Legislature:
Category:
Reset
Active:

Persuni li sabu xogħol permezz tal-ETC

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi statistika ta’ dawk li sabu xogħol bl-għajnuna tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, liema statistika tkun tinkorpora l-lokalità residenzjali ta’ kull individwu u tkun tkopri minn Jannar 2008 sa Awissu 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — nefqa fuq safar

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-2008 sal-lum minn uffiċjali li jaqgħu fi ħdan ir-responsabbiltà tagħha, jiġifieri minn uffiċjali fl-awtoritajiet, dipartimenti governattivi u oħrajn? Tista' tagħti d-destinazzjoni u l-iskop tas-safra? Tista' tagħti din l-informazzjoni ukoll għar-rigward tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miż-Żgħażagħ u Sport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kumplament ta’ l-Informazzjoni jiġifieri dik ta’ l-Università ta’ Malta u tad-Direttorat għal Servizzi Korporattivi hekk kif mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari numru 25236
Leg 11 PQ #27583 Sitting 387 2011-10-03 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kummissajru tal-Pulizija — enforcement neċessarju għall-kiosks fil-bajjiet

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Kummissarju tal-Pulizija hux japplika l-enforcement neċessarju sabiex il-kiosks li jintramaw fil-bajjiet, (liema permess jippermetti li jarmaw minn Mejju u jżarmaw f'Ottubru) huwiex jiġi eżegwit?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel spezzjonijiet dwar kiosks sabiex ikun zgurat li dawn ikunu qed joperaw skont il-permessi relattivi tagħhom.
Leg 11 PQ #27584 Sitting 387 2011-10-03 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — bajjiet - platform tal-konkos

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux infurmat li l-kiosks li jintramaw fil-bajjiet, fil-maġġoranza tagħhom għandhom platform tal-konkos? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tatx permess għal dan? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-permessi għal min ġiet approvata tali struttura tal-konkos?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant biex ikun iktar speċifiku għall-liema bajja jew liema kiosks qed jirreferi, biex l-Awtorita’ tkun tista’ tiġbor u tagħti l-informazzjoni mitluba.

Direttorat — inspections fuq kiosks

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk humiex isiru inspections mid-direttorat imsemmi fir-rigward ta' kiosks armati fil-bajjiet, mnejn jinbiegħu prodotti tal-ikel u saħansitra jsir tisjir tal-ikel u fejn jiġi storjat ukoll apparat bħal umbrellel, beach beds u deck chairs fl-istess kiosk, u kif dawn m'għandhomx faċilitajiet sanitarji adekwati? Jista' jipprovdi elenku tal-ispezzjonijiet u l-azzjonijiet li ttieħdu mid-direttorat, lokal b'lokal u dan mis-sena 2008 sa 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-Artijiet — sidien ta' kiosks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn sidien ta' kiosks li għandhom aktar minn kiosk wieħed li ġie mogħti l-istess permess mid-Dipartiment tal-Artijiet? Għall-fini tal-liġi, dan jista' jseħħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament, hemm żewġ sidien ta’ kjosks li għandhom il-permess biex joperaw aktar minn kjosk wieħed. Ma teżisti l-ebda restrizzjoni li żżomm lil xi persuna milli jkollha permess fuq iktar minn kjosk wieħed.
Leg 11 PQ #27587 Sitting 387 2011-10-03 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għadira — Beach management - makkinarju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed tiswa lill-gvern il-beach management tal-Għadira? Jista' jgħid jekk il-makkinarju li jintuża fl-Għadira hux qed jiġi użat f'bnadi oħra madwar il-pajjiż fejn hemm il-beach management? Jista' jgħid x'inhuma l-ispejjeż li qed ikollhom iħallsu l-kontributuri għall-beach management u jgħid f'liema lokalitajiet dawn il-bajjiet għandhom dan il-beach management?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-beach management tal-Għadira (Mellieha) min-naħa tal-MTA jiswa madwar Euro 130.600 u jinkludi sand-sifting, servizz ta’ lifeguards, superviżjoni tal-bajja., u għamara (lifeguard towers, clinic, beach trotters għal nies b’diżabilita etc.). Spejjeż oħra jinkludu attivitajiet edukattivi, tabelli ta’informazzjoni, moniteraġġ tal-ilma u vandaliżmu. It-tindif u ġbir ta’ skart min fuq il-bajja isir mill- Cleasing Unit tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali (MRRA). L-MTA ma’għandha ebda makkinarju li jintuża fl-Għadira. Il-kontribuzzjonijiet totali għall- beach management li jinġabru mill-operaturi ta’ Għadira jammontaw għal madwar Euro 6,990 fis-sena (2010). L-MTA timmaniġġja l-bajjiet tal-Għadira, San Gorġ (San Ġiljan), Buġibba Perched Beach , Golden Sands, Qawra Point u Fond Għadir. Barra minn dan, tingħata assistenza ta’ madwar Euro 58,000 għal- lifeguards fuq Kemmuna kif ukoll lill- Fondazzjoni GAIA għall- lifeguards fuq il-bajjiet tar-Ramla (Għawdex) u Għajn Tuiffieħa.
Leg 11 PQ #27588 Sitting 387 2011-10-03 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Beach Management — kontribuzzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk fil-preżent, dawk li għandhom il-beach management s'issa qed iħallsu ftit iktar minn €1,000 u jekk huwiex intenzjonat li din il-kontribuzzjoni se titla' għal aktar minn €12,000? F'dan il-każ, jista' jagħti raġuni preċiża għal tali żieda fil-kontribuzzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-preżent għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Gvern (MTA) u l-operaturi fuq beach management charge għall-bajja tal-Għadira (Mellieħa) Iż-żieda tkun tirrifletti parti mill-ispejjeż għall-beach management ta’ din il-bajja, kif ġew mogħtija fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari nru.27587.

Formola tal-VAT — multi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li huma diversi dawk li għadhom ma rċevewx il-formola tal-VAT perjodu 15 ta' Lulju 2011? Jista' jgħid kif se jassigura li ebda multa mhi se tiġi maħruġa minħabba n-nuqqas ta' attenzjoni tal-istess dipartiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ attenzjoni mid-Dipartiment tal-VAT rigward il-formoli tal-VAT li ntbagħtu u li jagħlqu fil-15 ta’ Lulju 2011. Id-Dipartiment bagħat id-Denunzji kollha dovuti permezz tal-posta fl-ewwel ġimgħa ta’ Ġunju. Jekk għal xi raġuni xi persuna jew persuni ma rċivewx id-denunzja dawn għandhom l-obbligu li jinfurmaw lid-Dipartiment tal-VAT ħalli tintbagħtilhom denunzja oħra, kif isir f’cirkustanzi simili.

VAT returns — inkonvenjent

Question

Jista' l-Ministru jagħti raġuni kif VAT returns li jagħlqu fil-15 t'Awwissu 2011 għadhom ma ntbagħtux meta bħalissa suppost diġà ntbagħtu? Ma jaħsibx li dan se joħloq inkonvenjent lil diversi u jista' jkun il-każ li dawn se jiġu ntaxxati multi għaliex ma jkunux laħqu bagħtu l-formola fiż-żmien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda obbligu legali mid-Dipartiment tal-VAT li jintbagħtu d-denunzji tal-VAT lill-persuni reġistrati ħafna ġimgħat qabel l-għeluq ta’ dawn id-Denunzji. Id-denunzji tal-VAT illum qed ikollhom ukoll magħhom l-istatement li juri l-bilanċ dovut tal-persuna reġistrata, sabiex kull persuna tkun taf fiċ-ċert il-pożizzjoni tagħha mad-Dipartiment. Għaldaqstant dan l-istatement ma jistax jinħareg qabel ċerti proċessi fis-sistema jsiru kollha. L-aħħar grupp ta’ denunzji li jagħlqu fil-15 t’ Awissu 2011 ġew impustati fil-11 ta’ Lulju 2011. Għaldaqstant jifdal żmien biżżejjed sabiex wieħed jilħaq jimla’ u jibgħat id-denunzja tiegħu saż-żmien stipulat. Barraminhekk, id-Dipartiment tal-VAT joffri wkoll servizz lil kulħadd li permezz tiegħu wieħed jista’ jibgħat id-denunzja online fi xħin irid.

Direttorat tat-Trade — fixed hawkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direttorat ta' trade ħareġ permessi ta' hawkers fuq bażi ta' fixed hawkers?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi kemm ilu li d-Dipartiment tat-Trade ħa f'idejh il-liċenzji ta' fixed hawkers mill-2002 'l hawn, ma ngħatawx liċenzji ta' dan it-tip.

Dipartiment tat-trade — bajjiet - mobile fixed kiosks

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk id-dipartiment tat-trade, jippermettix li kiosks tal-bajjiet u areas turistiċi jkollhom permess ta' mobile fixed kiosks?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permessi għall-mobile fixed kiosks jinħarġu mill-Awtorità Maltija tat-Turizmu b'kollaborazzjoni mal-Government Property Department.

Dipartiment tal-Artijiet — mobile fixed kiosks

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu permessi mid-Dipartiment tal-Artijiet għall-mobile fixed kiosks?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27582.

Direttorat tal-Property Division — permess biex kiosks jarmaw fuq bajja

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma mad-Direttorat tal-Property Division, kemm huma l-kiosks li ngħataw permess jarmaw fil-bajjiet fuq ir-ramel u għal kemm-il xahar jistgħu jarmaw? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi maħruġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba l-fatt li d–Dipartiment tal-Artijiet flimkien mal-Awtorità tat-Turiżmu u l-MEPA qegħdin ifasslu policy ġdida fuq il-kjosks, sa issa, din is-sena ħarġu biss il-permessi tal-kjosks fil-Bajja tal-Għadira. Dan peress li l-policy għal din il-bajja hija konkluża u dawn il-kjosks qegħdin jiġu moniterjati mill-Awtorità tat-Turiżmu. Fl-Għadira inħarġu 7 permessi għall-kjosks u dawn għandhom permess li joperaw mill-15 ta’ Mejju sal-15 t’Ottubru 2011. Kopji tal-permessi maħruġa ma jistgħux jingħataw minħabba raġuni ta’ kunfidenzjalità.
Leg 11 PQ #25855 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Marsa — Triq is-Salib - miżbla

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fi Triq is-Salib tal-Marsa, quddiem il-Bank of Valletta, għad hemm ħofra jew barriera, li ilha hemm diversi snin li l-unika skop tagħha llum huwa sempliċiment ta' miżbla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi s-sit li qed issir riferenza għaliha kienet tħaffret xi snin ilu sabiex isir żvilupp skont permessi maħruġa. Pero l-iżviluppatur għoġbu jwaqqaf l-iżvilupp fejn tħalliet il-ħofra preżenti. Fil-frattemp kienu nħarġu żewġ Avviżi t’Infurzar fejn is-sid kien ordnat jottempora ruħu mal-kundizzjonijiet tal-permessi billi jtella’ lqugħ xieraq madwar l-art u jordom il-ħofra sabiex jieqaf milli jagħmel ħsara għad-dehra u s-siwi taż-żona. Kien hawn meta l-ħofra iddawret b’barrikati tal-konkos. Kienu saru anke rapporti lill-Pulizija rigward periklu lill-pubbliku. L-Awtorità għadha ssegwi l-każ peress li l-Avviżi t’Infurzar għadhom operattivi.
Leg 11 PQ #26165 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Northwest Local Plan — emendi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk in-Northwest Local Plan li daħal fis-seħħ mill-11 ta' Awwissu 2006 għadux fis-seħħ, u jekk sarux xi emendi minn dak iż-żmien 'l hawn fir-rigward tal-pjan imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi l-Pjan Lokali għall-Majjistral ta' Malta ġie approvat fit-3 ta' Awwissu 2006. Minn dak in-nhar saru numru ta' emendi. Dawn kollha ġew sittomessi għal perjodi ta' konsultazzjoni pubblika u ġew approvati mill-MEPA Board waqt laqgħat publiċi. It-tibdiliet approvati jiġu fis-seħħ wara l-approvazzjoni tal-ministru responsabbli mil-MEPA. Dawn jinsabu fuq il-website tal-MEPA fil-link ipprovduta hawn taħt. http://www.mepa.org.mt/nwlp?doctypeid=1&groupid=77&plan=North West
Leg 11 PQ #26167 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — Mdina - bar u snack bar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif l-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu ħarġet liċenzja ta’ bar u snack bar meta l-permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent ta' Malta jkun ħareġ bħala exhibition hall? Jista’ jgħid kif saħansitra l-istess każ, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, mhux talli qed jopera bħala snack bar abbazi ta’ secondary ancillary dispensing facility, iżda qed jopera ta’ restaurant / wine bar meta mhux approvat mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dan il-għan, iżda ġie mogħti permess mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sa mis-sena 2008, bħala exhibition hall? Għaldaqstant, fuq liema mertu l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu ħarġet il-liċenzja ta’ bar u snack bar meta ma kienx hemm approvazzjoni mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal stabbiliment tal-ikel? Jista' jgħid kif dan għandu s-seating ġewwa l-istabbiliment b’mod irregolari għal skop ta’ servizz ta’ ikel u xorb? X'passi se jittieħdu fil-konfront ta’ dan l-istabbiliment u s-sid li qed joħloq inkonvenjent kbir għar-residenti u kif ukoll jista' jħalli lok ta’ abbuż sabiex jinħoloq preċedent?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fil-15 ta’ Mejju 2009, l-Awtorita’ ta’ Malta dwar it-Turiżmu ħarġet liċenza ta’ bar u snack bar fuq is-sit imsemmi wara li fit-18 ta’ Marzu 2008 l-MEPA approvat li jsir użu tal-post bħala sit ‘for the promotion and permanent display of artesian artifacts with secondary ancillary dispensing facility’ b’sensiela ta’ kundizzjonijiet fosthom li ma jsir l-ebda tisjir fis-sit u li ma jkunx hemm siġġijiet u mwejjed la ġewwa u l-anqas barra. Il-permess li ħarġet l-MTA jinkludi dawn iż-żewġ kundizzjonijiet imposti mill-MEPA. L-MTA, b’konsultazzjoni mal-MEPA u l-Pulizija, ser tinvestiga dawn l-allegati abbużi u tieħu l-passi neċessarji skont il-liġi.
Leg 11 PQ #26221 Sitting 383 2011-07-13 Oral · Final From: ANĠLU FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — stop order - air pollution

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid f’liema proċess waslet l-enforcement tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fir-rigward tal- stop order li ħarget lill-MOBC fir-rigward ta’ air pollution? Jista’ jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġitx l-istess stop order fil-konfront ta’ kumpanija privata li tagħmel l-istess xogħol, kif ukoll dak ta’ storage ta’ waste oils? Jista' jgħid ukoll jekk inħarġitx l-istess stop order fil-konfront tal-Korporazzjoni Enemalta fir-rigward tal-power station tal-Marsa li fl-istess żona qiegħda tagħmel xogħlijiet simili għal dak imwettaq mill-istess MOBC? Jista’ jikkonferma jekk it-tliet entitajiet humiex konformi mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ air pollution?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi l-MEPA qieghda tinforza l-stop order illi nħarget lill-MOBC, u waqqfet l-operat illi qed jikkawza tniġġis tal-arja fl-inħawi tal-Menqa. Trasferiment ta' ammont ta' fuel qiegħed jitħalla jsir taħt is-sorvelljanza u bil-permess tal-MEPA, sabiex jiġi żgurat illi dan jsir mingħajr dannu ambjentali; dan mhuwiex qed jitqies bħala ksur tal- stop order. Il-kumpanija privata li qiegħda fl-istess żona qiegħda timxi mal-kondizzjonijiet tal-permess tal-IPPC, u ntalbet wkoll illi tantiċipa l-implementazzjoni ta' ċertu miżuri rikjesti minn dan il-permess. Fir-rigward tal-power station tal-Marsa, qed issir talba minn naħa tal-MEPA sabiex jiġi varjat il-permess tal-IPPC, biex jitjiebu il-miżuri ta' kontroll ta' emissjonijiet mit-tankijiet, u b'hekk jiġu kontrollati l-emissjonijiet mill-operat ta' din l-entita li jinvolvu fuel. Ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea m'għandhomx limiti ċari dwar dawn it-tip ta' emissjonijiet, u għalhekk l-Awtorita' dehrilha illi hemm bżonn li taddotta miżuri iżjed stretti minn dawk kontemplati mir-regolamenti tal-IPPC.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar mill-2008 sal-lum minn uffiċjali li jaqgħu fi ħdan ir-responsabiltà tiegħu, jiġifieri minn uffiċjali fl-awtoritajiet, dipartimenti governattivi u oħrajn? Jista' jagħti d-destinazzjoni u l-iskop tas-safra?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

ETC — talba għall-impjieg

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm talba għall-impjieg ta’ nies minn fost persuni li kienu qed jirregistraw mal-Korporazzjoni għall-Impjieg u Taħriġ fis-sena 2010 mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu? Jekk fl-affermattiv, tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta’ dawn is-sejħiet, għal liema karigi kienu ntalbu dawn is-sejħiet u x’rikjesti ntalbu, fosthom il-kwalifikazzjonijiet, mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex il-persuni konċernati setgħu jkunu eliġibbli biex japplikaw jew jiġu mressqa għall-interview biex eventwalment jiġu mimlija dawn il-karigi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.