ifisser li pparteċipaw fl-iskema total ta’ 233 persuna. Il-kumplament ta’ dawk intervistati għadhom fuq ir-reġistru tax-xogħol jistennew li jidħlu fl-iskema meta jkun hemm talba. Lejn nofs Frar se jibdew mal-40 parteċipant ġdid.

Proġett tal-wied propost mis-Salina sa Burmarrad

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett tal-wied propost mis-Salina sa Burmarrad għadux fil-ħsieb li jsir? Jekk iva, meta allura l-gvern beħsiebu jibda x-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 22646 u 21988.

Kontribuzzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħallset f'kontribuzzjonijiet l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, stante li din ħadmet mill-1974-1980?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jinforma l-persuna indikata minnu biex tavviċina l-Uffiċjal inkarigat mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali tal-Belt jew raħal tagħha jew iċċempel fuq in-numru 159 għal aktar informazzjoni.
Leg 11 PQ #23021 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Interim From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — skema ikkwotata miċ-Chairman

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma dak li ġie kwotat mic-Chariman tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fil-ħarġa ta' The Sunday Times datat 1 ta' Awwissu 2010 li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar qegħda taħdem fuq skema u nikkwota "which will regularise their position following a screening process, intended to prevent people taking advantage" u dan in vista li hemm każijiet ġenwini li jistgħu taħt din l-iskema jiġu solvuti mingħajr bżonn ta' bdil fil-binja u danni strutturali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.

Persuna bil-liċenzja ta' hawker

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li għandu liċenzja ta' hawker qiegħed kull darba jinżamm milli jarma il-monti tal-Ħadd f'Marsaxlokk? Jista' jgħid min huwa l-persuna li qegħda tieħu responsabilià li tagħti ordni biex il-persuna ma jeżerċitax l-liċenzja ġustament maħruġa lilu bħala hawker,u fiex hija l-ordni leġittima maħruġa mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Jista' jara li la darba persuna anzjana għandha dritt li tkompli taħdem u din għandha liċenzja ta' hawker għandha titħalla hekk tagħmel dan skont il-liġi?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bl-iskop li jiġi regolarizzat il-monti ta’ Marsaxlokk saru erba’ spezzjonijiet fi Ħdud konsekuttivi li bdew fis-17 ta’ Ottubru u spiċċaw fil-27 ta’ Novembru 2010. Waqt dawn l-ispezzjonijiet, ġew identifikati dawk il-bejjiegħa li ma kellhomx liċenzja biex joperaw minn suq. Fost dawn il-bejjiegħa kien hemm il-persuna li d-dettalji tagħha ġew provduti separatament mill-Onorevoli Interpellant. Dawk il-bejjiegħa li kienu qed joperaw mingħajr liċenzja fosthom il-persuna msemmija ġew ordnati mill-pulizija biex ma jibqgħux joperaw għaliex inkella tittieħed azzjoni legali kontrihom. Hawnhekk tajjeb ta’ min isemmi li l-persuna msemmija kienet ikanċellat il-liċenzja tagħha fit-8 ta’ Awwissu 2003 għalhekk żgur fi żmien li saru l-ispezzjonijiet kienet qiegħda topera kontra l-liġi. Din il-persuna fil-fatt reġgħet applikat għal liċenzja fil-15 ta’ Novembru 2010 u nħarġitilha liċenzja rispettiva fid-19 ta’ Jannar 2011. Peress li l-post minn fejn qed joperaw il-bejjiegħa tal-Monti tal-Ħadd ta’ Marsaxlokk huwa post ristrett giet mogħtija preferenza ovvjament lil dawk li kienu qed joperaw skont il-liġi cioe’ dawk li kellhom liċenzja. Dawk li ġabu liċenzja wara l-eżerċizzju, li jridu jagħmlu huwa li japplikaw mal-Kunsill Lokali kkonċernat u li jitpoġġa fuq il- waiting list (skont id-data ta’ l-applikazzjoni tiegħu mal-Kunsill) biex meta jikun hemm spazju jitħallew joperaw.

Refund tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li kellhom jirċievu r-refund tat-taxxa sa Diċembru 2010 irċevewhx? Kemm kienu dawk li rċevew dan ir-refund? Kemm huwa n-numru ta' dawk li kellhom jirċievu dan ir-refund tat-taxxa mingħand il-Kummissarju tat-Taxxi Interni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ persuni li sal-aħħar ta’ Diċembru kien dovut lilhom refund kien 12,009.

Refund tat-taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li kellhom jirċievu r-refund tat-taxxa sa Diċembru 2010 irċevewhx? Kemm kienu dawk li rċevew dan ir-refund? Kemm huwa n-numru ta' dawk li kellhom jirċievu dan ir-refund tat-taxxa mingħand il-Kummissarju tat-Taxxi Interni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #22336 Sitting 296 2011-01-10 Oral · Interim From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — każ rapportat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jżomm milli jinstema' l-każ ta' EC/00674/06 diġà rapportat snin ilu minn terzi lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għall-azzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

Sptar Sir Paul Boffa — servizz ta' wi-fi

Question

Jista' l-Ministru jara li fl-Isptar Sir Paul Boffa jkun hemm is-servizz b'xejn tal-wi-fi speċjalment meta l-pazjenti jkunu hemm fit-tul ħalli dawn ikollhom l-aċċess għall-internet u e-mails u aktar meta jidher li l-Melita Cable hija lesta biex tagħti dan is-servizz b'xejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant ġie nnutat. Infurmat li bħalissa l-management tal-iSptar Sir Paul Boffa għaddej b’diskussjonijiet ma’ service providers ewlenin dwar servizzi li huma aktar bażiċi u bżonnjużi għall-pazjenti u l-viżitaturi.