Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm intnefaq f'manutenzjoni fl-Isptar Mater Dei matul l-ewwel tmien xhur tas-sena 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li sal-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena l-ispiża mħallsa għall-manutenzjoni varja ta’ l-Isptar Mater Dei kienet kif ġej:
€
Spare Parts
483,301.67
Repair & Upkeep
588,596.55
Maintenance Vehicles
67,669.85
Facilities Management
3,534,001.91
Maintenance Medical Equipment
1,318,392.41
Total
5,991,962.39
Jista' l-Prim Ministru jpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-ispiza tas-salarji li jħallas il-Gvern ta' kull dipartiment separatament u skont il-gradi sa mis-sena 2004 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli, sena b’sena mis-sena 2004 ‘l hawn, li juru l-ispiża tas-salarji li ħallas il-Gvern fir-rigward ta’ kull dipartiment.
Biex tingħata risposta dettaljata bil-gradi, kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, trid ammont kbir ta’ riżorsi, u naħseb li jkun għaqli li r-riżorsi tal-Gvern jintużaw b’ l-iktar mod produttiv.
Spiza fuq salarji u perkaċċi li l-Gvern iħallas lill-awtoritajiet
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella tal-ispiza tas-salarji u perkaċċi li l-Gvern iħallas lill-awtoritajiet? Jistgħu dawn ikunu preżentati separatament skont il-gradi sa mis-sena 2004 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Persuni fuq assistenza soċjali u issa fuq pensjoni
Question
Tista' l-Ministru tipprovdi statistika ta’ kemm kienu dawk li kienu jirregistraw taħt Part 1 u Part 2 matul ix-xhur ta’ Gunju u Lulju 2011 li inqelbu fuq l-assistenza soċjali u kemm minnhom spiccaw jieħdu xi forma ta’ pensjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi minn dawk li jirreġistraw taħt l-ewwel parti tar-Reġistru matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju;
1. Kien hemm 15-il persuna li qalbu minn Għajnuna Soċjali għad-Diżimpieg/Benefiċċju għad-Diżimpieg/ Benefiċċju Speċjali għad-Diżimpieg għal Pensjoni tal-Età (mhux Kontributorja).
2. Kien hemm 214-il persuna li qalbu minn Għajnuna Soċjali għad-Diżimpieg/Benefiċċju għad-Diżimpieg/ Benefiċċju Speċjali għad-Diżimpieg għal Għajnuna Soċjali.
3. Kien hemm 20 persuna li qalbu minn Għajnuna Soċjali għad-Diżimpieg/Benefiċċju għad-Diżimpieg/ Benefiċċju Specjali għad-Diżimpieg għal Pensjoni taż-Żewġ Terzi.
4. Kien hemm 1505 persuna li qalbu minn Benefiċċju għad-Diżimpieg/Benefiċċju Speċjali għad-Diżimpieg għal Għajnuna Soċjali għad-Diżimpieg.
Minn dawk li kien hemm taħt it-tieni parti tar-reġistru ma kien hemm ħadd li inqaleb fuq l-assistenza soċjali jew li spiċċa jieħu xi forma ta’ pensjoni għall-istess perjodu.
Għaqda tan-nar tal-Mellieħa — applikazzjoni għal kamra tan-nar
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni mill-ġdid għal kamra tan-nar/fabbrika mill-għaqda tan-nar tal-Mellieha? Jista’ jgħid kemm-il darba saret din l-applikazzjoni u f’liema żona qed jiġi propost dan l-iżvilupp?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li skont is-sistema tal-informatika tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hemm applikazzjoni waħda magħmula mill-Għaqda tan-Nar Marija Bambina għall-kamra tan-nar. Infurmat ukoll illi din l-applikazzjoni saret darba biss. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji ta' din l-applikazzjoni.
Din l-informazzjoni nġabret billi nstabu l-applikazzjonijiet li jew fil-proposta tagħhom għandhom xi waħda mill-kliem "nar",
"fire"
jew
"pyro"
u huma fil-kunsill lokali tal-Mellieħa jew li l-kunjom jew l-indirizz għandhom il-kliem "Marija Bambina".
Jista' l-Ministru jipprovdi statistika tar-rapporti li tressqu lill-awtoritajiet mis-sena 2008 sal-lum, rigward każi ta' vandaliżmu u serq fil-lokalitajiet? Kemm-il każ minn dawk rapportati gie solvut mill-Korp tal-Pulizija? Kemm tressqu akkużati relatati mal-istess kazijiet? Nitlob li din l-istatistika tiġi
provduta sena b'sena, lokal b'lokal?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi statistika fuq każijiet ta' vandaliżmu ma tinżammx separata imma nklużi f'dawk ta' ħsara volontarja. Għalhekk qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatistika ta' ħsara volontarja u serq irrapurtat lill-Pulizija skont il-lokalita' minn Jannar tal-2008 sa Settembru tal-2011. Għar-rigward it-tieni, it-tielet u r-raba domanda ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika kompjuterizzata kif mitluba u għalhekk trid tinġabar manwalment.
Attachments:27964 - Vandalizmu u Serq Rappurtat 2008 2011.doc
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-karti tal-identità l-ġodda u meta huwa propost li jitlestew?
Response (GATT, AUSTIN)
Fil-waqt li l-iżvilupp tas-sistema jaqa taħt id-dekasteru tiegħi u miexi skont il-pjan, ir-responsabiltà tal-Mass Roll Out tal-karta ta' identità ma taqax taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru tiegħi imma tal-Uffiċju tal-Prim Ministru. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li rrappurtaw li ntilfet l-identity card mis-sena 2003 sal-lum u kemm inħarġu rispettivament, kif ukoll kemm ġew rifjutati milli jinħarġu identity cards f’dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li mill-2003 sal-aħħar ta’ Lulju 2011 ġew rrapurtati 65,507 karta tal-identità mitlufa waqt li nħarġu 54,159 ġodda.M’hijiex prassi li l-Uffiċċju Elettorali jirrifjuta li tinħareġ karta tal-identità f'każ li din tkun misruqa jew mitlufa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-policy fejn hemm area of rationalisation bħalma huwa l-każ tal-applikazzjoni tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, u għandha tarbija ta' tmien xhur, għandhiex tiġi kkunsidrata li tista' tagħmel applikazzjoni għal extension li tinkludi żieda ta' żewġ kmamar fl-istess dar imsemmija? Dan huwa każ ċar umanitarju li qed jiġi miltub li jiġi kkunsidrat mill-aktar fis?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li peress li sit inkwistjoni jinsab f’żona li ġiet inkluża bħala Scheme Rationalization Site ir-regolamenti tal-Avviż Legali L.N. 71/07 japplikaw. In partikolari, l-artiklu 2(3) ta’ dan l-avviż jindika li proposti ta’ żvilupp illi jżidu l-volum jew densità ta’ xi strutturi permessi fi Scheme Rationalazation Site m’għandhomx jiġu validati jew approvati mill-awtorità qabel ma tiġi ppreżentata u approvata applikazzjoni sabiex jiġi ppjanat l-istess Scheme Rationalazation Site skont il-provvedimenti ta dawn ir-regolamenti. S’issa l-awtorità m’għandha l-ebda applikazzjoni validasabiex jiġi ppjanat dan l-Scheme Rationalization Site.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx kunsilli li għad għandhom numru ta' toroq li jaqgħu fir-responsabbiltà tagħhom, li ma jistgħux isiru x-xogħlijiet fuqhom? Jista' jgħid liema huma dawn il-kunsilli, liema huma t-toroq u x'inhi r-raġuni għaliex ma jistgħux isiru x-xogħlijiet tant neċessarji għar-residenti fid-diversi lokalitajiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
eżenzjonijiet minn sidien kummerċjali fil-kontijiet tad-dawl u ilma
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument dettaljat ta' kemm intalbu eżenzjonijiet minn sidien kummerċjali u negozjanti għall-eżenzjonijiet u maħfriet mill-kontijiet tad-dawl u ilma? Jista' jagħti l-ammonti relatati mill-2008 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jiċċara l-mistoqsija tiegħu u jispjega xi jrid iffisser bil-kelma “eżenzjonijiet” għaliex ħadd m’hu eżentat milli jħallas l-kontijiet tad-dawl u ilma.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed jitħalla jrabbi animali fil-flat inkluz sriep u wkoll qed jħammeg u juża l-partijiet komuni tal-blokka tal-flats biex jarmi u jneħħi l-ħmieg tal-animali? Jidhirlu, min huwa responsabbli, li dan huwa kaz serju ex officio li l-awtorita' għandha tieħu passi immedjati u rimedjali? Dan kemm fl-interess tal-ordni pubbliku u wkoll dak tas-saħħa.
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi minn l-aħħar spezzjoni li għamlet il-Pulizija fis-7 ta' Ottubru 2011 fil-fond imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, irriżulta li dan il-flat huwa proprjeta' privata. Il-koppja li tgħix f’dan il-flat għandhom kelba u l-ġeru u żewġ qtates. Għandhom ukoll fenek żgħir ġo gaġġa. Fil-kamra tal-bejt dawn irabbu 5 ħamimiet ġo gaġġa u għandhom 3 sriep, ta’ speċi mhux protetta, ġo gaġġa oħra. Ma rriżultax li kien hemm xi ħmieġ.
Peress li rriżulta li l-klieb kienu mingħajr liċenzja renovata, ser jittieħdu proċeduri kirminali dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed jitħalla jrabbi animali fil-flat inkluz sriep u wkoll qed jħammeg u juża l-partijiet komuni tal-blokka tal-flats biex jarmi u jneħħi l-ħmieg tal-animali? Jidhirlu, min huwa responsabbli, li dan huwa kaz serju ex officio li l-awtorita' għandha tieħu passi immedjati u rimedjali? Dan kemm fl-interess tal-ordni pubblika u wkoll dak tas-saħħa.
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fir-Reġjun ta’ Nofsinhar fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali kien ġie rreġistrat ilment fis-26 ta’ Lulju 2011 dwar trobbija ta’ annimali fuq il-bejt komuni tal-blokk.
Kienet saret spezzjoni minn uffiċċjali ta’ dan id-Direttorat, l-għada fis-27 ta’ Lulju, 2011 fejn instabu żewġt iklieb fuq il-bejt li kienu f’kundizzjoni sanitarja sodisfaċenti. Min kien għamel l-ilment kien ġie nfurmat li jista’ jirrikorri għand l-Awtorità tad-Djar biex jirrapporta dwar tneħħija ta’ annimali f’postijiet tal-gvern.
Saret spezzjoni oħra fis-17 t’Awwissu minn uffiċċjal ta’ dan id-Direttorat iżda l-bieb ta’ barra tal-blokk kien imsakkar u ħadd mill-inkwilini tal-appartamenti ma fetaħ. L-uffiċċjal reġa` mar fit-18 t’Awwissu fejn instabu qattus u 3 ħamimiet f’guva fuq il-bejt. Dawn kienu fi stat sodisfaċenti ta’ iġjene, u ma kienx hemm irwejjaħ jintnu. Meta ħabbat il-bieb tal-inkwilini tal-fond indikat, ma wieġeb ħadd. Il-partijiet komuni ġewwa l-Blokk kienu ndaf u ma kienx hemm ħmieġ tal-annimali u skart ieħor u l-anqas irwejjaħ jintnu.
L-uffiċċjal se jibqa sa’ kemm jagħmel spezzjoni ġol-fond indikat rigward l-istat ta’ iġjene. Madanakollu jkun aktar oppourtun jekk tali mistoqsija tiġi wkoll referuta lill-Ministru kkonċernat mill-Awtorità tad-Djar dwar ksur ta’ kundizjonijiet magħmula minn tali awtorità.
Jista l-Ministru jgħid u jinforma lil din l-Kamra jekk saritx l-proċedura rikjesta mill-Ministeru tal-Gustizzja tal-Italja dwar t-trasferiment meħtieg tac-cittadin Malti mill-ħabs ta' Messina fi Sqallija għall-Malta u dan kif indikat fid-dokument, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-Onorevoli Membru huwa informat illi l-awtoritajiet Maltin infurmaw lill-awtoritajiet kompetenti Taljani li t-talba magħmula mill-priġunier in kwistjoni ġiet aċċettata mill-Gvern Malti.
Lista tat-toroq li saru u li għad iridu jsiru mill-Gvern Ċentrali
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ toroq li saru mill-Gvern Ċentrali kif imwieghed sa mis-sena 2004 sal-lum, lokal b’lokal? Jista' jgħid ukoll liema huma t-toroq li hemm proġettati li ser isiru minn Ottubru 2011 sas-sena 2013, lokal b’lokal? Jista' l-Ministru jippreżenta tabella tat-toroq proġettati li ser jsiru?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra –
1. il-listi ta' toroq li saru mill-2004 sal-lum;
2. il-programm ta' toroq sa nofs is-sena 2012.
Il-programm ta' xogħol mill-2012 sal-2013 għadu qed jiġi konkluż.
MTA u MHRA — ħlas għat-tindif tal-bajja tal-Għadira
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid preċiżament jekk hux minnu li fil-laqgħat li nżammu bejn l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu u l-Malta Hotels and Restuarants Association, is-sidien tal-beach concessions u tal-kioks intalbu €15,000 fis-sena individwalment għat-tindif u ż-żamma tal-concession li għandhom fil-bajja tal-Għadira? Għaliex għal żona ta' 100 pied b'40 pied qed jintallbu €15,000 meta fil-viċinanżi tal-bajja individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ħa art ta' 25 tomna għal €18,000 fis-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jista’ jsir l-ebda paragun bejn iz-zewg cifri kkwotati mill-Onor. Nterpellant. Dan ghaliex wahda tirreferi ghal-trasferiment ta’ art b’cens approvata unanimament b’rezoluzzjoni minn din il-Kamra u li, b’konsegwenza ta’ dan it-trasferiment, qieghed isir investiment ta’ miljuni ta’ ewro li jissarraf ukoll f’numru ta’ mpjiegi filwaqt li l-ohra hija sempliciment proposta li abbazi taghha beda process ta’ negozjar. Meta dan il-process jintemm wiehed ikun jista’ jikkumenta fuq ic-cifra maqbula u l-kundizzjonijiet l-ohra li qeghdin jigu diskussi.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk qattx għamel referenza bħala pagament għoli għall-akkwist ta' 25 tomna art mgħoddija lis-sid ta' stabbiliment fil-qasam turistiku fil-viċinanzi tal-bajja tal-Għadira, meta għal din l-art qed jitħallas il-prezz ta' €18,000 fis-sena mhux għal beach concession iżda sabiex iseħħ żvilupp ta' bini eżistenti ta' numru sostanzjali ta' kmamar għal użu turistiku?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bajja tal-Għadira qiegħda tiġi amministrata mill-Awtorità tat-Turiżmu u għaldaqstant l-Onorevoli Membru huwa mitlub jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Rigward il-25 tomna art mogħtija lis-sid tal-istabbiliment turistiku, l-għotja tal-art b’resoluzzjoni tal-Parlament ġiet mgħoddija fis-27 ta’ Ġunju 2011 f’seduta 373 tas-sena 2011.
diskriminazzjoni mas-sidien tal-kiosks u beach concessions
Question
Jista' l-Ministru jgħid hux qed jiġi kkunsidrat il-fatt li se titwettaq diskriminazzjoni fil-konfront tas-sidien tal-kiosks u ta' dawk li għandhom beach concessions li se jintalbu jħallsu €15,000 fis-sena, meta sid ta' lukanda ġie mogħti 25 tomna art għal €18,000 kif ukoll għal numru sostanzjali ta' snin, meta għas-sidien l-oħra kull ħames snin toħroġ tender?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 27864.
diskriminazzjoni mas-sidien tal-kiosks u beach concessions
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid hux qed jiġi kkunsidrat il-fatt li se titwettaq diskriminazzjoni fil-konfront tas-sidien tal-kiosks u ta' dawk li għandhom beach concessions li se jintalbu jħallsu €15,000 fis-sena, meta sid ta' lukanda ġie mogħti 25 tomna art għal €18,000 kif ukoll għal numru sostanzjali ta' snin, meta għas-sidien l-oħra kull ħames snin toħroġ tender?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lil Onor. Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27863